Imut il-liriċista tal-protesta folk

Pete Seeger li miet fl-għomor ta' 94 sena

Pete Seeger
Pete Seeger

Dan l-aħħar tħabbret il-mewt ta’ Pete Seeger fl-għomor ta’ 94 sena. Ma’ dan il-kantant politiku folk, poeta għall-bidla soċjali, waqaf leħen ewlieni kontra l-gwerra, mill-Vjetnam sal-intervent Amerikan fl-Iraq. L-aħħar dehra pubblika tiegħu bħala kantant tal-konfront kienet fl-2011, meta Seeger immarċja kontra Wall Street.
Aħna li għaddejna ż-żgħożija tagħna fil-kuntest imqalleb tas-snin sittin, konna nqisu lill-kantawtur bħala ikona, troubadour bil-banjo u liriċista provokatorju li introduċa liż-żgħażagħ Amerikani (u Ewropej) mal-mużika folkloristika li trid tagħmel stqarrijiet politiċi kontra l-istatus quo. Fil-fatt, jekk wieħed imur lura anki sas-sena 1956, isib li Pete Seeger kien irrifjuta li jidher quddiem il-Kumitat Amerikan li kien jinvestiga attivitajiet “anti-komunisti.” Involuti ma’ Seeger kien hemm artisti importanti oħra bħal Charles Chaplin u Arthur Miller, fost oħrajn. Talli ma kkoperax mal-Kumitat Amerikan, Seeger kien arrestat, imma baqa’ jinsisti u jippersisti dwar “il-qawwa tal-mużika biex tbiddel id-dinja.”
Fis-sittinijiet konna nisimgħu liriċi bħal If I had a Hammer, kanzunetta ta’ libertà maħruġa f’isem il-Moviment Amerikan għal-Libertajiet Ċivili. Oriġinarjament maħluqa u kantanta minn Seeger fl-1949, If I had a Hammer kienet reġgħet tfaċċat fl-1962 fl-interpretazzjoni tad-duo Paul and Mary. Ta’ min jgħid li din il-kompożizzjoni ta’ Pete Seeger kienet magħżula bħala l-kanzunetta-sigla ta’ Wikileaks.

CLARE AZZOPARDI: PROŻA MINN GĦAJN FEMMINISTA
Fost il-prożaturi tan-New New Wave li tfaċċaw wara l-qawmien letterarju tas-snin sittin u sebgħin tas-seklu 20, Clare Azzopardi affermat ruħha bħala l-awtriċi ta’ protesta u riforma li qed twassal għall-formazzjoni ta’ personalità ġdida f’kuntest Malti-Mediterran. Hi dejjem provokattiva u l-kitba tagħha għad isservi ta’ kronaka awtentika tan-narrattiva soċjali tal-gżira.
Il-volum ġdid tagħha Kulħadd ħalla Isem Warajh (Merlin) jikkonferma li Azzopardi (anki bħala awtriċi tal-palk) tqiegħed lin-nisa f’nofs il-palk, taħt ir-rifletturi. Azzopardi tagħmel dekosutruzzjoni intelliġenti taż-żewġ sessi, imma dejjem minn perspettiva femminili. In-nisa li jidhru fl-istejjer tagħha qegħdin jirreżistu forom diversi ta’ oppressjoni, ibda minn dik “edukattiva” fl-iskejjel reliġjużi u spiċċa fl-anzjanità, fejn il-mara, issa abbandunata ma fadlilha xejn ħlief mantra li qdiemu u l-ħwejjeġ li ħejjiet biex tindifen b’waħda minnhom.
Issa l-awtriċi tintroduċi anke s-sesswalità qawwija tal-mara bħala arma / strument ta’ manipulazzjoni u seduzzjoni ta’ rġiel dgħajfin li jitwaqqgħu mill-idjosinkraziji tipiċi tal-patrijarkiżmu, u fl-istess waqt jikkumbattu t-tabù.
Interessanti wkoll id-dinamika tal-kuntrasti soċjo-ekonomiċi u kulturali li Azzopardi toħloq bejn in-nisa nfishom ġejjin minn ambjenti differenti. Azzopardi tħossha frustrata li l-awturi Maltin mhumiex aktar punġenti u mbegħdin mill-urġenza ta’ riforma kulturali u soċjali. Il-preżenza tagħhom fil-mezzi tax-xandir, pereżempju, hi newtralizzata: “Fil-verità, aħna rridu kittieba jew ħassieba fuq it-televiżjoni? Ma naħsibx. Jekk għadna pajjiż fejn Xarabank hu intokkabbli, fejn in-nies jmorru biex jixxenaw quddiem nazzjon sħiħ, allura ċertament li aħna pajjiż li ma jridx kittieba u ħassieba fuq it-TV”.

IL-“KUNFLITT” MALTI-INGLIŻ
Dan l-aħħar il-Kunsill tal-Malti organizza konferenza fejn mat-tliet mitt ruħ iltaqgħu biex jinstab kif għandu jinkiteb kliem ġej mill-Ingliż, l-aktar fl-isport. Bħalissa qed isiru inizjattivi wkoll biex jintwera l-Malti b’mod interessanti u jinħoloq dizzjunarju ta’ termini għall-għalliema.
Fi programm fuq TVM dan l-aħħar deher il-Professur Manwel Mifsud mill-Università ta’ Malta jitkellem dwar kif il-Kunsill tal-Malti fl-2008 ried jistandardizza l-ortografija u qal kemm hu importanti li jinħoloq dibattitu nazzjonali dwar riforma lingwistika. Hu wera tħassib dwar dawk li jridu joħolqu kunflitt bejn il-Malti u l-Ingliż: “Dawn iż-żewġ lingwi huma żewġ imħabbiet li mhux suppost jiġġieldu bejniethom. Dawn huma żewġ rigali kbar lill-poplu.”

BATES IL-“MIRAKOLUŻ”
Tant kienu mekkaniċi l-ipnotiżmi ta’ Alan Bates f’edizzjoni riċenti ta’ Xarabank, li ma tagħtix tort lil dawk kollha li qatgħuha li kollox kien maħsub, miftihem minn qabel.
B’rapidità inkredibbli, Bates beda “jfejjaq” filliera ta’ paranojċi b’veloċità li ma titwemminx. Wieħed, tnejn, tlieta. Iftaħ għajnejk! Tkun imfejjaq! Li kien baqa’ hu li Alan Bates ilissen: Mur, dnubietek maħfura!
L-ipnożi hi xi ħaġa serja, fondata xjentifikament. Apparti “l-enerġija interattiva,” l-ipnożi hi indikazzjoni klinika, intervent karatterizzat minn suġġestibilità tal-kuntatt mal-operatur.
Hu propju dan li messu kien spjegat f’Xarabank, it-tifsir kliniku, xjentifiku tal-prattika, u mhux it-turija “spettakolari” tal-“mirakli” fuq il-fidili. Jew il-“pazjenti.”
Forsi darba oħra, Bates jispjega x’qed jagħmel, kif qed jimmanipula l-moħħ.

More in Blogs