
Ħamsin sena wara

Wara ħamsin sena ħaqqna nifhmu kemm hu speċjali li bħala gżira u nazzjon ċkejken wasalna fejn wasalna. Aktar u aktar meta naraw li minkejja d-differenzi xi kultant kbar, l-intriċċi u kif ukoll it-tribaliżmi, dan il-pajjiż kien kapaċi jipproduċi soċjetà moderna u wisq aktar. Illum is-soċjetà Maltija hi rappreżentata minn klassi medja kbira li għandha ħafna preġji fosthom: li t-tfal jikbru f’kumdità tajba, opportunitajiet edukattivi tajbin, aċċessibilità għall-kura medika, xibka ta’ appoġġ soċjali u opportunitajiet tax-xogħol.
Fuq livell ta’ pajjiż irnexxielna nilħqu miri ekonomiċi fejn pajjiżi oħra fallew u tfarrku. Irnexxielna nxejnu l-marda tal-faqar u nsaħħu l-istrutturi demokratiċi.
Dan hu pajjiż li għamel impatt fuq l-isfera dinjija permezz tal-pożizzjoni ġeografika sensittiva li ninsabu fiha u kif ukoll minħabba li aħna l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
Fuq livell ta’ negozju u nies kapaċi, konna kapaċi nipproduċu nies u negozji ta’ standard internazzjonali. U li nattiraw investiment minn barra.
Veru għandna ħafna problemi, fuq livell mikro, imma rridu nammettu li għandna pajjiż meraviljuż. Poplu ħanin, poplu li huwa mimli enerġija u pajjiż u klima stupenda. Iżda issa li jenħtieġ hu li pajjiżna jaqbeż saff ieħor biex nniedu dak li ħafna jsejħu t-tieni Repubblika. Repubblika msejsa fuq il-valuri mhux tal-illum iżda ta’ għada. Repubblika li tħaddan id-diversità u li tfittex li tifrex it-tifsira ta’ demokrazija. Li tfittex li tabbraċja d-differenzi u kif ukoll tinvesti f’bilanċ serju bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Repubblika li ma tibqax tirrikonoxxi reliġjon wieħed bħala r-reliġjon tal-istat u fejn ir-rappreżentanza demokratika tiftaħ lil hinn miż-żewġ partiti. Fl-aħħar 50 sena pajjiż indipendenti jkun xieraq li niċċelebraw dik il-kisba bħala nazzjon u poplu wieħed. U fuq kollox li niċċelebraw dan kollu b’ferm aktar konvinzjoni u attenzjoni minn meta ċċelebrajna d-dħul ta’ Malta fl-Ewropa jew inkella li Malta saret Repubblika. Li qegħdin hawn wara 50 sena, kburin u komdi, diġà huwa akkwist kbir bħala pajjiż.