Strange kind of woman
Kienet ġimgħa movimentata mhux ħażin, bħal ħafna ġimgħat oħra. It-Tnejn ħabat id-69 anniversarju mil-liberazzjoni ta’ Auschwitz. Aħna ta’ dil-gżira konna aktar medhija bl-antiċipazzjoni konniex se naraw lil Joseph ibaxxi rasu għall-Ewropa, jew lil Simon jiblax kollox. Kif ġraw l-affarijiet l-Erbgħa, wieħed jista’ jiddeċiedi hux vi jew va skont, bħal ħafna drabi oħra, il-kredu partiġġjan li jħaddan.
Daqs qatt qabel, jiġifieri daqs kemm tagħtini l-memorja, aħna ta’ dil-gżira għadna nitfixklu sew meta niġu biex nagħmlu differenza bejn in-nazzjon u l-partit, u jkolli nammetti li ftit għandi fiduċja li din il-fixla se tispiċċa wisq malajr. Hemm sezzjonijiet tal-media jkomplu jipperpetwaw dis-sitwazzjoni meskina: it-Times, pereżempju kompliet trewwaħ u tuffiċjalizza dil-fixla billi tellgħet poll fuq is-sit tagħha bil-mistoqsija: ‘Liema mill-PL, PN jew AD iggwadanja l-aktar mill-kontroversja taċ-ċittadinanza?’
Imma lura għal Auschwitz. L-ewwel darba li żort il-Polonja fuq xogħol għamilt mezz li nżur Auschwitz. Diffiċli nispjega xi jwassal persuna li m’għandha xejn x’taqsam storikament mat-traġedja li seħħet f’dal-post, iżżuru. Ix-xeni li rajt f’dal-kamp kienu l-istess li raw l-eluf oħrajn li jżuruh ta’ kuljum. Auschwitz, kuntrarju għal ngħidu aħna l-kamp ta’ Majdanek li kont żort ftit jiem qabel mingħajr ma ppjanajt, huwa post li jkun miżgħud bin-nies: uħud pellegrini li jridu jaraw b’għajnejhom fejn mietu xi qraba tagħhom, oħrajn li jagħrfu l-importanza storika ta’ dan is-sit u oħrajn li, forsi, jħossu l-kuxjenza tqanqalhom jersqu ’l hemmhekk.
Minbarra l-impressjoni kbira li ħallew fuqi ċerti kmamar, bħaċ-ċella ta’ Massimiljanu Kolbe, jew inkella bħall-kamra mimlija bagolli jew dik mimlija pupi tat-tfal, kien hemm inċident ieħor li tassew laqatni, anzi ddisturbani. Kont sibt vann li jġorr it-turisti mil-lukanda fejn kont alloġġjat fi Krakovja lejn ir-raħal ta’ Oswiecim. Konna ħamsa min-nies, żewġ tfajliet Ġermaniżi, Taljan, gwida xwejħa Pollakka u jien. Fil-vjaġġ ta’ siegħa lejn Oswiecim ħadd ma qal kelma; imbagħad bdiet il-gwida ddawwarna fil-post tal-waħx. Proprju malli spiċċajna l-pellegrinaġġ, eżatt taħt it-tabella ‘Arbeit Macht Frei’, it-Taljan resaq fuq it-tfajliet Ġermaniżi, li kienu qegħdin jibku, u talabhom jeħdulu ritratt, jippoża b’idejh fil-bwiet tal-jeans u jitbissem.
U qabel ma waħda mit-tfajliet Ġermaniżi ġibdet ir-ritratt bid-dmugħ f’għajnejha, it-Taljan, li f’kitba oħra għammidtu bħala Ronaldo Rossoni, talabha ġġib it-tabella fir-ritratt. Rossoni ried ritratt quddiem Auschwitz u għalih ħa l-istess poża li nieħdu quddiem it-torri ta’ Pisa jew it-Torri Eiffel, jew it-tifel jagħmel l-awrina fi Brussell. Auschwitz jinbidel f’attrazzjoni turistika, jinġibidlu ritratt li mbagħad kellu jitħallat ma’ ritratti oħrajn fl-album tal-vaganzi.
Xi snin wara kelli dibattitu qasir mal-kittieb Awstrijakk Josef Haslinger jekk Auschwitz għandux jitqies bħala post sagru jew le. Haslinger insista li sit fejn seħħew tant atroċitajiet m’hemmx spazju għas-sagralità, Auschwitz huwa Auschwitz, kien l-aħħar kliem tiegħu. F’moħħi għad għandi x-xbieha ta’ dak Rossoni jippoża taħt l-Arbeit Macht Frei; dik it-tbissima kważi ċinika tat-turist li ma fehemx eżatt fejn mar idur f’ġurnata sħuna ta’ sajf Pollakk.
Imbagħad hemm ir-ritratt miġbud mill-awtur. Dan ukoll, ħafna drabi, bħal dak it-turist Malti li spiċċa ddisturbat bir-ritratt miġbud taħt il-kanċell ta’ Auschwitz, iżur il-ħajja (u l-mewt) ta’ ħaddieħor u jiġbed ir-ritratti; bid-differenza li m’hemmx spettaklu u m’hemmx tbissima, u s-suġġett mhuwiex hu imma l-karattri tiegħu.
Bħall-ktieb ‘Kulħadd Ħalla Isem Warajh’ li Clare Azzopardi nidiet jumejn ilu. Din hija ġabra ta’ tmien stejjer dwar tmien nisa (attwalment tmien protagonisti għax fil-fatt hemm aktar minn tmienja). Minn dak li tikteb Azzopardi fid-daħla tagħha, il-qarrej jintebaħ minnufih li huma stejjer veri, bijografiji qosra, il-kronaka tal-ħajja privata ta’ nisa li hija taf mill-viċin ħafna jew mill-bogħod, imma tafhom. Tmien ritratti, jew tmien filmati li jberrħu dak li huwa privat.
Bħal ngħidu aħna r-rakkont tar-relazzjonijiet sesswali ta’ Sandra mal-ġuvintur kollha li kellha storja (inevitabilment imqallba) magħhom hi u ġġorr il-weġgħa li ma kinitx l-isbaħ tifla fil-klassi. Jew Rita ġġorr id-diżappunt il-kbir ta’ żewġha fis-skiet hija u tipprepara ċ-chips lilu u lit-tfal tal-iskola fejn taħdem u tispiċċa biex lanqas tmur għall-funeral ta’ missierha.
Ir-ritratt, allura, isir id-dokument li jibqa’ jgħix anki wara li tispiċċa l-istorja. Bħar-ritratt ta’ Gracey li għadha tmur tipprova ż-żraben għoxrin sena wara li mietet. U, terġa’, ir-ritratt isir l-istorja fiha nfisha ġaladarba r-realtà tispiċċa minħabba ż-żmien. Kuntrarju għar-ritratt ta’ Rossoni, Clare li tirrakkonta ma tippużax quddiem il-weġgħat u t-traġedji ta’ dawk li żżur. Ma tibdilx lilha nfisha fi protagonista minkejja l-kuntatt, iżda tinsab hemm, tempatizza u titlobna nissimpatizzaw ma’ dawn in-nisa li anki jekk imġibthom mhux dejjem tinħass jew titqies leġittima, hemm storja mnikkta warajha. Kuntrarju għal Rossoni taħt l-Arbeit Macht Frei, il-kittieba ma titbissimx (lanqas fir-ritratt tagħha – dak veru – fuq il-qoxra tal-ktieb.) L-istejjer f’din il-ġabra huma mudlama u skuri daqs il-kopertina u n-nikta tar-rakkonti trattata b’delikatezza u sensitività kbira. Kulħadd Ħalla Isem Warajh huwa ktieb ta’ mara dwar xi nisa u l-irġiel tagħhom jew l-irġiel li kienu magħhom. L-istorja tagħhom hija stramba daqshom.
Ta’ tlettax-il sena, fil-vjaġġ kollu skossi lejn l-iskola mir-Raħal Ġdid għar-Rabat, b’xagħarna jistrieħ fuq spallejna, leħenna jiħxien u l-leħja tazzarda tisponta, u bit-togħma tal-ewwel sigarett, konna noqogħdu fuq il-bankijiet ta’ wara tax-xarabank bil-cassette player jaħdem bil-batterija, nisimgħu lil dal-kantant iwerżaq, “There once was a woman/ A strange kind of woman/ The kind that gets written down in history”.
Il-protagonisti fil-ktieb ta’ Clare Azzopardi jiġrilhom l-istess: jinżlu fl-istorja u jibqgħu hemm imwaħħla mal-paġni. “Kull mara hija storja għaliha,” tikteb Nathalie Grima f’kumment qasir dwar dan il-ktieb. Hekk hu, mhux daqstant għax kien hemm kittieba li daħlet fil-ħajja privata tagħhom, iżda għax kull qarrej se jkompli jġorr ir-ritratt tagħhom: ritratt stramb ta’ ħajja stramba bħal kull ħajja u storja oħra, ta’ kull bniedem ieħor.
Bħal Ronaldo Rossoni, però mingħajr tbissima.