Proġett tagħna lkoll

Huwa mistenni li l-partiti ewroxettiċi sejrin jieħdu tletin fil-mija tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew il-ġdid. 

Huwa inevitabbli li wieħed jagħmel ħafna kontijiet wara għaxar snin. Għal bosta l-fatt li aħna membri tal-Unjoni Ewropea hija r-realizzazzjoni ta’ ħolma mill-kbar. Hu verament kważi surreali li aħna belt-pajjiż ta’ 400,000 li sibna postna f’għaqda li llum tgħodd tmienja u għoxrin pajjiż u għandna l-istess drittijiet u responsabbilitajiet bħal pajjiżi ferm akbar minna. Malta dejjem, sabiex nużaw espressjoni bl-Ingliż, punched above its weight u bid-dħul tagħna fl-UE, dan qatt ma kien aktar veru. Ovvjament mhux kulħadd japprezzah dan il-fatt. Għadek taqra kummenti ta’ kontributuri, spiss anonomi, li jibku t-telf ta’sovranità nazzjonali u anke jittamaw li Malta toħroġ mill-UE. Dawn is-sentimenti issa qegħdin jesprimu ruħhom fil-formazzjoni politika ġdida msejħa Alleanza Bidla li ser tikkontesta l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ dan ix-xahar.

Wieħed għad irid jara x’livell ta’ appoġġ se ssib din il-formazzjoni politika ġdida. L-ewroxettiċiżmu ma jidhirx li għandu xi segwitu kbir f’pajjiżna imma dan hu fenomenu li qisu dak il-ġamar li jibqa’ jnemnem imma dritt jieħu n-nar malli jkollu l-arja. Bħalma rajna f’pajjiżi oħra li ilhom membri tal-UE ħafna snin qabilna, l-approvazzjoni pubblika tal-UE spiss tiddependi fuq il-qagħda ekonomika fil-pajjiż. Meta l-ekonomija marret lura u waqgħet f’riċessjoni, l-ostilità għall-UE bdiet tikber. Tant li huwa mistenni li l-partiti ewroxettiċi sejrin jieħdu tletin fil-mija tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew il-ġdid. 

Forsi l-eċċezzjoni hija r-Renju Unit fejn l-ostilità għall-UE qiegħda tikber minkejja li qiegħda tgawdi minn qagħda ekonomika ferm aktar feliċi mill-maġġorparti taż-żona ewro. Il-partit tal-ewroxettiċi, l-U.K. Independence Party qiegħed dejjem iżid l-appoġġ popolari u skont l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika jista’ jsir it-tielet l-akbar partit minflok il-Liberal Demokratiċi fl-elezzjonijiet ta’ dan ix-xahar. L-UKIP qed jisraq il-votanti tal-Partit Konservattiv li minħabba f’hekk qed ikollu jadotta pożizzjonijiet aktar ostili fil-konfront tal-UE. Tant li l-Prim Ministru David Cameron wiegħed li jirrinegozja l-kundizzjonijiet tar-Renju Unit fl-UE u jniedi referendum dwarhom f’leġislatura ġdida fl-2017.

Wieħed irid jara kemm il-pajjiżi l-oħra tal-UE ser jaċċettaw li r-Renju Unit tirrimpatrija x’uħud mill-poteri li llum għandha l-UE u kif tali arranġamenti ġodda jistgħu ma jikkomplikawx l-istruttura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi Brussell li ċertament mhix sempliċi. Il-każ tar-Renju Unit huwa ċertament interessanti. L-Iskozja, immexxija mill-kariżmatiku Alex Salmond, se żżomm referendum f’Settembru li ġej biex tiddeċiedi jekk tabbandunax l-Unjoni mal-Ingilterra tal-1603 meta r-re Skoċċiż sar ukoll ir-re tal-Ingilterra. Imma Salmond qed jargumenta li mal-indipendenza, l-Iskozja trid tidħol fl-UE u qed isostni li t-trattativi jistgħu jitlestew fit-tmintax-il xahar wara r-referendum. Dawk il-politiċi Ingliżi u Skoċċiżi li huma kontra l-indipendenza Skoċċiża qed jgħidu li dan mhux possibli u jekk l-Iskozja ssir indipendenti, ikollha tapplika għad-dħul fl-UE bħal kull pajjiż ieħor. 

Bosta pajjiżi li huma mwerwrin mill-ispinti seċċessjonijsti f’pajjiżhom bħalma hi Spanja minħabba l-Katalunja ma jaċċettawx li l-Iskozja tibqa’ membru jekk tieħu l-indipendenza. Kif Barroso stqarr riċentement, ser ikun diffiċli li tmienja u għoxrin pajjiż jaċċettaw l-Iskozja indipendenti bħala membru u semma l-eżempju tal-Kosovo li Spanja għadha ma tirrikonoxxix. Imma Barroso qed jinsa li jekk l-Iskozja ma jkollhiex dritt tibqa’ membru tal-UE, l-anqas ma jkollha r-Renju Unit mingħajr l-Iskozja. Ir-regoli tas-suċċessjoni tal-istati għandhom jassiguraw li ż-żewġ pajjiżi ġodda li jitwieldu meta jinfired ir-Renju Unit jibqgħu membri tal-UE bid-drittijiet u obbligi li kellha r-Renju Unit. Problema interessanti tad-dritt internazzjonali pubbliku.

Interessanti li Alex Salmond f’diskors riċenti fil-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges sostna li r-referendum li Cameron irid iniedi fl-2017 biex ir-Renju Unit jiddeċiedi jibqax membru tal-UE jew le huwa theddida għall-Iskozja. “L-influwenza li tikber mhux biss ta’ ewroxettiċiżmu, imma ta’ ewrofobija f’Westminster hija theddida reali għall-post tal-Iskozja fl-Ewropa. Illum il-Gran Brittanja hija marġinalizzata fl-Ewropa u jekk l-Iskozja tibqa’ mmexxija minn Londra, qegħdin naffaċjaw il-possibilità ta’ referendum jekk nibqgħux parti tal-UE jew le. Huwa possibli li jekk f’Settembru li ġej ma nagħżlux biex inbiddlu ċ-ċirkostanzi tagħna, nitkaxkru ’l barra mill-UE kontra r-rieda tagħna.” 

Dan id-diskors fakkarni f’lekċer li kont assistejt għalih aktar minn tletin sena ilu: il-forzi ta’ integrazzjoni u diżintegrazzjoni qed jaħdmu fl-istess ħin fl-Ewropa. Fil-waqt li bosta f’reġjuni bħall-Iskozja, il-Katalunja u l-Vallonja jridu jitilqu mill-pajjiż li ilhom fih mijiet ta’ snin, xorta jridu jibqgħu msieħba fl-UE u l-faxxinu tal-UE għadu f’saħħtu minkejja l-kriżi ekonomika li laqtitha kif rajna fl-avvenimenti riċenti fl-Ukrajna u l-ħeġġa tal-istati tal-eks-Jugoslavja li jsiru membri wkoll. 

Dan kollu fejn iħallina? Fl-ewwel lok, wieħed ma jistax jinsa l-oppożizzjoni insensata tal-Partit Laburista li nsiru membri. Jekk kien hawn xi ħadd fil-pajjiż li messu kien favur l-UE kif imfassla minn soċjalisti illustri bħal Jacques Delors, dan kellu jkun il-Partit Labursita u s-sieħba tiegħu, il-GWU. Minflok saret oppożizzjoni qalila għad-dħul minkejja li fil-verità probabilment kieku mhux għal tali oppożizzjoni, kieku xi tliet kwarti tal-Maltin kienu jkunu favur id-dħul kif jidher li l-opinjoni pubblika hi llum. L-aktar li kellhom jibżgħu mid-dħul kellhom ikunu n-negozjanti li progressivament tilfu l-protezzjonijiet kollha li s-suq tagħna kien igawdi. Imma n-nies fin-negozju huma mdorrija jadattaw u l-istess iridu jagħmlu l-ħaddiema. Fortunatament, aħna bħala razza aħna nies flessibli, naħdmu u bravi u qatt ma kellna nibżgħu mill-isfidi tal-UE li ż-żmien wera li rbaħnihom sew. 

Jidher li bosta esponenti tal-PL għadhom ma fehmux li llum Malta hija parti integrali tal-UE. Meta tisma’ d-diskors tal-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew, jolqtok l-enfasi li l-ewwel irridu nissalvagwardjaw l-interessi Maltin u anke l-idea straordinarja li aħna u l-UE aħna msieħba. Hemm kontinwament dan is-sens ta’ distinzjoni u l-idea li min jiġi elett irid jiddefendi s-swar Maltin mill-barrani. Wieħed irid jgħid li anke l-kandidati tal-PN bi ftit eċċezzjonijiet qajla jenfasizzaw il-kwistjonijiet Ewropej imma m’hemmx dan is-sens artifiċjali ta’ distinzjoni bejna u l-UE. 

Il-PN min-naħa tiegħu jenfasizza kontinwament il-ġid materjali li d-dħul fl-UE ġab miegħu. Tali progress materjali mhux iddubitat u kieku mhux għall-għajnuna Ewropea kieku probabilment is-swar u t-toroq tagħna għadhom jaqgħu biċċiet. Dan barra l-ħafna għajnuna oħra li rċivejna.

Imma l-Ewropa mhix progress materjali biss: hi hu wkoll dwar ir-rispett tas-saltna tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ f’suq ta’ ħames mitt miljun. Hija wkoll it-tħaddin ta’ livelli għoljin f’bosta oqsma bħad-drittijiet tal-konsumatur, il-konkorrenza fis-suq, is-salvagwardja tal-ambjent u l-kontrolli fuq l-ikel. Tant li bosta pajjiżi madwar id-dinja qegħdin dejjem jadottaw il-livelli Ewropej fil-leġislazzjoni tagħhom.

L-Ewropa mhix proġett mitmum. Għad fadal ħafna xi jsir u ħafna differenzi reġjonali u nazzjonali x’jiġu ssuperati. Is-soluzzjoni għall-problemi tal-Ewropa hija aktar Ewropa mhux anqas Ewropa kif jargumentaw il-populisti u dan aktar u aktar f’dinja fejn l-Asja qiegħda dejjem takkwista preminenza ekonomika. Id-dgħufija tal-Ewropa rajniha fil-kriżi li laqtet il-kontinent f’dawn l-aħħar snin bl-inizjattivi spiss jittieħdu mill-istati membri u mhux mill-istituzzjonijiet Ewropej.

Dan kien ukoll il-każ tal-Parlament Ewropew li huwa ferm importanti fit-tfassil tal-proġett Ewropew. Għandu ferm aktar poteri milli l-Maltin jaħsbu u jrid biss biss japprova l-maġġorparti tal-leġislazzjoni Ewropea, li ħafna drabi tidħol fis-seħħ immedjatament f’pajjiżna. Ċertament messu kien aktar attiv fil-kriżi li għaddejjin minnha imma ddistingwa ruħu bl-assenza deċiżjonali tiegħu. 

Għaldaqstant, meta mmorru nivvutaw fl-24 ta’ Mejju, għandna nagħżlu fost il-kandidati li jifhmu sew il-proġett Ewropew u jafu x’inhu għaddej. Min jitkellem biss fuq kwistjonijiet lokali messu joħroġ għall-elezzjoni ġenerali, mhux dik Ewropea. Is-siġġijiet Maltin fil-Parlament Ewropew huma ferm prezzjużi u għandhom jimtlew minn min verament jista’ jikkontribwixxi għall-bini tal-proġett Ewropew għax b’hekk biss jista’ jitkattar il-ġid u l-progress f’pajjiżna. L-UE huwa proġett storiku li anke aħna l-Maltin irridu nagħtu sehemna sħiħ bħala pajjiż membru.

Twitter - @ellisjoseph

More in Blogs