Għada l-festa
Il-festival tal-ktieb.
Kien hemm żmien meta ħafna għaqdiet meqjusin bħala ‘tal-Malti’ kienu xempju ta’ kannierji kulturali li innoċentament kienu jagħtu impressjoni tassew negattiva ta’ dak li kien ‘Malti’. Ħafna drabi kienu aktar moħħhom biex jikkomemoraw lil dak u lill-ieħor (dik ma tantx kienet teżisti) milli biex verament jippreżentaw lill-pubbliku (ġeneralment miżeru) li kien ikollhom b’kultura ħajja u aġġornata.
Niftakar lejliet interminabbli ta’ qari free for all meta għal sagħtejn jew tlieta kull min kien ikun preżenti kien jibda jemmen li verament kien artist prim, li se kien se jwassal lill-gżira fuq l-orizzonti wiesa’ tal-kontinent; jew inkella tentattivi pwerili biex tingħata l-impressjoni ta’ immodernizzar f’attivitajiet li mqar it-titli tagħhom, pereżempju ‘Lejla ta’ Pizza u Poeżija’ jew ‘Lejla ta’ Moda, Pizza u Poeżija’, kienu jħalluk perpless. Kienu attivitajiet li jfakkruk fil-ħarsa kollha ħasra u sarkażmu li Fellini kien jagħti lejn il-ħajja fl-Italja ta’ nofs is-seklu l-ieħor u ftit qabel.
Dawn l-aħħar xhur, iżda, ġara xi ħaġa u waħda minn dawn l-għaqdiet, l-Għaqda tal-Malti fi ħdan l-università, sabet in-nies li għandhom ideat friski li qed jibdlu l-perspettiva negattiva li kienu mgħottija biha. Għada, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li wkoll għaddej minn trasformazzjoni sħiħa, l-Għaqda tal-Malti se tvara l-ewwel Festival tal-Ktieb fuq il-kampus tal-università, ċelebrazzjoni ta’ tlitt ijiem imżewqa b’għadd ġmielu u interessanti ta’ attivitajiet li, kuntrarju għal dak li kien jiġri fl-imgħoddi, se jixref ħarstu ’l barra mill-konfini dojoq tal-gżira u juri lill-Malti fir-realtajiet aġġornati u xierqa ta’ lingwa u kultura li tagħmel parti minn ċirkustanzi wisgħin, rifless tal-mentalità li bdiet dieħla li Malta, wara kollox, hija parti mid-dinja.
Anki jekk ma kienx hemm dikjarazzjoni ċara u diretta d-direzzjoni li qiegħed jieħu dan il-festival trid tgħaddi l-messaġġ li attività kulturali ‘Maltija’ trid tinkludi dimensjoni li mhijiex neċessarjament imwielda fuq il-gżira, imma bħall-mewġ Mediterranju li jqum xi mkien ’il barra u jispiċċa jaħbat mal-blat Malti l-fenomeni kulturali u politiċi li jseħħu bnadi oħra għandhom effett fuq l-identità lokali u għaldaqstant iridu jiġu kkunsidrati ma’ ta’ ġewwa.
Il-Festival se jindirizza numru ta’ temi politiċi li ma jmissux biss il-qasam letterarju. Pereżempju s-soċjologa Josann Cutajar, li hija wkoll id-direttriċi taċ-Ċentru għar-Riżorsi fil-Kottonera se tkun qiegħda tiddiskuti r-riċerka li qiegħda ssir fuq Bormla, dik il-parti min-naħa ta’ isfel ta’ Malta li dwarha saru diversi studji soċjoloġiċi u se tkun qiegħda telenka l-aspetti li jispikkaw l-aktar minn din ir-riċerka.
Il-Festival se jagħti spazju għall-ħsieb ta’ żewġ intellettwali importanti magħrufin għall-mod kif bil-ħidma u l-attiviżmu tagħhom urew nuqqas ta’ paċenzja mal-forzi normattivi tal-establishment. Karl Schembri se jkun qiegħed jintervista lil Hani Shukrallah, kittieb u ħassieb Eġizzjan bi storja twila u mqallba ta’ attiviżmu politiku u ħidma intellettwali. Shukrallah, li f’żgħożitu kien iqis lilu nnifsu bħala Marxista skomdu bir-reġimi Komunisti u l-Marxiżmu dommatiku ta’ żmienu, is-sena li għaddiet spiċċa mkeċċi mill-editorija tas-sit tal-aħbarijiet Al-Ahram mill-gvern ta’ Morsi li għalih ma wera ebda simpatija. Shukrallah hu meqjus bħala awtorità tal-ġurnaliżmu Eġizzjan u l-ktieb tiegħu Egypt, the Arabs and the World, ippubblikat fl-2011, jindirizza firxa wiesgħa ta’ temi politiċi fosthom ir-rivoluzzjoni fl-Eġittu u r-relazzjoni tal-Punent mad-dinja Għarbija. Shukrallah se jkun qiegħed jagħti l-veduti tiegħu dwar ir-Rebbiegħa Għarbija fost temi oħrajn li huwa spiss jindirizza waqt diskussjoni mal-ġurnalist u kittieb Karl Schembri.
Il-ħassieb l-ieħor li se jiġi diskuss jeħodna fil-qalba tal-Ewropa. Meinrad Calleja se jagħti taħdita dwar il-filosofija ta’ Michel Foucault, ħassieb li ġibed l-attenzjoni għall-mod kontroversjali kif studja l-establishment soċjali, magħruf l-aktar għall-analiżi tiegħu tas-sistema karċerarja u s-sistemi ta’ dixxiplina u kastig bħala mezz ta’ għarfien tas-soċjetà u tal-individwu. Foucault, li influwenza bi sħiħ il-ġenerazzjoni tiegħu u ta’ warajh, kiteb ukoll l-istorja tas-sesswalità li biha bidel il-mod kif il-qarrejja tiegħu jħarsu lejn proċessi mtaħħta li jinnormalizzaw lill-individwu u joħolqu klassijiet u gruppi differenti.
Fil-fatt is-sesswalità se tkun is-suġġett ta’ taħdita oħra waqt dan il-festival li se tiffoka fuq din it-tema u kif hi ttrattata fil-letteratura lokali. Għal żmien twil kien suġġett tabù mhux daqstant għall-kittieba daqskemm għall-qarrejja, il-pubbliku u sa ċertu punt anki għall-akkademja. Tul dawn l-aħħar snin kien hemm aktar minn każ wieħed ta’ awturi lokali li skomodaw lill-qarrejja u lill-awtoritajiet minħabba li ppubblikaw materjal meqjus oxxen. Anki jekk letteratura ‘oxxena’ barranija ilha ħafna aċċessibbli fil-libreriji u l-ħwienet tal-kotba tagħna, letteratura lokali, miktuba bil-Malti, li mqar tmiss kemmkemm mas-sesswalità għadha jew tiskomoda jew toħloq sensazzjoni, żewġ naħat opposti li wara kollox it-tnejn jindikaw li għad hawn livell ta’ inibizzjoni fil-konfront ta’ letteratura ta’ dan it-tip.
Ippakkjati fi tlitt ijiem hemm numru sabiħ ta’ attivitajiet li la għandi l-ispazju u lanqas l-għan li niddiskuti hawnhekk. Jista’ jkun li l-festival iservi ta’ mudell ta’ kif għandha tiżviluppa l-fiera annwali tal-ktieb organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Wasal iż-żmien, issa li kunsilli preċedenti rnexxielhom jistabbilixxi l-fiera bħala attività annwali, li l-fiera tibda tiddakkar minn fieri tal-kotba ta’ statura kbira internazzjonali. Trid titneħħa l-idea li l-fiera tal-kotba hija fiera tar-raħal fejn tmur biex tixtri xi ħaġa kif tkun hemm. Il-fieri l-kbar, u huma lejn dawn li rridu nħarsu, jieħdu forma ta’ festival li waqtu mhux biss isir il-bejgħ imma joffru lill-pubbliku appuntamenti kulturali li jpoġġu lill-ktieb mhux fi xkaffa fir-rokna ta’ kamra jew librerija imma fil-qalba ta’ kollox, fil-qalba tal-moħħ ukoll.
Il-festival qiegħed jikkoinċidi, anzi jagħmel parti, minn mument interessanti fil-letteratura lokali. F’artiklu li deher fl-aħħar edizzjoni ta’ Sunday Circle, ‘Reading Between the Lines’, Veronica Stivala tistaqsi numru ta’ nies midħla fid-dinja tal-pubblikazzjonijiet lokali dwar l-istat tal-ktieb Malti. Il-veduti espressi, anki dawk li jixhdu ċerta kawtela, huma ottimisti ħafna: il-produzzjoni tal-ktieb ġeneralment m’għadhiex waħda dilettanteska, il-letteratura lokali qiegħda tibda tiġi esportata u ppubblikata f’pajjiżi oħrajn, il-kittieba nfushom qegħdin jivvjaġġaw bil-letteratura tagħhom, il-viżjoni qiegħda tinbidel għax qiegħda tinfetaħ aktar.
Dan il-ftuħ, nemmen jiena, huwa s-sigriet ta’ kollox. Bi ftuħ miniex nifhem biss dak ġeografiku imma anki tematiku u ġeneriku: kotba ta’ tipi differenti, ta’ ġeneri differenti u f’formati differenti.
Għal programm sħiħ u aktar tagħrif dwar il-festival li jibda minn għada tistgħu żżuru l-avveniment fuq Facebook bl-isem Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus.