Selfie tagħna stess
Inħarsu ftit lejn iċ-ċittadinanza tagħna
Intqal ħafna u x’aktarx għadu ma ntqalx kollox dwar il-pjan tal-Gvern Malti li jibda joffri ċ-ċittadinanza Maltija lil min hu lest li joħroġ is-somma ta’ €650,000. Pjan li diġà kellu żewġ ri-inkarnazzjonijiet li indirizzaw il-kritika li saret lill-pjan oriġinali. Fit-tieni verżjoni tal-iskema, żdiedet il-ħtieġa li l-applikant prinċipali jixtri proprjetà immobiljari li tiswa tal-inqas €350,000 jew inkella jikri proprjetà b’mhux anqas minn €16,000 fis-sena, isir investiment ta’ €150,000 f’bonds tal-Gvern Malti u tinħareġ polza ta’ assigurazzjoni tas-saħħa għad-dinja kollha fl-ammont ta’ €50,000. Issa, wara l-vot qawwi ta’ ċensura tal-Parlament Ewropew u l-kritika bil-miftuħ tal-Viċi-President tal-Kummissjoni kif ukoll it-theddida ta’ azzjoni legali kontra Malta fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Gvern Malti kkonċeda li l-applikant irid ikun irrisjeda f’Malta għal tal-inqas sena qabel ma jiġi naturalizzat. Kompromess li probabbilment juri li kemm il-Gvern Malti kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ma ridux itawlu l-kwistjoni u ma ridux jistennew l-eżitu inċert ta’ kawża fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, qorti li kienet fundamentali fil-bini tal-istrutturi Ewropej bid-deċiżjonijiet li ħadet.
Il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea approvat l-iskema kif issa emendata ma jfissirx li issa din l-iskema hija approvata definittivament. Il-Kummissjoni Ewropea mhix l-arbitru finali f’materji Ewropej u hemm modi oħra kif din l-iskema tista’ tiġi ttestjata fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u f’dik tad-Drittijiet tal-Bniedem. U l-avviż legali li l-President ser ikollu ubbidjentement jerġa' joħroġ wara dan il-ftehim mal-Kummissjoni, li fih hu bl-ebda mod ma kien involut, jista’ jaqa’ taħt l-iskrutinju tal-qrati lokali li madankollu mhumiex magħrufin li jagħtu wisq inkwiet lill-gvern tal-ġurnata. Madankollu, b’dan it-tibdil, il-Gvern Malti ċertament indirizza bosta mill-oġġezzjonijiet li kienu qed isiru għall-iskema kif oriġinarjament proposta.
Jien wieħed minn dawk li xorta m’iniex kuntent bil-verżjoni aħħarija ta’ din l-iskema. Fl-opinjoni tiegħi, iċ-ċittadinanza m’għandhiex tkun trattata qisha xi biċċa proprjetà li tinbiegħ u tinxtara u għandha biss tingħata lil min għandu konnessjoni ġenwina ma’ dan il-pajjiż. Għadni nħoss li l-ħtiġijiet sabiex wieħed isir ċittadin Malti bi ħlas għadhom laxki wisq. Wieħed ma jsirx Malti għax iħallas €650,000 u jixtri proprjetà li tiswa €350,000. U ngħid jien għala min jiftaħ fabbrika jew lukanda u jħaddem in-nies m’għandhux ukoll jingħata kunsiderazzjoni? Il-fatt li persuna tagħmel taparsi sena tirrisjedi hawn (u diġa` qalulna li kull m’hu meħtieġ hu li wieħed jirrisjedi 183 jum f’sena) fi propjetà mixtrija jew mikrija ma jikkonfezzjonax tali konnessjoni ġenwina.
Lanqas mhu ċar jekk l-obbligu tar-residenza japplikax għall-applikant prinċipali biss jew japplikax ukoll għad-dipendenti tiegħu ukoll, jiġifieri għall-mara jew nisa li jkollu, uliedu u jekk ikun il-każ ukoll, għall-ġenituri tiegħu. Ħadd m’għadu qal kif l-obbligu tar-residenza ser jiġi kkontrollat. Lanqas mhu ċar jekk l-obbligu li l-applikant ikollu assikurazzjoni fuq saħtu fis-somma baxxa ta’ €50,000 japplikax ukoll għad-dipendenti tiegħu u għalkemm ser jibqa’ japplika. Lanqas ma nafu x’jiġri jekk din l-assikurazzjoni ma tibqax titħallas fis-snin ta’ wara li wieħed isir ċittadin Malti.
Id-dettalji ta’ dan kollu għadu mhux ċar. Imma ċerta affarijiet wieħed jista’ jassumihom. Meta tħabbar l-ftehim li ntlaħaq mal-Kummissjoni, il-Gvern Malti qal li l-Kummissjoni aċċettat li l-Gvern Malti jista’ jbiddel il-limitu ta’ 1,800 applikant. Issa ninsew għall-mument li dan il-limitu kien il-Gvern Malti stess li imponieh fit-tieni inkarnazzjoni ta’ din l-iskema. Imma ma nistgħux ninsew li l-figura ta’ 1,800 tapplika biss għan-numru ta’ applikanti prinċipali u ma tinkludix il-mara jew nisa u jekk ikun il-każ, it-tfal u l-ġenituri ta’ ta’ tali applikant. Barra minn hekk, l-ulied il-ġodda ta’ kull min isir ċittadin Malti, anke jekk jitwieldu barra minn Malta, ukoll ser ikollhom dritt li jsiru ċittadini Maltin. Dan bl-ebda ħlas u bla ħtieġa ta’ ebda assigurazzjoni tas-saħħa. Tali ċittadini ser ikollhom ukoll id-dritt li jiġu hawn Malta għall-edukazzjoni jew kura medika kif ukoll li jivvutaw fl-elezzjonijiet. Jalla dan ifisser it-tnissil ta’ konnessjoni ġenwina ma’ pajjiżna imma huwa ċar li hemm lok ta’ abbużi minn individwi li mhuma ċittadini xejn ħlief fl-isem. Wieħed għad irid ukoll jara x’impatt din l-iskema ser ikollha fuq il-kuntesti elettorali ta’ pajjiżna.
Sar ħafna diskors dwar il-€1 biljun li l-Gvern Malti qed jistenna minn din l-iskema imma eventwalment, għad nistgħu naraw li tali dħul ser ikun ferm anqas minn dak mistenni. Biljun forsi tidher somma impressjonanti imma wieħed għandu jqis li hija terz tal-ispiża tal-gvern f’sena. Meta wieħed jieħu iqis il-ħsara li saret lill-fama ta’ Malta b’din l-iskema, speċjalment fis-settur tal-qasam finanzjarju, dan il-biljun mill-ewwel jibda jirridimensjona ruħu. Dawn l-aħħar jiem kont qed inkellem persuna li taf sew x’inhu għaddej fid-dinja tas-servizzi finanzjarji li stqarrli kemm huma nkwetati l-operaturi fis-settur mis-sitwazzjoni li kienet qed tiżviluppa minħabba din l-iskema. Qalli li tali operaturi ma jkunux iridu joperaw taħt ir-rifletturi u esprima tħassib serju dwar il-futur ta’ dan is-settur li bla dubju llum hu wieħed mill-muturi tal-ekonomija.
Anke l-kumplament tal-ekonomija ħass l-effett tal-kontroversja li qanqlet din l-iskema. Dejjem niskanta dwar is-sensittività tal-operaturi ekonomiċi għas-sitwazzjoni politika tal-pajjiż u jidher li fl-aħħar xhur, ir-ritmu tal-attività ekonomika naqas sew. Dan ser jitttraduċi f’anqas dħul għall-gvern u f’aktar pressjoni fuq l-ispiża tiegħu. F’kelma waħda, il-gvern ser ikollu jissellef aktar u ser ikun ferm aktar diffiċli għalih sabiex jikkontrolla d-defiċit.
Hu x’inhu l-każ, il-mod kif evolviet din il-kwistjoni kien żgur ta’ distrazzjoni għall-ħidma tal-Gvern. Kien ikun ferm għaqli kieku l-Gvern l-ewwel ħadem sabiex jintlaħaq kunsens mal-Oppożizzjoni u l-imsieħba soċjali, ġab l-approvazzjoni ta’ Brussell u mbagħad nieda l-iskema. Kif ġraw l-affarijiet, ġara kollox bil-kontra u sadattant qamet ħafna kontroversja li żgur ma swietx ta’ ġid għall-pajjiż. Kien hemm min ikkritika lill-Oppożizzjoni u speċjalment lill-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti talli esprimew ruħhom kontra l-iskema fid-dibattitu tal-Parlament Ewropew. Min jgħid hekk għad għandu kunċett ferm provinċjali tal-politika Maltija. Il-Parlament Ewropew mhux xi organu barrani li fih wieħed irid joqgħod attent li ma jlissen l-ebda kelma kontra l-għażiż pajjiżna imma hu l-unika organu elett mill-poplu ta’ għaqda li tagħha pajjiżna huwa membru. Barra minn hekk, il-liġijiet li dan il-Parlament jgħaddi flimkien mal-Kunsill tal-Ministri għandhom is-saħħa ta’ liġi f’pajjiżna. Għaldaqstant l-ewroparlamentari Maltin kienu fi dmir li jesprimu ruħhom b’libertà sħiħa fil-Parlament Ewropew kif inhu l-każ tad-deputati fil-parlament nazzjonali.
Ħaġa oħra li ħalliet togħma ferm qarsa hija l-preżenza ingombranti tal-konsulenti magħżula mill-Gvern Henley & Partners. Din il-ġimgħa assistejna għal ċertu Chris Kalin, minn din il-konsulenza jattakka direttament lill-Oppożizzjoni u jintervjeni b’ruħu u ġismu f’kontroversja li huwa bħala konsulent tal-Gvern Malti kellu jibqa’ sajjem minnha. Il-fatt li Henley & Partners ser idaħħlu minimu ta’ €126 miljun, jekk jinbiegħu l-1,800 passaport, żgur li tappan is-sens ta’ ġudizzju ta’ dawn is-sinjuri. Huwa straordinarju li Malta ser tkun l-unika pajjiż fid-dinja li ser ikollha programm ta’ ċittadinanza mmexxi minn kumpanija barranija. Mhux talli hekk talli ser tkun din l-istess kumpanija li tagħmel l-iskrutinju u tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-applikanti għalkemm il-kelma aħħarija ser tkun tal-Gvern. Niskanta kif Mario Azzopardi, li l-ġimgħa l-oħra f’din il-gazzetta dehrlu li l-kritika tal-ewroparlamentari Maltin u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar din l-iskema huma xempji ta’ neo-kolonjaliżmu, ma jiddejjaqx b’din is-sitwazzjoni.
Ikolli naqbel perfettament ma’ dak li qal Jurgen Balzan ftit jiem ilu meta stqarr “I have a hunch that many so-called leftists would have shred the scheme to bits had it been proposed and implemented by a PN administration. But their silence is deafening.” Il-koerenza intellettwali titlob li wieħed irid iħares lejn l-affarijiet bl-istess mod irrispettivament minn min jagħmilhom. Imma kif spiss jiġri f’dan il-pajjiż, l-affarijiet jinqabdu fil-ġlieda eterna bejn iż-żewġ partiti l-kbar u min instintivament ħassu tassew iddiżgustat b’din l-iskema, spiss qagħad lura.
Din l-iskema qiegħda sservi biex joħorġu l-agħar karatteristiċi fina, karatteristiċi li spiss ġew definiti fil-passat imbiegħed meta l-uniku mezz ta’ għixien kien billi nattakkaw l-iġfna fil-Mediterran. Donnu għadna ma fhimniex x’inhu l-potenzjal sħiħ tagħna u kif nistgħu tassew insiru ċentru ta’ eċċellenza fil-Mediterran mingħajr il-ħtieġa ta’ skemi ta’ dan it-tip li żgur mhuma jitfgħuna f’dawl sabiħ ma’ ħadd, anke jekk jirnexxielna niżgiċċaw iċ-ċensura ta’ ħaddieħor.