Ilkoll ulied dinja waħda
Din il-ġimgħa kont qed nitkellem ma’ ħabib u kollega li beda jgħidli li n-nies qajla jinteressahom f’dak li qed jiġri barra minn xtutna bħalma għaddej bħalissa fl-Iraq. Semmieli li l-gazzetti aktar interessati li Paul McCartney għalaq 72 sena. Għalkemm naqbel li teżisti tendenza għall-banalizzazzjoni tal-aħbarijiet, ma naqbilx li n-nies assolutament ma jinteressahomx dak li jiġri barra minn xtutna. L-għan tal-kitba tiegħi f’dawn l-aħħar ħames snin kien li nuri li anke aħna, għalkemm ħolqa fl-umanità, nagħmlu parti minnha u dak li jiġri lil hinn minn xtutna jaffetwana wkoll. Fil-każ tar-rifuġjati, dan ma jistax ikun aktar minnu.
Fl-20 ta’ Ġunju ta’ kull sena, id-dinja tikkommemora l-Jum Dinji tar-Rifuġjat. Dan wara li l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ħadet deċiżjoni li tibda ssir din il-kommemorazzjoni f’Diċembru 2000. Fl-2001 kien jaħbat il-ħamsin anniversarju tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjat, l-hekk imsejħa l-konvenzjoni ta’ Ġinevra. Mill-banda l-oħra, il-Knisja ilha mill-1914 tikkommemora f’Jannar ta’ kull sena l-Jum tal-Immigrant u tar-Rifuġjat.
Inħobbu niftaħru kemm aħna poplu li juri ospitalità mal-barrani u kemm aħna nies ġenerużi. Jiena kont għadni żgħir imma niftakar sew meta Idi Amin keċċa l-Asjatiċi minn pajjiżu u bosta minnhom qattgħu bosta xhur f’Malta sakemm sabu kenn f’pajjiżi oħra, speċjalment ir-Renju Unit. Il-poplu Malti laqa’ sew lil dawn l-Asjatiċi u kien ġeneruż magħhom. Tant li baqgħu jirringrazzjawna għal ħafna u ħafna snin. Madankollu, il-wasla ta’ spiss ta’ immigranti irregulari f’pajjiżna mill-1998 ’l hawn biddlet l-atteġjament ta’ ħafna nies kif juru l-kummenti isteriċi u anke xenofobi li wieħed jara fuq il-ġurnali mal-wasla ta’ xi dgħajsa jew meta xi persuna titkellem dwar dawn it-talin.
Għaldaqstant tajjeb li nirrealizzaw li din mhux problema li tolqot lilna biss. U lanqas mhi problema li ġiet minħabba li dħalna fl-UE. L-Italja, il-Ġreċja u Spanja daħlu fl-UE ħafna qabilna u xorta qed jaffaċjaw din il-problema. U anke pajjiżi li m’humiex fl-UE qed jaffaċjaw din il-problema. Madankollu ma nistax ma ninnotax li meta Malta bdew jaslu ħafna Eġizzjani u Sirjani, kif ukoll Sqallin, sabiex jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni fis-snin tmenin u disgħin ma kienx hawn reazzjoni pubblika. Kien biss meta bdew jitfaċċaw is-suwed fostna li beda jkollna reazzjoni mqanqla. U skoprejna li minkejja l-ftaħir ta’ ospitalità u ġenerożità, aħna għandna wkoll bosta razzisti fostna li jattiraw appoġġ elettorali li għalkemm żgħir, qed jikber.
Altru li din hi problema li tolqot lil Malta biss. Din il-ġimgħa, l-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda għar-Rifuġjati ppubblikat ir-rapport ta’ kull sena tagħha li wera li għall-ewwel darba mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Mondjali, in-numru ta’ nies li kellhom jabbandunaw darhom fl-aħħar tal-2013 qabeż il-ħamsin miljun, jiġifieri 51.2 miljun. Dan ifisser żieda ta’ sitt miljuni fuq il-45.2 miljun irrappurtati fl-2012 li hi l-aktar dovuta minħabba l-kriżi fis-Sirja, kif ukoll fis-Sudan tan-nofsinhar u r-Repubblika Ċentru Afrikana. Antonio Guterres, il-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Rifuġjati stqarr li dan hu l-prezz għoli għall-fatt li l-komunità internazzjonali mhix tirnexxielha twaqqaf il-gwerer jew tevita l-konflitti.
Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li l-figuri tal-Kummissjoni Għolja jistgħu jkunu konservattivi. Biex nagħtu eżempju, skont il-Kummissjoni Għolja, it-Turkija għandha 609,900 rifuġjat. Madankollu, din il-ġimgħa stess, id-deputat prim ministru Tork, Besir Atalay ħabbar li n-numru ta’ rifuġjati Sirjani laħaq 1.05 m, b’220,000 minnhom f’20 kamp tar-rifuġjati matul il-fruntiera mas-Sirja. Anke għall-pajjiż ta’ 77 miljun, dan huwa piż li wieħed ma jistax jittraskurah.
L-entità tat-traġedja umanitarja li ġabet magħha l-gwerra ċivili Sirjana hija tassew impressjonanti. Nazzarda ngħid li d-dinja ma ratx traġedja ta’ din l-entità minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-Libanu, pajjiż ta’ 4.8 miljun, hemm 856,000 refuġjat. Immaġinaw kieku Malta hawn mal-100,000 immigrant fostna. U l-Ġordan, pajjiż b’popolazzjoni ta’ 8 miljun, għandu mas-600,000 rifuġjat Sirjan. Barra minn hekk, hemm mas-sitt miljun u nofs Sirjan li kellhom jabbandunaw djarhom imma għadhom jgħixu fis-Sirja stess. B’kollox hu stmat li hemm 9 miljun Sirjan li għandhom bżonn għajnuna umanitarja u dan f’pajjiż ta’ 22 miljun.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda jitfa’ dawl interessanti fuq il-pajjiżi li qed jerfgħu l-piż ta’ dan in-numru bla preċedent ta’ rifuġjati fid-dinja. Nisimgħu ħafna diskors dwar il-qsim tal-piż u l-politiċi tagħna u anke issa dawk Taljani jagħtu l-impressjoni li huma l-pajjiżi tal-Mediterran biss li qed jerfgħu l-piż tar-rifuġjati fi ħdan l-UE. Dan mhuwiex il-każ kif juri l-fatt li l-Ġermanja tospita 187,600 rifuġjat f’populazzjoni ta’ 80 miljun mentri Franza għandha 232,500 rifuġjat f’populazzjoni ta’ 67 miljun. B’kollox, fl-Ewropa hawn 1.8 miljun rifuġjat rikonoxxut barra dawk li kienu qed japplikaw għal ażil. Skont il-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda, bejn Jannar u Lulju 2013, saru 225,000 applikazzjoni għal ażil fi 38 pajjiż Ewropew. Minn dawn, 192,000 saru f’pajjiżi tal-UE. Meta wieħed jingħata ażil, jibda jikkwalifika bħala rifuġjat.
Is-sena l-oħra l-ogħla numru ta’ applikazzjonijiet għal ażil, 109,600, saru l-Ġermanja. Din il-figura kienet 70% ogħla minn dik tas-sena ta’ qabel (64,500) u s-sitt sena konsekuttiva li kien hemm żieda fl-applikazzjonijiet. It-tieni l-aktar pajjiż li fih saru applikazzjonijiet għal ażil kien l-Istati Uniti b’84,400 applikazzjoni u l-Afrika t’Isfel fit-tielet post (70,000). Franza ġiet fir-raba’ post b’60,200 applikazzjoni, żieda ta’ 9% fuq l-2012 u l-ogħla numru mill-1989 mentri l-Isvezja ġiet fil-ħames post b’54,300 applikazzjoni, żieda ta’ 24% fuq is-sena ta’ qabel. Altru li min ifittex ażil qed jispiċċa fil-Mediterran biss għaliex ftit iżommu f’moħħhom li l-akbar numru ta’ nies li jfittxu ażil ma jasalx fuq xi dgħajsa imma jasal jew bl-ajru jew mill-art.
Hemm figura fir-rapport tal-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda li tinterressana: Malta hija fost il-pajjiżi bl-ogħla numru ta’ rifuġjati ras imb ras għall-populazzjoni: għal kull elf ruħ f’Malta hawn 23 rifuġjat. Għalkemm jidher li dan hu l-ogħla numru fl-Ewropa, huwa numru ferm limitat ħdejn l-178 tal-Libanu u t-88 tal-Ġurdan. Barra minn hekk, wieħed ma jridx jinsa l-piż umanitarju li pajjiżi ferm ifqar minnha qegħdin iġorru. Biex nagħtu ftit eżempji, il-Pakistan għandu 1.6 miljun rifuġjat, il-Kenja għandu aktar minn nofs miljun filwaqt li fl-Iran hemm kważi 900,000 rifuġjat.
Dawn iċ-ċifri kollha huma importanti għax juri li aħna lkoll f’baħar wieħed u n-numru ta’ immigranti irregulari li jaslu f’pajjiżna mhu xejn straordinarju. Min għadu jemmen li pajjiżna ser jerġa’ jmur għal kif kien għaxar, ħmistax-il sena ilu u jerġa’ jakkwista “purezza” etnika qed joħlom u bil-kbir. Biżżejjed wieħed imur waħda sal-Lidl biex jara kemm illum pajjiżna sar multi-etniku.
Għaldaqstant, is-soċjetà ma tistax tinjora l-ħtieġa li jsiru aktar sforzi sabiex nintegraw min spiċċa f’pajjiżna mhux għax xtaq imma għax id-destin hekk għamar. Irridu nirrivalutaw l-utilità tal-perjodu ta’ detenzjoni ta’ tmintax-il xahar li qiegħed iservi biss biex jiffrustra aktar milli diġà huwa tassew magħdur. Wieħed l-anqas għandu jeskludi a priori l-proposti timidi bħalma saru din il-ġimgħa mill-għaqda Aditus li rifuġjati li jkun ilhom hawn Malta għal ċertu perjodu ta’ żmien jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali. Sewwa qalet din il-ġimgħa wkoll il-ministru tal-libertajiet ċivili Helena Dalli li s-soċjetà għandha tisma’ dak li r-rifuġjati u min qed ifittex l-ażil għandu xi jgħid fuq kwistjonijiet li jolqtuhom direttament. Fuq kollox l-isforzi ta’ integrazzjoni għandhom ikunu intiżi sabiex dawn it-talin jakkwistaw l-awtonomija ekonomika u jikkontribwixxu għal ġid nazzjonali kif spiss jiġri f’pajjiżi oħra u mhux jibqgħu ta’ piż fuq ir-riżorsi nazzjonali.
Hawn ħafna preġudizzji u ideat żbaljati x’jiġu ssuperati u l-klassi politika kollha għandha d-dmir sagrosant li twettaq gwerra qaddisa kontra tali preġudizzji u manifestazzjonijiet xenofobi. Għajb għal min jisfrutta t-traġedja umana ta’ dawn it-talin sabiex jibni l-karriera politika tiegħu. L-istorja turi li min sfrutta l-mibgħeda lejn razza jew xi kategorija tas-soċjetà seta’ kellu suċċess għal numru limitat ta’ snin imma tali suċċess spiss spiċċa fi traġedja. Bil-preġudizzji ma nsolvux problemi imma kif qalet il-Ministru Dalli, irridu nisimgħu aktar lil dawk li qed ifittxu l-ażil għax b’hekk biss nissuperaw l-antagoniżmu, id-disprezz u l-biża’ u insedqu r-rispett, il-kumpassjoni u s-solidarjetà.