Emendi li ma jemendawx
Ħafna minn dawn kellhom l-għażla ta’ Austin Gatt, li jsiru “ċittadini ordinjarji”
Bħalissa ż-żewġ partiti għaddejjin bil-Konferenzi Ġenerali tagħhom. Għal din id-darba, il-Partit Nazzjonalista beda jitkellem fuq tiġdid. Kelma li niskopruha dejjem wara xi telfa elettrali. Bħalli qallu biex tiġġedded trid taqlagħha fuq rasek. Qisu meta tkun fil-glorja m'hemmx tiġdid x’tagħmel. Biex inkun ġust dan ġara wkoll fil-Partit Laburista kull darba li tilef elezzjoni.
Francis Zammit Dimech kienet il-persuna inkarigata biex ifassal l-emendi statutorji biex iseħħ dan it-tiġdid. Minn dak li stajt nifhem kien eżerċizzju ta’ “cut and paste” mill-Istatut tal-Partit Laburista. Qiegħed nikteb hekk mhux biex ninki iżda għaliex xi ħadd fil-Partit Nazzjonalista għadu ma fehemx, li dak li jgħodd għall-Partit Laburista mhux awtomatikament transferibbli għall-Partit Nazzjonalista.
Niftakarni nikkumenta dwar il-kreazzjoni ta’ kariga ġdida fil-Partit Nazzjonalista. Dik ta’ Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit, li illum hija okkupata mill-Avukat Beppe Fenech Adami. Ħolqu kariga simili għal dik li nokkupa jien illum, għalkemm xi snin ilu tghidx kemm kienu kkritikaw li kariga ta’ din ix-xorta ma kienx hemm bżonnha.
Li ma ntebħux kien dan: li is-suċċess ta’ kariga ma jiddependix mill-kariga fiha nnifsha iżda minn min ikun qiegħed jokkupa. Fil-waqt li kariga bħal din fil-Partit Laburista torbot lil dak li jkun qiegħed jokkupha li ma jistax jikkontesta għall-elezzjonijiet ġenerali, Beppe mhux biss ser ikun jista’ jikkontesta iżda digà huwa Membru Parlamentari. X’jiġri minn wara l-kwinti jiena ma nafx, iżda ċert li sa elezzjoni oħra żgur li inkwiet ser ikolhom għaliex fl-aħħar mill-aħħar dak li jkun l-interessi elettorali ser jara u mhux dawk tal-Partit. Hemm iċ-ċans li ħolqu sors ieħor ta’ inkwiet.
Minn barra dan kollu, inutli tibdel l-istatut jekk ma jinbiddlux in-nies. Kważi aktar minn tliet kwarti tal-politiċi “that count” bħalissa fil-Partit Nazzjonalista huma l-istess li kien hemm meta sa ftit ilu dan il-Partit kien Gvern. Għalhekk jibdlu kemm jibdlu statuti, għad hemm problema kbira ta’ kredibbiltà kbira. Hemm ismijiet eċċellenti li għadhom fuq quddiem li isimhom għadu marbut ma’ deċiżjonijiet ħżiena u suspetti ta’ irregolaritajiet u skandli li kellhom iwieġbu għalihom u qatt ma għamlu xejn. Għalhekk ebda “tiġdid” statutorju mhu ser inaddaf lil dawk li kien hemm u għadhom hemm mill-perċezzjoni ħażina tagħhom b’mod li meta ser ikunu quddiem in-nies f’dibbatitu politiku dejjem ser ikunu b’denbhom taħt il-blata.
Ħafna minn dawn kellhom l-għażla ta’ Austin Gatt, li jsiru “ċittadini ordinjarji”. Din l-għażla ma ħaduhiex. Għalhekk jinbidel kemm jinbidel l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-politiċi tagħhom xorta ser jibqgħu persegwitati mill-iħirsa li ħerġin mill-iskandlu tal-Enemalta u l-Power Station, it-traġedja tal-Arriva, il-miljuni li nsterqu mill-VAT, iż-żieda fis-salarji minn wara dahar in-nies, is-safar bil-ġettijiet u lista oħra ta’ governanza xejn koretta li ħallew warajhom.
Aktar minn hekk, tbiddel kemm tbiddel l-istatuti l-problema Simon Busuttil tibqa’. L-istatuti ma jwelldux il-mexxejja tajbin. Jiġri bil-kuntrarju. Huma l-mexxejja tajbin li welldu statuti tajbin. Simon Busuttil għadu ma faqqasx. Qisu kull ma jmiss b’idejh isir ċomb. Ġieli kellu okkażjonijiet fejn seta’ bied il-bajd tad-deheb, iżda minħabba l-istil tiegħu, ħarġu taċ-ċomb.
Jiena nemmen li anke fi ħdan il-Partit tiegħu hemm is-sensazzjoni li Simon Busuttil ma jistax jirfed mal-elettorat. Nemmen li wara għaxar xhur Kap ma naħsibx li ħalla dik l-impronta li kienu qegħdin jaħsbu li ser iħalli. Il-problema prinċipali ta’ Simon hija waħda: mhux juri dik il-maturità politika b’mod li min forsi ma jaqbilx mal-Partit Laburista jemmen li jista’ jafda ruħu f’idejh. Nieqes minn dawk il-ħiliet meħtieġa biex jikkonvinċi li jista’ jkun Prim Ministru. Ħiliet li ma ssibhom f’ebda statut ta’ partit.
Hija ħasra għaliex dan ma jawgura xejn tajjeb għad-demokrazija. Meta jkollok oppożizzjoni tajba jkollok gvern li jrid joqgħod fuq il-ponot ta’ subgħajh. Meta tkun dgħajfa jkollok l-inkwiet anke fil-Gvern, għax min ikun fil-poter jibda jaħseb li ħadd ma jista’ għalih.
Agħmlu sewwa daħlu l-emendi satatutorji li hemm bżonn. Iżda dan mhux ser isolvi l-problemi aktar gravi li hemm fi ħdan l-Oppożizzjoni. Wieħed mar tajjeb żgur... Francis Zammit Dimech għax biha għamel il-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet tal-MEP!