Il-gost tad-diżgustanti

Il-ġenerazzjoni li tielgħa, tal-Ask.fm, li tilfet kull kontroll għax tilfet il-valuri li darba kellha
Il-ġenerazzjoni li tielgħa, tal-Ask.fm, li tilfet kull kontroll għax tilfet il-valuri li darba kellha

Fil-kanzunetta “Half Day Closing” Beth Gibbons tinstema’ tingħi s-sens ta’ telfa li dawk li hija ssejjaħ il-jiem tad-deheb spiċċaw darba għal dejjem. Dawk kienu ż-żminijiet, tkompli Gibbons, meta n-nies kienu jafu xi jridu f’ħajjithom, meta l-ġenituri kienu jitkellmu mill-esperjenza tagħhom, u l-individwi kellhom il-kapaċità li joħolmu u jibqgħu fiduċjużi. Imma llum il-flus tan-negozjanti għamew u fgaw lil kulħadd; sa x-xemx donnha qiegħda tisparixxi.
L-istampa tal-ħajja li tagħti Gibbons flimkien mal-banda tagħha Portishead mhijiex waħda feliċi. La l-kliem u lanqas il-ħoss tal-mużika u t-tinwiħ tagħha ma jagħtu wisq sens ta’ fiduċja fis-soċjetà u l-membri individwali tagħha. Definittivament huma burdata u messaġġi differenti ħafna minn dik li kantanti oħrajn kienu jgħaddu meta kienu jgħannu għar-riħa tal-fjuri ġo xagħarhom f’kunċerti kbar qalb widien u għelieqi massivi mimlijin b’eluf ta’ nies la jagħtu kas ix-xemx tiżreġ u lanqas ix-xita tgelgel fuqhom. Dak il-perjodu ta’ ottimiżmu li l-protesta soċjali tal-movimenti li bdew ifaqqsu ’l hinn u ’l hawn u li laħaq l-apiċi fis-Sajf tal-Imħabba fl-1967 sfuma fix-xejn biex eventwalment ħalla postu għal burdata mudlama ħafna bħal dik ta’ Gibbons u ħafna oħrajn.
Il-każ li qiegħed fuq ħalq kulħadd bħalissa qiegħed ikompli mat-tensjoni li ilha tinħass. Ħafna għalliema qegħdin jesprimu preokkupazzjonijiet serji ħafna marbutin mal-imġiba tal-istudenti tagħhom; ħafna ġenituri nfushom qegħdin iħossu li l-isforzi tagħhom qegħdin jingħelbu minn forzi oħrajn li m’għandhomx setgħa fuqhom; u, m’għandniex xi ngħidu, ir-reliġjużi għandhom l-ilmenti tagħhom ukoll bis-soċjetà li tielgħa. Għaddej diskors mimli allarm li, ħalli ngħiduha kif inhi, il-mezzi tax-xandir, miġbudin dejjem aktar għas-sensazzjonaliżmu, qed ikomplu jrewħu jekk mhux ukoll jinstigaw. Din it-tensjoni ġiet bħal mewġa kbira: il-każ ta’ Ħad-Dingli u suwiċidji oħra, stejjer ta’ familji disfunzjonali, atti klamorużi tal-kriminalità organizzata b’omiċidji jew attentati ta’ omiċidji fid-dawl tax-xemx, aħbarijiet dwar bulliżmu mhux biss fiżiku fil-klassijiet tal-iskejjel u fit-toroq imma anki fl-ispazju virtwali, u hawn min ma’ din il-lista qiegħed iżid it-taqlib kbir li se jgħaddi minnu l-pajjiż issa li l-liġi se tibdel il-forma tal-familja Maltija.
Bażikament hawn dan is-sentiment idur li qatt ma konna ħżiena daqs kemm aħna bħalissa, li s-soċjetà tinsab f’periklu kbir li tinġibed u tinbela’ mill-belliegħa u li donnu kollox se jaqa’ fuqna u jgħaffiġna taħtu. Hawn elementi fi ħdan is-soċjetà li qegħdin jitkellmu fuq it-telf tal-valuri li issa – iżidu jgħidu meta huwa tard wisq – qiegħed jiġi rifless fl-attitudnijiet tal-ġenerazzjoni li tielgħa, li qiegħda tissejjaħ il-ġenerazzjoni tal-Ask.fm. Tlifna kull kontroll għaliex tlifna l-valuri li darba kellna; illaxkajna tant li naħsbu li xejn mhu xejn, li kollox jgħaddi u kollox aċċettat; kollox sar relattiv; inħkimna minn mewġiet kbar ta’ liberaliżmu li ġarru magħhom kull sens ta’ dekor, ir-rispett lejna nfusna u lejn l-oħrajn, is-sens ta’ responsabbiltà, u fuq kollox id-dixxiplina.
Soċjetà fi kriżi allura, ikkaratterizzata minn permissività u kwalunkwiżmu.
Il-biċċa hi li l-istorja turi li ma kienx hemm perjodi twal meta dawn is-suspetti u beżgħat tat-tmermir soċjali kienu assenti. Anzi, turi wkoll l-istorja, li l-faċċati mudlama li saru jbeżżgħuna kienu fostna sa minn żmien żemżem. Hemm numru kbir ta’ storiċi li kkatalogaw fl-istudji tagħhom listi sħaħ ta’ attivitajiet meqjusin perversi. M’iniex se nelenka l-perversitajiet kollha msemmija, imma tajjeb li wieħed jifhem li kollha kemm huma kienu jeżistu u kienu rreġistrati f’dokumenti li jmorru lura għal mijiet ta’ snin. Il-vjolenza li kienet issir, imħallta ma’ pjaċiri sesswali li għadhom aborriti sal-lum il-ġurnata, kienet xi ħaġa straordinarja. Il-bijografija ta’ mexxejja b’saħħa mentali dubjuża bħal Neruni u Kaligula jafha kulħadd u għalkemm ħafna drabi s-swaba’ jippuntaw lejhom individwalment, irridu nikkunsidraw li dawn kienu mdawrin b’soċjetà li ma qagħditx lura mill-atroċitajiet tagħhom. De Sade u l-letteratura tiegħu, bir-rappreżentazzjonijiet grafiċi ta’ atti perversi ta’ kull tip huma wkoll magħrufin; ħafna minn dawn ix-xeni fir-rumanzi tiegħu kienu sempliċiment traduzzjoni tal-attivitajiet notorji tiegħu stess.
Każi waħdanin ta’ nies morda b’moħħhom? Jista’ jkun, imma wisq probabbli li dawn il-każi magħrufin huma biss uħud fost ħafna oħrajn magħrufin inqas jew mirdumin taħt it-trubien tas-snin. Il-punt hu li jekk illum niskandalizzaw irwieħna b’kitbiet espliċiti ta’ awturi bħal Anthony Neilson jew Sarah Kane, jew films atroċi (għax koroh u għax jittrattaw il-kruha) bħal Srpski Film ta’ Spasojevic, jew is-siti virtwali u l-mezzi soċjali mimlija vjolenza ta’ kull tip, ma naħsibx li nkunu korretti jekk nisiltuhom bħala eżempji tal-mard soċjali u l-permissività tas-seklu wieħed u għoxrin jekk nikkunsidraw li De Sade u oħrajn ipproduċewhom qabel.
Ovvjament l-istorja m’għandhiex tikkunslana u tmewtilna l-analiżi ta’ dak li huwa attwali; anki għaliex illum il-mezzi ta’ komunikazzjoni jagħmlu t-tixrid tal-kruha aktar faċli. Terġa’ u tgħid l-allarm jista’ jikber bis-saħħa tal-aċċess għal informazzjoni dwar din il-kruha li qabel ma kienx jeżisti fil-livell tal-lum. Jekk nieħdu s-servizzi tal-aħbarijiet f’Malta din il-ġimgħa, fejn kumpilazzjoni fil-qorti kienet irrappurtata minuta b’minuta kif kienu jiġu rrappurtati r-riżultati tal-futbol fuq ir-radju Taljan, ikollna illustrazzjoni ċara tal-mod kif l-informazzjoni llum il-ġurnata saret tiddependi ħafna fuq l-element sensazzjonalista. Li rajna jseħħ dil-ġimgħa kien sinjal li l-mezzi tax-xandir qegħdin hemm mhux daqstant biex jinformaw daqskemm biex jagħtu gost. Il-kruha togħġobna daqs, nasal ngħid aktar, mis-sabiħ. Il-kummenti fil-mezzi soċjali dwar is-sehem tal-media juru li hemm interess kbir fuq dak li huwa ikrah. Allura, filwaqt li nallarmaw irwieħna bl-istejjer irrappurtati, irridu nammettu li l-kruha tagħtina gost, aktarx gost pervers minnu nnifsu. Dil-ġimgħa rajna kif il-gazzetti ewlenin daħlu f’kompetizzjoni bejniethom b’min jilħaq l-aktar nies bis-saħħa tal-immedjatezza tal-aħbar. U rridu ngħidu kollox: akbar ma hu n-numru ta’ segwaċi u spettaturi, akbar se jkun id-dħul mir-reklamar. Ix-xarabankiżmu tas-soċjetà Maltija, li minn naħa jbeżża’ u jinkwieta lin-nies, u minn oħra joffri l-pjaċir u jforni lilu nnifsu, huwa fenomenu li jrid jiġi studjat daqskemm iridu jiġu studjati l-lati mudlama nfushom li qegħdin jinkwetawna.
Il-pessimiżmu ta’ Gibbons huwa l-pessimiżmu tiegħi wkoll u minkejja l-punti storiċi li qajjimt xorta waħda nħoss li din is-soċjetà, bħall-oħrajn ta’ qabilha, għandha problemi serji.

More in Blogs