Nibdlu Malta f’Dubai?

Kmieni din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat semma l-viżjoni tiegħu li jibdel lil Malta f’Dubai jew Singapore, żewġ pajjiżi magħrufa għar-rikkezzi li għandhom iżda mhux biss.
Għal ħafna Maltin, Dubai hu magħruf ferm iżjed minn Singapore u għalhekk tajjeb li naraw ftit x’inhu dak li jagħmel Malta differenti minn Dubai. Dubai hu Emirat wieħed minn fost seba’ li jiffurmaw l-Emirati Għarab Magħquda. L-Emirati l-oħra huma Abu Dhabi, Sharjah, Ajman, Umm Al Qaiwain, Ras Al Khaimah u Fujairah.
Kull Emirat hu mmexxi minn familja rispettiva ta’ Sheikhs u għalkemm hemm xi valuri li huma komuni, bħar-reliġjon Musulmana, il-kumplament ivarja skont l-Emirat li tkun fih. Eżempju ta’ dan hu l-alkoħol li għalkemm hu disponibbli ġo Dubai, mhuwiex permess ġo Sharjah li jinsab biss pass ’il bogħod minn Dubai imma mmexxi minn familja differenti.
Il-flus ta’ dawn il-familji fit-tmexxija jiddetta l-iżvilupp ta’ kull Emirat li jmexxu. Eżempju ieħor hu l-linja tal-ajru Emirates li ġiet imwielda fl-1985 minn Ahmed bin Saeed Al Maktoum fi proċess simili ħafna ta’ kif twaqqfet l-AirMalta. Fil-fatt Al Maktoun kien kera żewġ ajruplani mingħand il-Pakistan International Airlines, l-istess kif kien għamel Dom Mintoff fl-1973 biex beda l-linja nazzjonali ta’ pajjiżna. Iżda filwaqt li l-AirMalta wara 40 sena qed tipprova żżomm fuq saqajha, l-Emirates Airlines saret waħda mill-akbar linji tal-ajru fid-dinja.
Imma r-rivalità bejn l-irjus kbar ta’ dawn il-familji Għarab wasslet biex saħansitra l-Emirat ta’ Abu Dhabi jwaqqaf linja oħra tal-ajru għalih bl-isem ta’ Etihad Airways u li l-għan tagħhom hu li jikkompetu ma’ xulxin anke fuq l-istess rotot u destinazzjonijiet. Dan meta wieħed iqis li bejn l-ajruport ta’ Dubai u dak ta’ Abu Dhabi hemm biss 130 kilometru.
Lura għall-kumment tal-Prim Ministru Joseph Muscat, wieħed jistaqsi x’inhu eżattament dak li għandu f’moħħu li jwettaq biex jibdel lil Malta bħal Dubai? Kulħadd jaf li Dubai hu ġungla ta’ konkrit u blokok ta’ bini lussużi li biex wieħed jgħix fihom irid iħallas mhux ftit. Iżda kuntrarjament għal Malta, Dubai nbena fuq art deżerta fejn l-ispazju mhux problema filwaqt li aħna ninsabu fgati ngħixu fuq xulxin.
Tmur fejn tmur ġo Dubai, ħlief ħaddiema barranin ma tarax. Ħaddiema fil-kostruzzjoni li ġejjin minn pajjiżi foqra bħal m’huma l-Pakistan jew Bangladesh. Dawn il-ħaddiema jiġu mġiegħla jaħdmu sigħat twal, jitħallsu bix-xejn u sfurzati jgħixu f’kundizzjonijiet skwallidi. Ħaddiema li m’għandhom ebda drittijiet jew union li taqbeż għalihom avolja hemm min ikun ilu xhur jistenna li jitħallas dawk il-ftit flus li tant għandu bżonn biex jibgħathom lill-qrabatu. Min minnhom jitkellem jispiċċa arrestat. Hemm rata għolja ta’ suwiċidji fost dawn il-ħaddiema iżda dawn l-imwiet qatt ma jkunu rrappurtati.
Ħaddiema barranin ukoll ġo Dubai huma dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu bil-maġġoranza tagħhom ġejjin mill-Filippini minħabba li dawn ukoll jaħdmu sigħat twal u jitkellmu b’Ingliż tajjeb. Iżda anke dawn jaħdmu f’kundizzjonijiet mhux xierqa u ferm ’il bogħod mid-drittijiet li aħna mdorrijin bihom f’pajjiżna llum.
Dubai hu wkoll miżgħud bit-traffiku, li aħna diġà mimlijin bih u li ħadd mhu qed jagħti attenzjoni biżżejjed biex din il-problema f’pajjiżna tittaffa jew tissolva. Minn naħa l-oħra, Dubai bnew sistema ta’ railway li qed tiffaċilita xi ftit it-traffiku mit-toroq. Qed issir ukoll reklamazzjoni ta’ art mill-baħar billi jittellgħu ammonti kbar ta’ ramel mill-baħar stess. L-istil ta’ ħajja għal min għandu x’jonfoq hu wieħed ta’ lussu.
L-idea tal-Prim Ministru għalhekk li jibdel lil Malta f’Dubai hi minnha nfisha interessanti però wieħed għad irid jistenna x’inhu dak li għandu f’moħħu u jispera li kollox ikun ippjanat f’diskussjoni wiesgħa mal-organizzazzjonijiet ikkonċernati u korpi kostitwiti. Nistennew u naraw.

 

More in Blogs