Don Quixote fostna

Il-kavallier li kien jinfluwenza ruħu mill-kotba u jispiċċa jagħmel bawxati kbar

L-istorja ta’ Don Quixote lkoll nafuha: dik ta’ bniedem li influwenzat mill-kotba li kien jaqra, kien jilgħabha ta’ kavallier u jispiċċa f’bawxati kbar. F’episodju minnhom, meta kien qed idur fil-kampanja flimkien mal-qaddej fidil  tiegħu, Sancho Panza ħaseb illi ra tletin jew erbgħin ġgant illi ried jattakka u joqtol sabiex ineħħi l-periklu. Imma dawn il-ġganti ma kienu xejn ħlief imtieħen tar-riħ.  Bħal Don Quixote, spiss ninkwetaw dwar xi problema illi eventwalment tirriżulta illi jew kienet immaġinarja jew ferm iżgħar milli wieħed kien qed jistenna.

Dan l-aħħar smajna bosta twissijiet minn persuni prominenti fil-qasam legali dwar problemi   kostituzzjonali serji.  Huma persuni ta’ integrità, intellett kbir u kapaċità kbira illi ilni nafhom tletin sena. Madankollu, ikolli nistqarr illi kont sorpriż bl-interventi tagħhom.  Iktar mir-riservi serji li għandi dwar dak li qalu, inħoss illi qed jiffukaw fuq problemi immaġinarji jew li m’humiex daqshekk serji mentri qed jinjuraw problemi ferm aktar serji u attwali fil-qasam kostituzzjonali.

Din il-ġimgħa, f’diskussjoni organizzata mill-Kamra tal-Avukati, smajna lill-imħallef Malti fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, Anthony Borg Barthet jipotizza l-possibilità ta’ konflitt bejn il-Kostituzzjoni Maltija u l-liġi ewropea.  Dana peress illi l-artiklu 6 tal-Kostituzzjoni jgħid  illi “jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett” mentri t-Trattati ewropej u anke l-ġurisrudenza tal-Qorti jistabilixxu illi l-liġi ewropeja dejjem tipprevali fuq il-liġi domestika.  L-imħallef Borg Barthet qal illi peress illi Malta  ma affermatx is-supremazija tal-liġi tal-U.E. fil-Kostituzzjoni tagħna kif għamlet l-Irlanda, jekk il-Parlament Malti jilleġisla f’mod illi jmur kontra l-obbligi ta’ Malta bħala membru tal-U.E., Malta jkollha jew temenda l-Kostituzzjoni tagħha, jew titlob deroga mil-liġijiet komunitarji jew titlaq l-U.E.  

L-imħallef Borg Barthet stqarr illi huwa l-anqas seta’ jimmaġina tali konflitt peress illi tali possibilità hija aktar teoretika milli attwali.  Madankollu, wieħed xorta jħoss illi ma jeżisti l-ebda konflitt bejn il-Kostituzzjoni u l-liġi ewropea għaliex l-artiklu 65(1) tal-Kostituzzjoni jgħid illi “...l-Parlament jista’ jagħmel liġijiet għall-paċi, ordni u gvernar tajjeb ta’ Malta b’mod konformi ma’ rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali u reġjonali ta’ Malta partikolarment dawk assunti bit-trattat tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April, 2003.” Għaldaqstant, anke l-Kostituzzjoni tipprovdi illi l-Parlament jista’ biss jilleġiżla skond il-prinċipji tat-trattat ta’ adeżjoni fl-U.E u fin-nuqqas, il-liġi ma tkunx skond il-Kostituzzjoni.  

Wieħed irid ifakkar ukoll skond l-artiklu 3(2) tal-Att dwar l-Unjoni Ewropea “Kull disposizzjoni ta’ liġi li mid-data msemmija tkun inkompatibbli mal-obbligazzjonijiet ta’ Malta taħt it-Trattat jew li tidderoga minn xi dritt mogħti lil xi persuna bit-Trattat jew taħtu għandha, safejn dik il-liġi tkun inkompatibbli ma’ dawk l-obbligazzjonijiet jew safejn tkun tidderoga minn dawk id-drittijiet, tkun bla effett u ma tkunx tista’ tiġi infurzata.”  Għaldaqstant, kwalunkwe liġi illi tkun inkompatibbli mal-obbligi illi assumiet Malta meta ffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni fl-U.E. ma tingħatax effett u ma tistax tiġi nfurzata.

Verament wieħed ma jarax il-perikli illi qed jara l-imħallef.  

Dan l-aħħar ukoll, id-dekan tal-Fakultà tal-Liġi kiteb bosta artikli fil-ġurnali dwar il-mozzjoni illi hemm fil-Parlament għal tneħħija ta’ mħallef illi l-ewwel trid tiġi eżaminata mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.  Verament dan il-każ irid aktar minn artiklu sabiex tanalizzah sew.  Madankollu, huma bosta illi għandhom riservi kbar dwar il-konklużjonijiet tal-professur Aquilina.  Fost affarijiet oħra, il-Professur Aquilina dehrlu illi minkejja dak li jgħid l-Erskine May, il-bibbja f’Westminister tal-proċedura parlamentari, mozzjoni ta’ impeachment ma tibqax fis-seħħ meta jxolji Parlament ġaladarba l-Kostituzzjoni Maltija ma ssemmi xejn.  Wieħed irid iżomm f’moħħu illi l-Kostituzzjoni m’hix biss dak il-ktieb illi fi żmien kien aħmar imma anke bosta liġijiet oħra, l-Ordnijiet Permanenti tal-Parlament u l-ġurisprudenza tal-Qrati tagħna. U f’dan ir-rigward tajjeb illi wieħed ifakkar is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1971 tal-Qorti Kostituzzjonali komposta minn Sir Anthony Mamo, J.J. Cremona, Joseph Flores, Joseph Henry Xuereb u A. Gauci Maistrè, “dream team” tassew, fl-ismijiet “Mintoff vs Borg Olivier”.  Dik il-Qorti  tat piż kbir lil Erskine May peress illi l-Ordnijiet Permanenti jew fil-Kostituzzjoni ma jistgħux jantiċipaw l-eventwalitajiet kollha illi jistgħu jinqalgħu.

Anke fir-rigward tal-kritika illi għamel peress illi l-Kummissjoni  dehrilha illi m’għandhiex terġa tisma xhieda biex tasal għall-konklużjoni tagħha wara illi ġiet ippreżentata t-tieni mozzjoni, il-Professur Aquilina bbaża l-argumenti tiegħu fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ “Olujic v Kroazja”.  Imma wieħed irid jiddistingwi illi fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tiddeċidiex hi jekk imħallef għandhux jitwarrab jew le imma biss jekk il-mozzjoni għandhiex tiġi diskussa mill-Kamra jew le.  Effettivament, dan huwa protezzjoni addizjonali għall-ġudikatura.  

Anke meta l-mozzjoni tiġi diskussa fil-Kamra, wieħed jiddubita ferm kemm tista’ tapplika l-artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għax m’hemm l-ebda determinazzjoni ta’ drittijiet ċivili jew ħtija kriminali.  Dana peress illi ħadd m’għandu dritt ċivili illi jilħaq membru tal-ġudikatura. Il-ħatra ta’ membru tal-ġudikatura huwa essenzjalment att politiku illi bil-Kostituzzjoni tagħna jista’ biss jiġi revokat b’vot ta’ aktar minn żewġ terzi tal-Parlament u dana sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura.  Imma wieħed ma jistax jargumenta illi dawk id-deputati illi esprimew ruħhom dwar il-mozzjoni ta’ tneħħija ma jistgħux jieħdu sehem fil-vot.  B’dan l-argument, l-anqas min ippropona u ssekonda l-mozzjoni ma jista’ jivvota għax ikun diġa esprima ruħu !  

Imma minkejja illi mozzjoni bħal din hija mportanti, wieħed jixtieq isaqsi jekk verament din hijiex l-aktar kwistjoni taħraq illi għandna fil-qasam kostituzzjonali. Altru li le.  Ejjew nergħu mmorru għall-każ imqajjem mill-Imħallef Borg Barthet.  Nassumu illi l-Kostituzzjoni, bħal dik Irlandiża, tafferma illi l-liġi ewropea tipprevali fuq dik maltija. X’jiġri jekk il-Parlament jgħaddi liġi illi l-Qrati tagħna jiddikjaraw illi tmur kontra t-Trattati u l-obbligi kommunitarji ? Ir-risposta noħduha billi naraw x’jiġri illum fir-rigward tal-liġijiet illi l-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara illi jmorru kontra l-Kostituzzjoni.  F’ħafna każiijiet, minkejja l-artiklu 6 tal-Kostituzzjoni, liġi illi tiġi dikjarata illi tmur kontra l-Kostituzzjoni spiss tibqa’ tiġi applikata u jridu jgħaddu s-snin qabel ma’ l-Parlament jiddeċiedi illi jbiddilha.  U intant isiru kawżi oħra b’ħela ta’ ħin u flus għal min hu nvolut u ġieli anke b’eżitu differenti minn dawk deċiżi qabel.  Sitwazzjoni tassew assurda għax skond il-Qrati tagħna, meta sentenza tiddikjara illi liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni, tali sentenza torbot biss lill-partijiet fil-kawża u m’hux lill-pajjiż kollu.  Għalhekk, sakemm il-Parlament jiċċaqlaq, il-liġi tibqa’ tapplika fil-konfront ta’ min ma kienx parti fil-kawża.  

Imma l-akbar skandlu kostituzzjonali ta’ pajjiżna żgur huwa l-mod kif l-Avukat-Ġenerali qed jinjora s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-sena l-oħra fl-ismijiet “Camilleri v Malta” minħabba d-diskrezzjoni illi jgawdi f’każi ta’ traffikar ta’ droga jekk  jibgħatx l-akkużat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jew quddiem il-Qorti Kriminali.  Il-Qorti Ewropea sabet illi dina d-diskrezzjoni tikser l-artiklu 7 tal-Konvenzjoni imma għall-Avukat-Ġenerali qisu ma ġara xejn u baqa’ għaddej bħal qabel. jiddeċiedi jekk bniedem jistax jeħel sa għaxar snin  jew għomru l-ħabs. Bir-riżultat illi issa hemm pataflun kawżi oħra fuq l-istess kwistjoni bil-Qrati tagħna s’issa jimxu kif iddeċidiet Strasbourg u anke sabu vjolazzjoni tal-artiklu 6 tal-Konvenzjoni.

Dan x’pajjiż hu fejn il-gvern u l-Parlament jinjoraw sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ?  

Dawn huma l-ġganti illi lkoll li aħna li nħaddnu l-kliem tal-kbir Ċiċerun illi “servi leges sumus ut liberi possimus esse” (“Aħna qaddejja tal-liġi ħalli nistgħu nkunu ħielsa.”) għandna ningħaqdu sabiex naqtgħulhom rashom.  M’hux nintilfu bħa Don Quixote nattakkaw xi mitħna tar-riħ illi jaħasra ma tagħmlilna l-ebda deni.

More in Blogs