L-ispazju

“Il-possibilità li anki hi tiċċaqlaq minn post għal ieħor, l-ewwel billi titkaxkar u mbagħad eventwalment timxi”
“Il-possibilità li anki hi tiċċaqlaq minn post għal ieħor, l-ewwel billi titkaxkar u mbagħad eventwalment timxi”

Wieħed mill-mumenti l-aktar seminali fil-ħajja ta’ bniedem huwa meta, ta’ xi sitt xhur, jidher li jibda jagħraf lilu nnifsu f’mera; meta, allura, dik ix-xbieha tħares lura mill-mera l-bniedem jirreġistraha bħala tiegħu, anzi, jibda jqisha bħala huwa nnifsu. Biżżejjed wieħed josserva tifel jew tifla ta’ bejn is-sitt xhur u sena u nofs, biex jagħraf l-eċitament u l-gost tiegħu jew tagħha meta jsibu ruħhom quddiem mera. L-għarfien tat-tifel tiegħu nnifsu u dan l-eċitament u l-gost b’din l-iskoperta faċilment jidhru fl-atteġjament li tifel jieħu mal-mera: iħares lejha, jersaq lejha, u jikkomunika magħha. U allura nistgħu ngħidu wkoll li dak li studjużi sejħulu l-istadju tal-mera mhux biss jimmarka l-mument meta l-bniedem jagħraf lilu nnifsu, imma huwa l-mument li jista’ jitqies bħala prova ċara ta’ kemm il-bniedem jeħtieġ li jikkomunika, imqar miegħu nnifsu.
Inħoss li hemm mument seminali ieħor fl-iżvilupp ta’ persuna: meta tifla tiskopri li hemm il-possibilità li anki hi tiċċaqlaq minn post għal ieħor, l-ewwel billi titkaxkar u mbagħad eventwalment timxi. Il-mixi jagħti l-mobilità lil dak li jkun u l-mobilità tagħti lill-bniedem il-libertà. Jekk hemm xi ħaġa li l-bnedmin tassew jagħtuha preġju hija l-libertà u jista’ jkun li, l-istess bħall-komunikazzjoni, il-libertà hija ħtieġa li bniedem diffiċli jgħaddi mingħajrha. Madankollu jidher li hemm kuntrast bejn il-ħtieġa ta’ libertà u l-ħtieġa, daqstant importanti, ta’ sigurtà: li bniedem iħossu nieqes minn biżgħat u minn tensjoni li jħosshom itaqqluh u jagħmlulu ħajtu diffiċli. U allura jiġru każi meta bniedem ikollu jagħżel bejn żewġ ħtiġiet ċentrali f’ħajtu: ikun liberu għal kollox għall-ispejjeż tas-sigurtà, jew viċi versa.
Il-mixi, l-ispostament minn punt għal ieħor, minn post għal ieħor, huwa, fost ħwejjeġ oħrajn, espressjoni ta’ libertà. Hemm spazju madwarna li rridu niskopruh, nagħmluh ‘tagħna’ fis-sens li nħossu li għandna dritt li nimxu lejh, fih, nokkupawh. Il-mixi wassal biex il-bniedem għamel l-avvanzi kbar li għamel tul l-istorja tiegħu. Naturalment kien l-istess mixi li qajjem ħafna tensjoni, partikolarment meta l-ispazju beda jiġi privatizzat, meta n-nies bdew jaqsmu dan l-ispazju f’qasmiet differenti ddelineati bi fruntieri li qisuhom sagrosanti. Il-mixi tal-iskoperta seta’ fisser il-mixi tal-konkwisti, tal-ħniżrija, imma seta’ fisser ukoll l-okkupazzjoni ta’ spazju u, sussegwentament, id-difiża egoista tal-ispazju.
Il-mixi minn post għal ieħor isir jew bi ħtieġa urġenti minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà, jew anki, f’każi inqas spissi, sforz din il-ħtieġa ta’ mobilità, din l-espressjoni ta’ libertà. Huwa f’dan il-kuntest ukoll li għandna nagħmlu l-osservazzjonijiet tagħna dwar il-ħajja ħafna drabi miżerabbli tal-immigrant, mhux biss dak li nqisuh illegali imma daqstant ieħor dak li mexa lejn u daħal fi spazju ‘ħaddieħor’ bil-permessi kollha meħtieġa ta’ min ħass li dak l-ispazju huwa leġittimament tiegħu.
Ħalli nieħdu l-immigrant meqjus illegali, il-fenomenu li, kontra dak li jaħsbu ħafna, ma jmissx biss lil Malta jew lill-Mediterran. Huwa vast, iktar milli nistgħu nimmaġinaw, l-ispazju li jimxi fih l-immigrant. Anki li kieku t-triq kienet komda, id-distanzi waħidhom diġà huma biżżejjed biex jaqtgħulek qalbek. Imbagħad, wara l-vastità tad-deżerti u tal-ilma (u dejjem qegħdin neskludu l-perikli tat-tnejn), f’daqqa waħda jitfaċċa ċ-ċokon, anzi l-għeluq. Mhuwiex iċ-ċokon u l-għeluq ovvju tal-gżira li wieħed irid jikkunsidra – dak huwa maqsum u esperjenzat minn kulħadd – imma ċ-ċokon u l-għeluq tad-detenzjoni.
Id-detenzjoni hija forma ta’ kastig, kif fil-fatt tixhed is-sistema karċerarja kollha kemm hi. M’għandniex xi ngħidu l-kastig dejjem jattakka bżonn jew ikollu l-iskop li jqajjem tensjoni, bħal meta b’kastig naslu nċaħħdu t-tfal miċ-ċikkulata, jew nagħlquhom f’kamra waħedhom u nħalluhom jibżgħu mid-dlam jew mis-solitudni. F’dar-rigward anki d-detenzjoni hija kastig appuntu għaliex tattakka ħtieġa tant bażika, il-mixi u anki l-ispazju.
Issa rridu nżommu kontinwament quddiem għajnejna li fost l-immigranti li qegħdin nikkastigaw permezz tad-detenzjoni hemm it-tfal. Hemm bżonn nifhmu sewwa, wara dan id-diskors kollu (ħafna minnu ovvju) dwar mixi u spazju, xi jfisser eżattament dan il-proċess li bih qegħdin nikkonfinaw massa ta’ iġsma fi spazju limitat, u li fost dawn l-iġsma hemm dawk żgħar tat-tfal. Il-ħtieġa tal-mixi u tal-ispazju ma jista’ jurihielna ħadd aħjar mit-tifla: tiskopri li tista’ timxi, titlaq timxi u tirrifjuta li missierha jżommilha idha bħal qabel, u t-tbissima radjanti li jkollha fuq wiċċha mal-passi li tagħti ’l quddiem u ’l fejn jiftlilha, it-tbissima li tkompli turi l-gost u l-eċitament bil-mixi. Erba’ passi u taqa’ u tibki, taċċetta l-għajnuna ta’ missierha biex tqum u dlonk terġa’ tagħti s-salt biex titlaq timxi għal rasha. Appuntu, il-ħtieġa li titwieled magħna u li niskopruha fi żmien qasir wara t-twelid, li niċċaqilqu minn post għal ieħor.
Forsi sforz il-babaw li webbilna lilna nfusna bih, imħeġġeġ dejjem aktar minn propaganda irrazzjonali, m’aħniex nintebħu x’aħna nagħmlu eżattament meta nikkonfinaw bnedmin bħalna; liema drittijiet u liema ħtiġijiet umani bażiċi qegħdin nattakkaw. U forsi qegħdin ninsew ukoll l-istorja twila tad-detenzjoni: il-ghetto, il-kamp tal-konċentrament u l-effetti trawmatiċi li l-konfinament għandu fuq il-bnedmin, partikolarment fuq bnedmin żgħar.
Proprju fi tmiem din il-ġimgħa, fil-Jum Dinji tar-Refuġjati, il-mexxejja reliġjużi tal-komunitajiet Musulmani u Kattoliċi, talbu flimkien biex il-gvern lokali jirrevedi l-politika tad-detenzjoni mħaddma sa issa. Kien pass f’waqtu u xieraq ħafna, speċjalment għaliex id-detenzjoni, anki jekk hija temporanja għandha effetti psikoloġiċi kbar li jtulu anki wara l-perjodu ta’ detenzjoni nnifsu.
Ilkoll għandna ħtieġa ta’ spazju. Meta wieħed iqis li fuq blata ta’ 320 kilometru kwadru hawn jgħixu erba’ mitt elf ruħ u, agħar minn hekk, meta f’dan il-volum ċkejken hawn stivati blokki fuq blokki ta’ bini li mhux kollu huwa meħtieġ, allura għandu jkun inqas diffiċli nifhmu l-kruha tal-għeluq. F’kultura li minn żmien żemżem weġġgħet il-ġebel imwaqqaf l-ispazju jieħu sinifikat ferm ikbar milli għandu f’kulturi oħrajn imdawrin bil-kobor u l-ftuħ tal-foresti, tal-muntanji u x-xmajjar u l-ilmijiet. Il-ħasra, jekk mhux ukoll l-assurdità hija li minflok ma ħadna ħsieb il-ħtieġa bażika tal-mixi f’restrizzjonijiet li imponiet fuqna n-natura, komplejna għarraqna s-sitwazzjoni appuntu għaliex qatt ma ħadna din is-sitwazzjoni bis-serjetà.
Nasal nissuspetta li aktar ma ħassejna l-għeluq irossna, komplejna nintrassu aktar għax ħsibna li huwa l-għeluq, u mhux l-ispazju, l-abitat naturali tagħna.

More in Blogs