Demonji u kaos glorjuż f'Marquez
Il-letteratura ta’ Gabriel Garcia Marquez tirrappreżenta gwarniċ mitiku għal dinja partikolari.
Il-letteratura ta’ Gabriel Garcia Marquez (1927-2014) tirrappreżenta gwarniċ mitiku għal dinja partikolari. Ħafna jqisu li dik tal-awtur Kolumbjan hi waħda maġika-realistika. Iżda Marquez stqarr li ma kitibx linja waħda li mhux realista. Priġunier tat-temi – il-mewt, il-poter, is-solitudni u l-ispazju għall-mod tal-kitba, ried jaqleb u jibdel kollox u spiċċa jiffirma ktieb dwar l-imħabba tiegħu.
Il-ktieb L-Imħabba fi Żmien il-Kolera (1985) abbozzah sbatax-il darba. Iżda mbagħad reġa’ lura għad-demonji tiegħu bir-rumanz L-Imħabba u Demonji Oħra (1994). Il-karattri kollha ta’ Marquez huma b’xi mod marbutin flimkien b’ħabel wieħed. Dik ta’ Marquez hi saga sħiħa, fid-deher dik ta’ familtu u pajjiżu, imma metaforikament, tagħna lkoll, bil-kompromessi, il-konfronti u t-tbajja’ fuq il-kuxjenza, tal-għemil u n-nuqqas ta’ għemil.
F’Dwar l-Imħabba u Demonji Oħra, l-eżorċiżmu hu miġjub fuq quddiem. Fl-isfond hemm l-imħabba bejn tfajla ta’ tnax-il sena u reliġjuż li qed jieħu ħsiebha f’kunvent, wara li gidimha kelb irrabjat. Hawn ukoll Marquez iħallat il-leġġenda li sema’ mingħand nannuh, il-prattiċi pagani u dawk Kattoliċi, inkluż l-eżorċiżmu minn dawk li “jagħmlu l-mirakli.” Anki t-tfajla tal-istorja tidħol fil-folklor reliġjuż għax xagħarha jibqa’ jitwal f’ħabel iebes wara li tmut u tindifen. Din hi l-ossessjoni ta’ Marquez fiċ-ċikliċità tal-misteru u tal-istorja.
Hemm baħar ta’ simboliżmu fl-awtur Kolumbjan li fl-1982 rebaħ in-Nobel għal Mitt Sena ta’ Solitudni (1967) li WL Webb ta’ The Guardian iqis li dan hu wieħed mill-ftit kotba ta’ matul is-sekli li baqa’ jqanqal devozzjoni kważi reliġjuża fil-miljuni kbar li qrawh b’25 lingwa differenti. Kritiċi oħrajn raw fih epika inkomparabbli (ħlief forsi għall-Bibbja) ta’ brillantezza kaotika, Barokk uniku, allużjonijiet partikolari, azzjoni u sens qawwi ta’ umoriżmu kaloruż. L-aptit ta’ Marquez hu li jiddevorak kienet qalet in-New York Times.
Ma tridx tinsa li Marquez kien ukoll liberatur f’sens politiku, li jattakka lill-qawwiet li ppenetraw l-Amerika Latina, ewlenin fosthom l-Ingliżi u l-“Yankees” Amerikani, li installaw dittaturi-tiranni biex jaqduhom. Wieħed mill-eħrex attakki kontra d-dittatura politika l-awtur Kolumbjan ħolqu f’Il-Ħarifa tal-Patrijarka (1975), deskritt bħala poema tas-solitudni li jġib miegħu l-poter. Ir-rumanz, li fih innifsu joħloq ribelljoni letterarja minħabba nuqqas komplet ta’ punteġġjatura, jieħu bħala “mudelli” awtokrati reali bħal Pinella tal-Kolumbja, Franco ta’ Spanja Gomez tal-Venezuela, Trujillo tar-Repubblika Dominikana fost oħrajn. Il-patrijarka ta’ Marquez hu patetiku, jgħix f’palazz mimli baqar, hu konxju tal-impotenza erotika tiegħu u jispiċċa miftuq. Iġorr it-testikoli fuq karettun, fost l-għagħa tas-sudditi tiegħu.
Dan hu l-mod ta’ kif Marquez jiżżuffjetta bil-poter, ikkontrollat mill-aġenziji barranin, taħt il-libsa ta’ konsulenti. Hu wkoll attakk kontra l-ħela u l-estravaganza tan-nies f’kategoriji politiċi għoljin. Ironikament, meta sar rikonoxxut internazzjonalment, Marquez ma kienx kapaċi jeħles lilu nnifsu minn dan id-dnub kontra l-poplu.
RAZZIŻMU FL-UNIVERSITÀ
M’aħna ngħidu xejn ġdid. Malta hi gżira razzista, fid-deher jew moħbi, espressa jew mhux. Ir-razziżmu hu mifrux mal-istrati kollha.
Imma forsi ma tistenniex li jiddomina saħansitra fost l-istudenti universitarji. Fi kwestjonarju mqassam fost 400 student/a mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) f’Marzu li għadda, instab li 40% tal-istudenti ma jridux li jkunu joqogħdu ħdejn ġar/a ta’ oriġini etnika. Fl-istess sondaġġ, 91% qalu li f’Malta, ir-razziżmu jeżisti fiċ-ċert u 5% qalu li forsi jeżisti.
Aktar ċifri juru li 13% tal-istudenti Maltin jaqblu b’mod qawwi li l-integrazzjoni ta’ immigranti irregolari m’għandhiex tkompli tiżdied, filwaqt li 27% jaqblu li m’għandhiex tiżdied. Kien hemm 28% li qalu li “b’xi mod” jaqblu li Malta m’għandhiex tintegra aktar immigranti.
Is-sondaġġ juri mhux biss l-insensittività tal-istudenti terzjarji, iżda anki l-perspettiva dejqa li għandhom tar-realtà globali, l-aktar fejn jidħlu ż-żoni ta’ kunflitt li qed jipprovokaw tant ċaqliq uman.
Fuq kollox, is-sondaġġ juri li fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-istudenti għadhom iddominati mill-preġudizzji li wirtu mis-soċjetà u mill-familji tagħhom. L-istudenti universitarji f’Malta jgħixu b’geddumhom fix-xgħir, protetti u mfissdin, iżda jidhru li m’għandhomx maturità intellettwali u wisq inqas, għarfien dwar x’inhuma l-jeddijiet umani tal-immigranti. Għadhom maħkumin ukoll mill-paranojja kontra d-diversità; dwar li l-barrani jista’ “jinvadina”, jokkupa l-ispazji tagħna u joħloq interferenzi perikolużi fil-kultura u l-valuri tagħna.
IL-POETA F’NOFS IL-KUNFLITT
F’nofs it-tensjoni bejn dawk favur u dawk kontra li l-Krimea tingħaqad mal-Federazzjoni Russa (fost dawk favur kien hemm 89 mill-91 membru tal-Parlament Reġjonali Ukren), daħlet il-poeżija. F’Misraħ Indipendenza, gruppi ta’ ċittadini ta’ fehmiet differenti bdew jinġabru biex flimkien joħolqu monument tal-injam lill-poeta Taras Shevchenko, figura letterarja prominenti fi żmien l-imperu Russu fi Kiev.
Imnissel minn familja tal-Kosakki, familtu kienet ħadet sehem fil-lotta għal-liberazzjoni fl-Ukrajna fis-sekli 17 u 18, meta l-popolazzjoni kienet imxekkla u mfaqqra. U għalhekk mhix ħaġa tal-għaġeb li dan il-poeta reġa’ ġie rxuxtat bħala eroj tal-Ukreni. Iżda l-kuntest inbidel. Mill-bażi tiegħu f’San Pietruburgu, l-awtur kiteb poeżiji liriċi, epiċi u anki drammi.
Meqjus bħala awtur perikoluż mill-Kzar Nikolai, Shevchenko kien arrestat u maqful fil-muntanji Urali, taħt għassa stretta, u mċaħħad mid-dritt li jikteb. Il-wirt letterarju tiegħu hu evidenzjat mill-ħafna monumenti mxerrdin b’abbundanza mal-eks Unjoni Sovjetika kollha. L-ewwel monument li jfakkar lill-poeta nbena f’San Pietruburgu fuq ordni ta’ Lenin innifsu.