Id-Dinamika tal-Mundial

L-istadium Maracana f’Rio de Janeiro
L-istadium Maracana f’Rio de Janeiro

Jien m’iniex xi ħadd li jitkaħħal reliġjożament quddiem it-televiżjoni biex isegwi partita futbol, anki jekk ħafna jqisuha kruċjali fl-arena tad-dinja.

Ma niddejjaqx nammetti li ġieli nongħos waqt partita mill-mondjali. M’għandix tim favorit mill-kbar bħal m’għandhom ħafna Maltin (eż. l-Italja, l-Ingilterra, il-Ġermanja jew il-Brażil). Anzi, meta nara partita nħossni kompliċi maż-żgħar; mal-inqas ikkwotati: il-Ghana, in-Niġerja, il-Ħonduras, l-Ekwador, il-Ġappun, il-Kolumbja, il-Kosta tal-Ivorju, il-Kamerun eċċ.

Aktar jinteressawni fatti li jidhru estranji għal-logħob tat-Tazza tad-Dinja, fosthom il-miljuni li ntefqu biex inbnew 12-il stadium u li kontriehom ipprotestaw il-fqar u l-ħaddiema b’pagi umiljanti. Diġà hemm ħafna mistoqsijiet dwar x’se jsiru bi stadium bħal dak li nbena fl-Amażonja, li jesa’ 42,300 spettatur. Qed jistaqsu jekk dan hux, kif jgħid bl-Ingliż, iljunfant abjad, a skapitu tal-fqar.

Lili, forsi minħabba l-isfond teatrali tiegħi jinteressani l-karnival li jinħoloq għat-Tazza tad-Dinja (u avvenimenti globali oħra bħall-Olimpjadi). Dawn l-avvenimenti għandhom narrattiva u dinamika partikolari. Hemm l-inventiva tal-kostumi, il-kpiepel, il-parrokki, l-irtokk tal-wiċċ, il-bnadar, l-istrumenti għall-mużika storbjuża, is-slogans niggieża (Adio Espana). 

Interessanti l-istil tax-xagħar tal-plejers, it-tatwaġġi fuq dirgħajhom: xi jfissru, lil min huma “ddedikati”, x’jissimbolizzaw. Imbagħad hemm l-emozzjonijiet romantiċi tal-plejers waqt l-innijiet nazzjonali, ġieli mxarrbin bid-dmugħ, ir-radd tas-salib u ż-żfin wara li jiskorjaw. Hemm il-close-ups tan-nisa żgħażagħ li jaqbdu l-kameras: tfajliet sbieħ, spettaturi estetikament sbieħ li jfakkru li l-logħob hu prerogattiva tal-irġiel eroj tagħhom tal-pista.

Kollox jindika ritwal elaborat u mlewwen, fuq livelli diversi, komunikabbli u eżoteriku (Rudi, 1998).

Malcolm (1984) jara l-isport globali jiffittja fil-kunċett tal-ispettaklu, tal-festival u r-ritwal ċelebrattiv. Fl-arena wħud bħal Gusfield (1987) indikaw l-irxoxt tal-mit Bibliku ta’ David u Gulia. Il-logħob għandu d-djalogu tiegħu, l-azzjoni agonistika, il-kunċett tar-rebbieħ u t-tellief, mera ta’ x’jiġri fil-ħajja.

GĦALL-FQAR

Ta’ kull sena, fil-Bażilika ta’ Assisi jinżamm il-kunċert għall-paċi u ġbir għall-foqra tal-Filippini u l-Kenja. Qatt ma jiddiżappunta. Din is-sena kienu mistednin kantanti bħal Gianni Morandi u Claudio Baglioni b’interpretazzjonijiet brillanti bħas-soltu.

B’rabta ma’ dan, ħadt gost nara l-intervista tal-BBC ma’ Patri Gauci, Malti li b’riżorsi mill-aktar limitati bena, man-nies tal-missjoni, grawnd għall-futbol biex jiġbor liż-żgħażagħ fqar u mitluqin.

Ma kontx naf li dan il-patri straordinarju jiġi ħu l-attur Għargħuri Martin Gauci. U jixbhu fula maqsuma.

PUSH BACK POLICY

Grupp ta’ familji mill-Oċeanja li nieshom tħallew jegħrqu meta d-dgħajsa li kienu qed jippruvaw jaslu biha l-Awstralja tħalliet titfarrak, qed ifittxu lill-Gvern Awstraljan għad-danni.

L-Awstralja adottat politika ta’ push back, bi qbil bejn il-Konservattivi u l-Laburisti biex ma jitħallewx jiżbarkaw aktar refuġjati fuq it-territorju tagħha.

Din il-politika Awstraljana għandha appoġġ qawwi u mifrux fost l-Awstraljani (inkluż l-eluf ta’ Maltin li stabbilixxew ruħhom hemm mis-snin ħamsin / sittin tas-seklu 20 ’il quddiem). L-Awstraljani jinsabu f’paniku li r-refuġjati, skont The Guardian, telgħu minn 5,000 fl-2002 għal 14,000 fl-2012. Imma r-realtà hi li l-Awstralja għandha biss 3% tan-numru globali tar-refuġjati u dawk li qed ifittxu kenn politiku u umanitarju.

Fl-Istati Uniti, in-numru jitla’ għal 17%, fil-Ġermanja 13%, fi Franza 11% u fl-Ewropa t’Isfel 12%. Għal kull 1,000 kilometru kwadru tat-territorju tagħha, l-Awstralja għandha biss 1.4 refuġjat.

Il-preġudizzji razzisti fl-Awstralja (minkejja l-politika “multikulturali” konvenjenti tal-lum) huma magħrufin biżżejjed. L-istorja tal-umiljazzjoni tal-Aboriġini f’dak il-kontinent hi magħrufa wkoll.

L-ipokresija hi li meta kellha bżonn, l-Awstralja, laqgħet eluf fuq eluf ta’ immigranti biex tibni lilha nfisha mix-xejn.

NOTA TAL-AĦĦAR

Fuq TVM / TVM 2 il-kummentarju bl-Ingliż kien altru minn biżżejjed. Intelliġenti, intensiv, lingwistikament eċċellenti. Imbagħad l-antiklajmeks tal-“analiżi” bil-Malti. X’analiżi offrew il-kummentaturi lokali, jekk kollox kien ingħad diġà bl-Ingliż waqt il-logħba attwali?

Biex ma nsemmix il-leħen irritanti li ntgħażel biex jaqra r-reklami!

More in Blogs