Ejjew Niċċelebraw!

Naħseb ftit huma dawk il-pajjiżi jekk hawn, li għandhom aktar minn festa nazzjonali waħda. Jekk kien hawn Prim Ministru li jagħmel minn kollox biex jagħti importanza ndaqs lil kull waħda minn dawn il-festi huwa Joseph Muscat. Jitkellem sal-punt li ġieli anke jkun ikkritikat minn dawk li għadhom ma fehmux li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin bil-kantaliena li l-Indipendenza mhux ħamra biżżejjed u Jum il-Ħelsien mhux blu biżżejjed.

Mhux faċli tieħu deċiżjoni, għaliex it-temperament Malti huwa dak li hu. Nagħmlu x’nagħmlu l-partitiżmu u l-partiġġjaniżmu politiku, sakemm ix-xena politika Maltija tibqa’ ddominata minn żewġ partiti kbar, se tibqa’ magħna u ma’ wliedna. Jista’ jonqos, iżda hemm ser jibqa’. Għalhekk, sa ċertu punt ninsabu fi sqaq poltiku li deċiżjoni ma jistax jeħodha bniedem waħdu jew jekk jeħodha waħdu, irid ikollu l-kuraġġ li jiffaċċja lin-nies li ma jaqblux miegħu.

Din il-qasma hija mibnija fuq raġunijiet storiċi fuq naħa u n-naħa l-oħra fuq pika emozzjonali partiġġjana. Jekk jiena u l-Partit tiegħi ma qbilniex magħha ma nistgħux inkunu favuriha. L-unika eċċezzjoni għal din ix-xorta ta’ attitudni huwa d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u dan għaliex li l-Partit Laburista ma ddejjaqx jgħid, li ġaladarba l-poplu tkellem fl-elezzjonijiet ġenerali meta qamet din il-kwistjoni, dan issa huwa kapitlu magħluq.

Iżda l-akbar żewġ dati fejn jidher li ma hemmx qbil assolut huma dawk tal-1964 u tal-1979! Meta tassew Malta saret indipendenti u ħielsa. Għalija r-risposta hija ċara, għalkemm mhux lest li nagħtiha f’dan l-artiklu. Iżda li huwa ċert hu, li sakemm għad m’hemmx qbil fuq data waħda, isir aktar ħsara jekk b’xi mod nipprovaw noħorġu xi data minnhom aktar importanti minn oħra. Meta nhar l-Erbgħa kont qiegħed il-Barrakka ta’ Fuq għal riċeviment u dimostrazzjoni spettakolari tal-logħob tan-nar sinkronizzat ma’ mużika moderna, tpaxxejt. 

Tpaxxejt bil-ħila tal-organizzaturi u għaliex ukoll kien jistħoqq li niċċelebraw l-għaxar snin anniversarju fl-Unjoni Ewropea b’dan il-mod, għalkemm staqsejt ukoll għaliex il-35 sena anniversarju mill-31 ta’ Marzu ma ġiex iċċelebrat bl-istess pompa u spettaklu! Għalissa, dawn il-festi għandhom, kemm jista’ jkun ikunu ċċelebrati b’parità, għaliex jekk le, issir aktar ħsara u l-firda fuqhom tikber.

Jekk xi ħadd kellu jistaqsini liema mill-festi nazzjonali għandha l-aktar sinifikat, jien inwieġeb is-Sette Giugno. Għaliex dak kien avveniment li tassew nifed il-memorja kollettiva tal-Maltin. Jiena naħseb li dan kien l-avveniment li żera’ ż-żerriegħa li finalment minnha nibtet l-Indipendenza, ftit wara r-Repubblika u xi snin wara t-tluq effettiv tal-Ingliżi minn Malta. Pereżempju Franza, l-14 ta’ Lulju għandu dan is-sinifikat, għaliex kienet ir-revoluzzjoni Franċiża li welldet ir-Repubblika u mhux bil-kuntrarju. Repubbliki kellhom diversi, iżda rivoluzzjoni kien hemm waħda biss.

Sa fejn għandu x’jaqsam pajjiżna, il-kwistjoni kollha ddur ma’ mod kif għandu jkun deċiż li jkollna Jum Nazzjonali wieħed.  Sa issa ħafna minn dawn il-kwistjonijiet ġew deċiżi mill-politiċi wara l-bibien magħluqin. Hekk ġara f’tibdiliet profondi tal-Kostituzzjoni. Il-Partit Laburista qiegħed jipproponi li jkun Konvenzjoni Kostituzzjonali għal riforma profonda fil-Kostituzzjoni. Il-kwistjoni ta’ jum Nazzjonali wieħed tista’ tkun waħda mill-affarijiet li tista’ tkun diskussa f’din il-Kummissjoni. 

Huwa f’dan l-istadju li għandna niddiskutu mhux biss liema għandu jkun dan il-jum, iżda anke l-metodu kif ser jintgħażel. Għandna nikkunsidraw li l-għażla ma tkunx tal-politiku waħdu iżda jkun hemm ukoll xi xorta ta’ intevent jew konsultazzjoni reali mal-poplu. Hekk biss nistgħu niggarantixxu li jkun hemm xi xorta ta’ konsenus nazzjonali, anke jekk ma jkunx assolut.

More in Blogs