Dan hu ġismi
Meta kont tifel u ommi kien jidhrilha li għandi rrodd xi ħaġa lil xi ħadd u kont insabbat saqajja u ngħajjat li “Dik tiegħi!” ommi kienet tkun pronta twieġeb li lanqas xagħri mhu tiegħi. Ma kinitx xi mara stretta ħafna imma “Dik tiegħi!” ma kinitx tiflaħha u dik it-tweġiba kienet dejjem lesta fil-ponta ta’ lsienha.
Issa jekk hemm xi ħaġa li hija tagħna, sakemm, kuntrarju għall-messaġġ imtaħħat ta’ ommi, inħallu barra ż-żmien u l-effetti distruttivi tiegħu, hija l-ġisem li nġorru magħna kull fejn immorru. Hemm din it-tendenza li nbiegħdu lilna nfusna minn ġisimna, donnu hemm xi ħaġa ġo xi ħaġa oħra, u din il-ħaġa li hemm ġewwa nsejħulha r-ruħ. It-tendenza li naqsmu lilna nfusna f’ġisem u ruħ hija antika daqs Platun u saħansitra aktar. Kien jingħad li l-ġisem huwa l-ħabs tar-ruħ sakemm darba fost l-oħrajn xi ħadd fettillu jikkonkludi li, għall-kuntrarju, hija r-ruħ il-ħabs tal-ġisem għaliex dan il-kunċett, li ħafna drabi huwa reliġjuż, dejjem qisnieh bħala r-riedni, il-mexxej, iċ-ċensur forsi, tal-ġibdiet tal-ġisem.
Jidhirli, iżda, li l-Ħadd filgħodu mhuwiex l-aħjar ħin li fih noqogħdu niffilosofizzaw u miniex se noqgħod niddiskuti din ir-relazzjoni li nkwetat ħafna mħuħ għal ħafna snin imma xtaqt ngħaddi kumment dwar punt li tqajjem din il-ġimgħa. L-Isqof Scicluna ta l-veduti tiegħu dwar il-possibilità li qiegħda tiġi kkunsidrata li l-katavri minflok jindifnu jew jiġu kkremati, jibdew jiddewbu u mbagħad l-iskeletri jitfarrku. Scicluna, ovvjament infurmat mid-duttrina Kattolika, attakka l-idea li ġisem, anki jekk bla ħajja, jiġi diżintegrat bil-kimika. Imbagħad f’waħda mill-bloggati tagħha Daphne Caruana Galizia xebbhet din il-proposta ma’ ‘soluzzjonijiet’ simili li ħarġu bihom l-amministrazzjoni Nazista u l-mexxejja tal-Mafia u gruppi kriminali oħrajn tal-istess qatgħa.
Jien kont naf lil xi ħadd li nqatel billi spiċċaw dewbuh f’kaldarun aċtu minħabba l-involviment tiegħu mal-kriminalità organizzata u l-ħsieb biss itellagħli l-istonku u l-idea li nibdew indewbu l-katavri u nfarrkulhom għadamhom ftit wara tolqotni bħala biżarrija kbira li xi ħaġa ġo fija (ruħi?) ma tistax taċċettaha.
Ir-relazzjoni tal-bniedem ħaj mal-bniedem mejjet, jew aħjar tal-ġisem ħaj mal-ġisem mejjet, ittrasformat ruħha matul is-snin u tinbidel f’soċjetajiet diversi li għandhom realtajiet kulturali differenti. Hemm ħafna ritwali li f’għajnejn in-nies tal-Punent jistgħu jidhru biżarri jekk mhux ukoll orribbli, imma r-ritwali kollha, strambi kemm huma strambi, minbarra li dejjem jesprimu fiduċja li l-mejjet sejjer jgħix banda oħra, kollha u dejjem għandhom turija ta’ rispett lejn il-mejjet. Fi kliem ieħor qabel daħlet il-mentalità ċinika li katavru huwa mbarazz li rridu naraw kif se neħilsu minnu, bħallikieku kien xi materjal abjett li rridu naraw x’se nagħmlu bih, il-ħajjin kellhom rispett kbir lejn il-katavri.
Il-ġisem tagħna. Għallinqas sakemm għadu ħaj, ikun tagħna, u nqisuh tagħna. Anki l-mod kif nagħrfu li l-ġisem huwa tagħna jvarja skont iż-żmien u l-kultura. Waħda mill-imġibiet li tista’ tgħid tinstab fid-dinja kollha hija x-xewqa li lil dan il-ġisem insebbħuh billi nżejnuh: illibbsulu l-ġojjellerija (ta’ veru jew tal-plastik, ma tagħmilx differenza), inżellġulu l-kulur, fuq kollox nimmodifikawh kif jinteressa lilna.
Il-modifikazzjoni tal-ġisem hija waħda mill-modi kif nasserixxu li ġisimna huwa l-proprjetà tagħna. Nistgħu nibdluh. Nistgħu nibdlulu l-forma billi ċċekknu jew inkabbru partijiet minnu; nibdlulu l-kulur tal-ġilda; intaqqbuh, nimlewh boċċi jew ponot tal-metall; nibdluh f’mużajk jew f’tila mimlija kuluri u xbihat u saħansitra testi; u elf ħaġa oħra. Din hija l-era tal-esperimentazzjoni bil-figura. Minbarra d-dieti biex dak li jkun jonqos fil-piż jew isaħħaħ il-muskoli, hemm modifikazzjonijiet aktar estremi. Dennis Avner kellu ossessjoni bit-tigra li kien jemmen li kienet it-totem tiegħu. Beda biex bidel ismu għal Stalking Cat u biex ikollu dehra kemm jista’ jkun realstika ta’ tigra tul ħajtu kellu tatwaġġ ma’ ġismu kollu bil-kuluri u l-għamliet tal-pil tat-tigra, immodifika ħuġbejh, ħaddejh, xufftejh u saħansitra lsienu; skolpixxa difrejh u tawwalhom; u wasal biex anki għamel operazzjoni madwar ħalqu biex ikollu mustaċċi bħal tat-tigri.
L-artist Ċiprijott Stelios Arcadiou fettillu jinstalla widna fi driegħu x-xellugi u hekk spiċċa bi tliet widniet minbarra li kellu wkoll driegħ mekkaniku mqabbad ma’ ġismu biex kien hemm mument meta kellu anki tliet dirgħajn. Arcadiou wkoll bidel ismu, u llum huwa magħruf aktar bħala Stelarc.
Imbagħad hemm Mireille Suzanne Francette Porte li minbarra li bidlet isimha wkoll għal Olran, kemm-il darba daħlet tagħmel operazzjonijiet tal-kirurġija plastika biex tieħu diversi dehriet, waħda m’għandha x’taqsam xejn mal-oħra.
It-trasgressjoni mhijiex biss f’esperimenti bħal ta’ Stelarc li ġisem uman jibdlu f’magna, jew flok par widnejn jispiċċa bi tlieta, imma tidher ukoll f’esperimenti li jisfidaw id-diversifikazzjoni -sa ftit ilu ovvja u naturali - bejn is-sessi. Pereżempju Conchita Wurst, li mhux biss minn raġel issir mara, imma attwalment tidher it-tnejn f’daqqa.
Anki jekk il-motivazzjonijiet ta’ Avner, Arcadiou, Porte u Wurst (u Alla biss jaf kemm oħrajn) huma differenti u differenti sew minn xulxin, hemm fil-komuni għaddej bejniethom: qegħdin jasserixxu li l-ġisem huwa proprjetà tagħhom u allura jistgħu jagħmlu bih dak li jridu. L-esperjenzi tagħhom jistgħu jitqiesu estremi, biżarri, stupidi forsi, imma huma stqarrijiet importanti. Imqar l-artifiċjalità tal-forom li jiżviluppaw għalihom infushom (u iva, għall-oħrajn li jħarsu) tinbidel f’awtentiċità għaliex il-forma addattata hija l-forma li huma jridu jidhru biha.
Jekk Conchita Wurst titla’ tkanta l-kanzunetta tagħha għall-Eurovision bid-dehra femminili imma b’wiċċha nofsu miksi bid-daqna, se tkun qiegħda tgħid lil kulħadd li ġisimha għamlitu tagħha fl-aħħar, appuntu għaliex huwa tagħha. U l-modifikazzjoni tal-ġisem hija tradizzjoni antika: l-allat il-kbar Griegi, Kelti, Slavi u oħrajn isiru annimali, l-alla Mediterranju jsir kisra ħobż u belgħa nbid hekk kif iħares lejn dawn iż-żewġ oġġetti u jiddikjarahom bħala ġismu u demmu.
Għaldaqstant, jekk dak li jkun għandu dritt li jimmodifika ġismu għax ġismu huwa tiegħu, jidhirli li
bniedem għandu jżomm id-dritt fuq ġismu anki meta jmut. Il-katavru tiegħu għandu jkun hu li jiddetermina kif wieħed jiddisponi minnu. Waqt li xorta nibqa’ nemmen li t-tidwib tal-katavri -aktar u aktar jekk imbagħad il-fdalijiet jispiċċaw fid-drenaġġ – huwa rit biżarr li huwa nieqes għal kollox mir-rispett li t-tradizzjoni kienet u għadha tgħallimna nuru lejn din l-unika proprjetà awtentika tagħna, naħseb li ħadd m’għandu jiddetta x’jagħmel b’ġismu, la f’ħajtu u lanqas f’mewtu.