Art marida

Kull fejn tmur ħlief irziezet qegħdin jaqgħu u abbandunati ma tarax. Ħitan tas-sejjiegħ u bini rurali bħal giren imwaqqgħin, għaliex ovvjament m’hemmx aktar min jieħu ħsiebhom.

M’ilux attendejt għall-aċċess ordnat mill-Qorti. Fi sħana li taqli l-fniek sibt ruħi f’post li huwa wieħed mill-isbaħ li għandna f’pajjiżna. Miġra l-Ferħa, fejn il-leġġenda tirrakkonta li kien rifes l-ewwel darba l-Konti Ruġġieru. Kien aċċess tas-soltu bejn ħafna bdiewa li jħobbu l-art li jaħdmu. Il-bidwi misslu kollox minbarra l-art li jaħdem, għalkemm illum ħafna huma dawk li jaħdmuha li qegħdin jaqtgħu qalbhom minn dan il-qasam.

Ftit tas-snin oħra l-patrimonju rurali u agrikolu tagħna jidħol fi kriżi kbira. Apparti li l-kompetizzjoni ta’ prodotti minn barra qegħdin ftit ftit jeqirdu u jġibu fix-xejn dawk lokali, hemm ukoll kriżi fir-riżors uman. Dawn il-bdiewa li qegħdin jerfgħu minn dan ix-xogħol, m’hemmx oħrajn żgħażagħ li jieħdu posthom aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin nilmħu art żdingata u mhux maħduma. M’hemm xejn jimbotta liż-żgħażagħ li jaħdmu f’dan il-qasam.

Aktar ma’ dan il-qasam beda jitlef mill-importanza tiegħu għall-ekonomija, b’mod speċjali meta bdew jikbru l-industriji tat-turiżmu u dak tal-bini, anqas baqgħet tingħata importanza mill-politiċi tal-pajjiż. Sakemm wasalna fejn qegħdin illum. Qasam agrikolu u patrimonju rurali li jinsabu fi stat tal-biki. Kull fejn tmur ħlief irziezet qegħdin jaqgħu u abbandunati ma tarax. Ħitan tas-sejjiegħ u bini rurali bħal giren imwaqqgħin, għaliex ovvjament m’hemmx aktar min jieħu ħsiebhom.

Hija ironika li l-industrija tat-turiżmu li hija mibnija fuq is-sbuħija ta’ pajjiżna kienet il-fattur ewlieni li ġabet il-qirda ta’ dan kollu. Matul iż-żmien flok pjanajna biex din tiżviluppa id f’id man-natura għamilna bil-kuntrarju. Morna għat-turiżmu tal-massa li miegħu ġab id-degrad estetiku ta’ pajjiżna. Lukandi kbar koroh mal-kosta, il-kontaminazzjoni tal-baħar b’sistemi ta’ infrastruttura tal-massa, u l-inkoraġġiment ta’ bini kullimkien. Żgħażagħ li qabel kienu fil-biedja emigraw lejn id-dinja tat-turist.

Għalija ħareġ ċar kemm moħħna mhux hemm fejn jidħol il-patrimonju rurali tagħna. Waqt li konna fuq l-aċċess li semmejt u konna qegħdin inpinġu fuq pjanti u nkejlu minn ħabel għall-ieħor kelli sensazzjoni mhux tas-soltu. Bdejt nilmaħ nixfa li kienet stramba. Huwa minnu li fis-sajf tagħna l-għelieqi jisfaru, iżda kien hemm xi ħaġa aktar minn hekk. Kellu jkun wieħed mill-bdiewa li jgħidli x’ġara.

Minn xi ftit tas-snin ’l hawn daħlet f’pajjiżna speċi ta’ susa jew dudu li qatt ma kellna bħalu. Din hija susa li tattakka u teqred għal kollox is-sigar tat-tin, tal-bajtar tax-xewk u taċ-ċawsli. Balleċ, ma kienx hemm siġra waħda tat-tin u tal-bajtar ta’ San Ġwann li ma kinitx skeletru. Il-palm tal-bajtar baqa’ żgħir u mingħajr fjur. Fi żmien meta tilmaħ jisponta l-bajtar tax-xewk ma kienx hemm pala waħda li kellha bajtra waħda. Fejn darba kien hemm siġra taċ-ċawsli kbira issa kien hemm biss biċċa zokk niexef.

Bejn iddisprajt u bejn ridt naqbad nibki meta wieħed mill-bdiewa b’leħen ta’ rassenjazzjoni u ta’ xi ħadd li ma jista’ jagħmel xejn qalli: “L-art mardet Dott!”, dak il-ħin ma nafx x’kont ser naqbad ngħid ħlief li kif nitlaq minn fuq il-post immur malajr inkellem lil xi ħadd. Għamilt kuntatt malajr mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. Għidtlu x’qiegħed jiġri.

Roderick inħass sensibbilment preokkupat. Qalli li kienu jafu bil-problema u qiegħed isir minn kollox biex jidentifikaw xi tip ta’ mediċina biex ma tkomplix tikber il-ħsara. Qalli li din kienet daħlet mill-Ewropa ma’ xi importazzjoni ta’ prodotti agrikoli jew rurali. Pajjiżna huwa żgħir u espost għal dawn ix-xorta ta’ riskji. Iżda minn dak li nista’ nifhem dawn jidħlu b’mod mill-aktar liberali fejn qabel kellna xi xorta ta’ kwarantina.

L-istess problema teżisti fit-trobbija tan-naħal. Qaluli li daħlu naħal minn Sqallija li kienu morda. M’għandix għalfejn ngħidilkom x’ġara għalkemm irridu ngħidu li l-popolazzjoni tan-naħal tinsab fi kriżi madwar id-dinja kollha. Iżda li weġġagħli rasi f’din is-sitwazzjoni mhux dak li qiegħed jiġri iżda dak li ma jintqalx li qiegħed jiġri. Dak li jweġġagħli rasi f’din is-sitwazzjoni huwa l-fatt li l-allarmiżmu popolari u kbir ħafna f’ċertu oqsma iżda mhux daqstant kbir fejn suppost hu.

Waqt li Malta kollha hija maqsuma bejn dawk li huma kontra l-kaċċa u dawk li mhumiex, waqt li kulħadd jiġri mir-rokna għall-oħra b’petizzjonijiet ta’ min irid iwaqqaf il-kaċċa u ta’ min irid iħarisha, fil-kampanja tagħna għandek sfreġju u ħadd ma jaf bih. Il-kampanja qiegħda tmut u kulħadd moħħu f’affarijiet li oġġetivament mhumiex ta’ prijorità għall-pajjiż.

Jekk għandekx tispara għall-għafsur jew le hija kwistjoni li tista’ tistenna. Iżda li ħafna mis-siġar indiġeni tagħna mietu u qegħdin imutu hija kwistjoni li ma tistax tistenna u b’dan kollu mhix fuq l-aġenda tal-pajjiż. Poplu li ma jkollux il-prijoritajiet tiegħu tajbin huwa poplu li x’aktarx jaqa’ f’dekandenza irriversibbli. Nittama li dan mhux qiegħed jiġri f’pajjiżna. 

More in Blogs