Janus

“Iż-żewġt uċuħ tal-Janus finanzjarju fid-dinja ta’ kapitaliżmu bla riedni fil-Punent”
“Iż-żewġt uċuħ tal-Janus finanzjarju fid-dinja ta’ kapitaliżmu bla riedni fil-Punent”

Ir-Rumani kellhom alla b’żewġt uċuħ. Kien jismu Janus. Propja kien ifisser tranżizzjoni, jiġifieri meta dak li jkun jgħaddi minn passaġġ mit-tajjeb għall-aħjar. B’wiċċ iħares lejn l-imgħoddi u ieħor lejn il-ġejjieni. Meta niftakar dak li għaddejja minnu d-dinja ma stajtx ma niftakarx f’dan l-alla Ruman. Ftakart fit-tranżizzjoni u t-tibdil li għaddejja minnu d-dinja. Mingħajr ma rrid ninħass pessimist jew fatalista, nemmen li hu tibdil għall-agħar.
Saret dinja mimlija regolamenti u trattati. Sparixxew imsaġar sħaħ biex saru l-kilometri ta’ trattati dwar dinja aħjar. Min jaf kemm siġar inqatgħu biex saru l-karti li fuqhom inkitbu dawn it-trattati. Li jiskantani hu kif il-bniedem ma jitgħallimx. Epoka wara epoka jibqa’ jwettaq l-istess żbalji. Kważi kważi wasalt għall-konklużjoni li l-politiċi ma jafux l-istorja tal-bniedem għaliex kieku ma jaqgħux dejjem fl-istess ħofra.
Ftit tal-ġimgħat ilu ċċelebrajna l-iżbark tal-alleati fin-Normandija, kulħadd nesa li ż-żerriegħa tat-Tieni Gwerra Dinjija kienet miżrugħa fit-Trattat ta’ Versailles li suppost ġab fi tmiemu l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-umiljazzjoni tal-poplu Ġermaniż f’dak it-trattat kienet il-ħmira għall-Gwerra Dinjija oħra. Hekk l-istess ġara bit-trattat ta’ Yalta meta Churchill, Roosevelt u Stalin iddeċidew kif ser jaqsmu d-dinija bejniethom. Minn dakinhar sal-lum il-gwerer sporadiċi kullimkien ma waqfu qatt. Ma fehmux li meta qiegħed taqsam id-dinja qiegħed ukoll taqsam popli sħaħ li xi darba se jitkellmu.
Dawn huma ż-żewġt uċuħ ta’ dawk li jgħidu li għandhom għal qalbhom id-demokrazija. Jekk naraw x’qiegħed jiġri llum nilmħu l-istess attitudni. Balla liġijiet dwar il-Protezzjoni tad-Data. Prietki waħda wara l-oħra dwar il-privatezza taċ-ċittadin u kullimkien gvernijiet jispjunaw u jissindikaw liċ-ċittadini tagħhom. Dak li kixfu nies bħal Snowden u Assange ħasad lid-dinja. Min l-aktar jinsisti fuq demokrazija u ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem l-aktar li jispjuna fuq iċ-ċittadini tiegħu u jekk ma tridx, ta’ ħaddieħor ukoll.
Il-liġijiet dwar il-ħarsien tal-konsumatur ma jispiċċaw qatt. Mhux għax qabel konna tajbin iżda ma nemminx li llum qegħdin wisq aħjar. Minkejja l-kontrolli u pieni ma jispiċċaw qatt xorta jibqgħu jingidmu n-nies u mhux gdim żgħir. L-akbar gidma konsumista kienet il-kriżi finanzjarja. Miljuni ta’ nies onesti tilfu dak kollu li ġemmgħu f’ħajjithom. Minkejja l-mijiet ta’ laqgħat li jsiru dwar liġijiet finanzjarji. Minkejja r-regolamenti ma jieqfu qatt dwar ħasil ta’ flus u Awtoritijiet Regolatorji, propju taħt imnieħer il-gvernijiet kien hemm bankiera qegħdin jitnejku b’kulħadd.
Biex tassew jidilku l-melh fuq il-ferita, dawn il-bankiera salvaw u l-konsumatur baqa’ jegħreq. Intefa’ salvawomo lill-banek iżda mhux lid-depożitanti. Is-CEOs u ċermens ta’ banek madwar id-dinja baqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħhom, jekk ukoll ma marrux aħjar bil-“bail outs” li ngħataw. Baqgħu b’salarji astronomiċi u jgawdu ħajja ta’ lussu kbir, filwaqt li fil-Greċja pensjonant ħaraq lilu nnifsu f’nofs ta’ pjazza u wieħed fl-Amerika qatel lilu nnifsu u lill-familja tiegħu għax tilfu kollox. Iż-żewġt uċuħ tal-Janus finanzjarju fid-dinja ta’ kapitaliżmu bla riedni fil-Punent.
F’dawn l-aħħar għaxar snin rajna interventi militari kbar f’isem id-demokrazija biex twaqqgħu dittaturi mill-poter fid-dinja Għarbija. Saddam, Gaddafi, Ben Ali, Mubarak u oħrajn. Kienu interventi maħsuba li jagħtu ħajja aħjar lil dawk li jgħixu f’dawn il-pajjiżi. Meta llum naraw x’ġara nsibu li seħħ bil-kuntrarju. L-Iraq waqa’ f’kaos ta’ terroriżmu u twerwir. In-nies imutu bħad-dubbien u l-biża’ ta’ dak kollu li mhux demokratiku jsaltan f’kull triq, pjazza, sqaq u dar.
Ma naħsibx li għandi għalfejn insemmi l-Libja. M’għandiex għalfejn insemmi s-Sirja. Ma għandiex għalfejn insemmi t-Tuneżija. Ma għandiex għalfejn insemmi l-Eġittu u dak li ġej għal dan il-pajjiż fix-xhur li ġejjin. Il-problema hi waħda. Iż-żewġt uċuħ ta’ Janus. Il-Punent mhux jimxi b’onestà. Id-dittaturi jitneħħew skont jekk ikunux qegħdin jikkoperaw jew jaqdu l-interessi tad-demokraziji trans-atlantiċi u mhux jekk humiex demokratiċi jew le.
Hemm ħafna pajjiżi oħrajn fejn id-dittatorjat huwa b’saħħtu. Mhux biss b’saħħtu fih innifsu iżda għaliex għandu wkoll l-appoġġ ta’ dawk il-pajjiżi li jgħidu li huma demokratiċi. Il-logħba taż-żewġt uċuħ ġieli ddum ħafna, iżda ma ddumx għal dejjem. Talinqas hekk tgħallimna l-Istorja u nittama li kulħadd jafha!

More in Blogs