Sarajevo, 28 ta’ Ġunju 1914
Hawn Malta għandna liġi li oriġinarjament saret mill-gvern tal-Compact li kien koalizzjoni ta’ Striklandjani u Laburisti. Kienet liġi li Pawlu Boffa riedha b’saħħa u li Gerald Strickland iġġustifikaha mas-sostenituri tiegħu bħala liġi temporanja għal ftit snin biss. Illum, 85 sena wara għadha hemm għalkemm l-effetti tagħha ġew imtappna ftit f’dawn l-aħħar snin.
Din hi l-liġi tal-kera li tipprojbixxi kwalunkwe żieda fil-kera ta’ aktar minn 40% mill-kera ġusta fl-4 ta’ Awwissu 1914. Projbizzjoni li għadha tiżdied sal-lum ħlief għaż-żidiet marġinali li ġew introdotti riċentament. F’dak il-jum, l-Imperu Brittaniku ddikjara gwerra lill-Imperu Tedesk wara li l-Ġermanja m’aċċettatx ultimatum Ingliż li l-Belġju tibqa’ newtrali. L-għan tal-liġi tal-1929 kien li jillimita ż-żieda fil-kirjiet li kienu għolew sew wara t-tmiem ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija jew kif sikwit insejħulha l-Gwerra l-Kbira. F’dawk is-snin, id-dinja bdiet tesperjenza l-fenomenu tal-inflazzjoni u Malta ma kinitx eċċezzjoni. Għalhekk, il-gvern tal-Compact dehrlu li għandu jgħaddi din il-liġi sabiex irażżan l-għoli fil-kirjiet. Ir-riżultat kien li s-suq tal-kiri inqatel sakemm reġa’ rxoxta wara l-liberalizzazzjoni parzjali tal-1995. U l-poplu investa bi ħġaru fil-bini ta’ djar li matul is-snin bdew jieklu aktar mill-kampanja tagħna minkejja ħafna djar vojta li s-sidien kienu jippreferu ma jikrux minħabba din il-liġi.
Dan kien wieħed mill-konsegwenzi ta’ avveniment li seħħ eżatt mitt sena ilu. Il-pampaluni tal-Fundazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali li ġmielhom jimpalaw l-eluf ta’ euro ma dehrilhomx li għandhom jiċċelebraw dan l-avveniment imma għażlu li juru t-Tazza tad-Dinja l-Marsa. Minkejja l-pożizzjonijiet psewdo-intelletwali li assistejna għalihom matul is-snin, dawn it-talin ma ħassewx li pajjiżna għandu jikkommemora avveniment li biddel il-kors tal-istorja, anke dik Maltija. Huwa minnu li fil-Gwerra l-Kbira, Malta lagħbet irwol marġinali l-aktar bħala post fejn iddewwew il-feruti tal-kampanja diżastruża tad-Dardanelli. Imma l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-Gwerra l-Kbira ħallew effett drammatiku fuq pajjiżna wkoll u din il-gwerra kienet il-katalist għall-irvell tas-7 ta’ Ġunju 1919 li wara ta lok għall-ewwel esperiment ta’ awtonomija parlamentari fl-1921. Barra minn hekk, ħamsa u għoxrin sena wara l-bidu tal-Gwerra l-Kbira, id-dinja reġgħet kienet fi gwerra ġdida li reġgħet ġabet imwiet u qerda bil-kbir, gwerra li lilna laqtitna aktar mill-qrib.
Verament din hija sena ta’ anniversarji imma sfortunatament aħna medhijin fl-anniversarji nazzjonali tal-Indipendenza, tar-Repubblika u tat-tmiem tal-preżenza militari Ingliża f’Malta imma qed ninjoraw anniversarji importanti bħall-bidu tal-Gwerra l-Kbira mitt sena ilu u tat-Tieni Gwerra Dinjija 25 sena wara. Ħasra tassew li dejjem nibqgħu maqfulin wara l-ħitan provinċjali li nibnu madwarna.
Kien fit-28 ta’ Ġunju 1914 li ngħatat ix-xrara li qabdet ħuġġieġa liema bħalha li swiet il-ħajja ta’ 10 miljun suldat u 7 miljun pajżan u ħalliet 22 miljun midrub u 8 miljun mitluf. Gwerra li bidlet il-fruntieri tal-Ewropa bħalma għamlet l-ebda gwerra oħra qabel u temmet erba’ dinastiji u erba’ imperi: il-Hohenzollern (l-Imperu Tedesk), l-Asburġiċi (l-Imperu Awstro-Ungariż), ir-Romanoff (l-Imperu Russu) u l-Osman (l-Imperu Ottoman). Minn dawn l-imperi twieldu pajjiżi ġodda li f’xi każijiet kienu ilhom li tilfu l-indipendenza sekli bħal Polonja u l-Ukrajna.
Kienet ukoll gwerra li introduċiet bosta innovazzjonijiet teknoloġiċi kbar li wkoll kellhom effett kbir fuq in-numru ta’ mwiet u midruba. F’din il-gwerra għal ewwel darba ntużaw it-tankijiet u l-armi kimiċi mentri r-radju u l-ajruplani ntużaw bħal qatt qabel. Tassew kienet gwerra li bidlet il-kors tal-istorja.
Kollox beda f’dak it-28 ta’ Ġunju 1914: l-eredi tat-tron Awstro-Ungariż, l-arċiduka Franz Ferdinand flimkien ma’ martu Sophie, li kienet tqila, żaru Sarejevo, il-kapitali tal-Bożnja-Ħerżegovina. Xħin wieħed iħares lura u jifli l-avvenimenti ta’ mitt sena ilu, wieħed jikkonkludi li jew din kienet gwerra li qatt ma kellha sseħħ jew inkella kienet gwerra inevitabbli. Kienet gwerra tassew aċċidentali, gwerra li kienet tistenna li tibda.
Franz Ferdinand kellu relazzjoni ferm ħażina ma’ zijuh, l-Imperatur Franz Joseph li rrenja fuq l-Imperu Awstrijak li fi żmienu sar Awstro-Ungariż bejn l-1848 u l-1916. Perjodu tassew twil u turbolenti li matulu l-qawmien nazzjonalistiku ta’ bosta ġnus Ewropej kien iħabbat sew l-amministrazzjoni Awstro-Ungeriża. Franz Ferdinand sar l-eredi tat-tron wara li l-uniku tifel ta’ Franz Joseph u martu, l-Imperattriċi Eliżabetta (“Sisi”) li ġiet assassinata fl-1898, Rudolph qatel ruħu b’idejh fl-inċident ta’ Mayerling fl-1889. Franz Joseph ma riedx japprova ż-żwieġ ta’ Franz Ferdinand ma’ Sophie li ma kinitx ta’ oriġini aristokratika. Wara li saritlu pressjoni mill-Papa u mill-Kżar tar-Russja, Franz Joseph approva ż-żwieġ bil-patt li wlied Franz Ferdinand ma jkunux l-eredi għat-tron. Kienu verament żminijiet oħra.
L-Imperu Awstro-Ungeriż twieled wara l-għaqda fl-1867 bejn l-Imperu Awstrijak u l-Kuruna Ungeriża. Kemm l-Awstrija kif ukoll l-Ungerija żammew gvernijiet awtonomi imma taħt kuruna waħda, dik Asburġika. Il-gvern imperjali kien ukoll responsabbli għad-difiża u għall-affarijiet barrnin. Dan l-imperu kien f’bosta aspetti l-prekursur tal-Unjoni Ewropea: kellu tmien lingwi uffiċjali barra sitta oħra li kienu wkoll mitkellma. L-Imperatur Franz Joseph kien jitkellem sew xi tliet lingwi. Kien imperu tassew multi-etniku li llum jinsab maqsum bejn tlettax-il stat, disa’ minnhom membri tal-Unjoni Ewropea u l-erbgħa l-oħra ħerqanin li jidħlu wkoll. Fit-territorju tal-eks imperu Awstro-Ungeriż, għad hemm ħafna nostalġija għat-tmexxija Asburġika. Kienet nibtet kultura mitteleuropea li ħalliet wirt kbir fl-arti u fil-mużika u barra minn hekk, dan l-imperu wettaq ħafna progress. Kif qal deputat Bosnijak din il-ġimgħa, fl-erbgħin sena li l-Bożnja Ħerżegovina ffurmat parti mill-imperu Awstro-Ungeriż, sar aktar progress mis-sekli ta’ qabel taħt l-Ottomani.
Imma s-sentimenti nazzjonalisti qatt ma kienu ‘l bogħod mill-wiċċ. Fit-28 ta’ Ġunju 1914, sitt nazzjonalisti serbi li riedu l-għaqda tal-Bosnia-Ħerżegovina mar-Renju tas-Serbja nidew komplott sabiex jassassinaw lill-Arċiduka Franz Ferdinand. L-ewwel attentat falla u l-bomba li ntefgħet lejn il-karozza tal-Arċiduka ma weġġgħetux. Wara mar għal riċeviment fil-Muniċipju. (Dan il-bini nqered fl-1992 mis-Serbi u għadu kemm ġie restawrat. Ilbieraħ sar fih kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Vjenna li daqqet mużika ta’ kompożituri tal-epoka bħal Brahms u Berg. Kunċert li s-Serbi bbojkottjaw għaliex iddejqu li jiġu assoċjati mal-avvenimenti mdemmija li bdew u għalqu s-seklu għoxrin).
Wara r-riċeviment, Franz Ferdinand ried imur iżur l-uffiċjali li soffrew feriti ħfief fl-ewwel attentat. Il-karozza tiegħu ħadet triq ħażina u xħin bdiet tirriversja, ġiet faċċata wieħed mill-kospiraturi, Gavrilo Princip li ma triegħedx bħal sħabu u fl-10.49am spara żewġ tiri li qatlu lil Franz Ferdinand u lil martu Sophie.
Ironikament, l-Imperatur Franz Joseph ħares lejn l-assassinju bħala r-riżultat ta’ intervent divin sabiex tittranġa sitwazzjoni li huwa ma kienx irnexxielu jevita meta ħalla lil Franz Ferdinand jiżżewweġ. Ironikament ukoll, l-ambaxxatur Serb fi Vjenna kien avża lill-Ministru tal-Finanzi Awstro-Ungeriż dwar it-theddida għal ħajjet Franz Ferdinand f’Sarajevo u ssuġġerixxa illi jħassar iż-żjara. Imma l-Awstro-Ungeriżi ma tawx każ din it-twissija.
Minkejja li l-investigazzjonijiet Awstro-Ungeriċżi f’Sarajevo ma sabu l-ebda xamma ta’ intervent tal-gvern Serb f’dan il-komplott, f’affari ta’ ftit ġimgħat kien hemm suċċessjoni impressjonanti ta’ żbalji diplomatiċi u miskalkulazzjonijiet. L-ewwel l-Awstro-Ungerija ddikjarat gwerra lis-Serbja li dlonk ġiet megħjuna mir-Russja. Dan ipprovoka d-dħul tal-Ġermanja favur l-Awstrija. Il-Ġermanja wettqet l-iżball li Bismarck ried jevita imma li rrepeta Hitler u fetħet front ieħor fil-punent billi invadiet il-Lussemburgu u l-Belġju li kienu newtrali u dan sabiex tidħol fi Franza. L-Ingilterra appoġġjat lil Franza u s-Serbja. Eventwalment, daħlu fil-gwerra l-Imperu Ottoman, l-Italja, il-Ġappun u l-Amerika kif ukoll bosta pajjiżi oħrajn.
Żewġ tiri li bidlu l-kors tal-istorja. Imma huwa ċar li l-assassinju ta’ Franz Ferdinand u martu ma kienx ħlief il-pretest għal din il-konflagrazzjoni. Kieku l-gvernjiet tal-epoka kellhom tendenzi aktar paċifiċi u kienu aktar lesti li jinnegozjaw id-differenzi ta’ bejniethom, kieku l-massakri li ġew wara dak it-28 ta’ Ġunju 1914 fatali f’Sarajevo kienu jiġu evitati.
Kif kiteb xi ħadd din il-ġimgħa, jekk irridu nagħtu każ il-futur tagħna, ma rridux ninsew il-passat. L-għaqdiet transnazzjonali twieldu sabiex id-differenzi bejn il-pajjiżi jiġu riżolti b’mezzi paċifiċi u mhux bil-gwerer. U wara ċ-ċarċir tad-demm tal-Gwerra l-Kbira u dik li ġiet warajha 25 sena biss warajha, il-mexxejja Ewropej għażlu li jimbarkaw fuq vjaġġ li ġabhom dejjem ferm aktar qrib xulxin. Vjaġġ li kabbar ukoll il-prospetti ekonomiċi bit-twaqqif ta’ għaqda doganali simili għal dik li kienet teżisti fl-imperu Awstro-Ungeriż. Il-vjaġġ mhux dejjem jimxi fuq art lixxa imma irid jitkompla minkejja dawk kollha li ma jagħmlu xejn ħlief imaqdru dan l-esperiment minkejja l-paċi u l-prosperità li ġab fl-Ewropa f’dawn l-aħħar sebgħin sena.