Jiġi żmien għal kollox

jiġi żmien għal kollox
jiġi żmien għal kollox

Imbierek dak il-bniedem li jagħraf li sar il-ħin. Għaref dak li jintebaħ li wasal. Forsi taħsbu li dan il-kliem ħadtu minn xi passaġġ mill-Bibbja. Fir-realtà, dan qalu wieħed ateu u kittieb letterarju mill-kbar - Jean Paul Sartre.

Sartre kien xellugi iżda mhux b’għamad f’għajnejh. Bħal ħafna xellugin ta’ żmienu li kellhom moħħhom miftuħ, kien kritiku ħafna tat-tmexxija komunista żbaljata ta’ Moska. Bħal Enrico Berlinguer kien basar li s-soċjaliżmu tal-Ewropa tal-Lvant kien qabad it-triq tan-niżla għax ma kienx qiegħed jagħraf li wasal iż-żmien. Iż-żmien ta’ bidliet profondi.

Ma kien jiswa xejn għal Moska li tinvadi Praga jew Budapest għaliex xejn ma kien ser iżomm il-bidla li riedu n-nies. Jekk mhux illum għada. L-aktar l-aktar pitgħada. Iżda ż-żmien jiknes lil min ma jagħrfux. Dan rajnieh diversi drabi f’pajjiżna u erġajna rajnieh riċentament. Din is-sena ser tkun fost l-oħrajn sena ta’ tibdiliet, dejjem jekk isiru.

Fil-fatt jekk nagħmlu analiżi ta’ x’ġara s-sena l-oħra għandna nintebħu li prova kemm prova jagħmel suċċessi fil-qasam ekonomiku u prova kemm prova biex jinawgura proġetti, kien kollu għalxejn. Jekk Clinton kien qal lil George Bush “It’s the economy stupid!” kien hemm bżonn xi ħadd li lil Lawrence Gonzi kellu jgħidlu “It’s the society stupid!” Dan ix-xi ħadd ma kienx wieħed minn dawk li kien jisma’ minnu, iżda parti minn ribelljoni li kellu fi ħdan il-grupp Parlamentari stess. Ma tax kasu.

Il-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien fuq il-kwistjoni tad-divorzju ma kinitx skont iż-żminijiet. Il-mod kif tratta ma’ nies li għandhom orjentazzjoni sesswali differenti mill-maġġoranza tal-poplu kien kontra l-kurrent tal-bidla. Il-mod kif kien jemmen li kellu jiggverna ma kienx il-mod li riedu n-nies f’soċjetà li dejjem tinsisti li tkun konsultata u infurmata. Tibqa’ tidwi l-frażi li kien qal “Jien il-Prim Ministru, jiena l-Gvern!”

Meta rrealizza li kien żbaljat, kien tard wisq. Kif darba kien qal Martinu Lutheru għal bidliet li kien hemm bżonn fil-Knisja ta’ żmienu. Elettoralment id-dada kienet mitfugħha u l-poplu kien diġà ħa deċiżjoni... ried il-bidla.

Minkejja li diġà saru xi tibdiliet profondi bl-ewwel liġijiet li għaddiet din l-Amministrazzjoni, din is-sena ser ikun hemm jew talinqas għandu jkun hemm, tibdiliet oħra. Mhux fuq livell ta’ individwi kif sar sa issa iżda fuq skala aktar nazzjonali.

Din is-sena ser tiftaħ bi tliet diskussjonijiet kbar li kollha jippuntaw lejn ħtieġa waħda: riforma Kostituzzjonali ta’ veru. Il-Partit Laburista diġà wiegħed dan fil-manifest elettorali tiegħu.

Fil-15 ta’ Jannar ser tkun diskussa mozzjoni dwar il-kwistjoni li tolqot iċ-ċittadinanza Maltija. Il-mistoqsija li ser issir, mhux jekk l-iskema hiex waħda tajba jew le, iżda kemm id-definizzjoni ta’ ċittadinanza li għandna llum tassew tirrifletti l-pożizzjoni li għandha llum fl-Unjoni Ewropea b’ċittadinanza supra-nazzjonali u bil-mod kif globalizzat ruħha d-dinja tal-lum. Għandna eluf ta’ ċittadini ‘Maltin’ li sa ftit snin ilu lanqas konna noħolmu li jkollna.

It-tieni kwistjoni se tkun l-għażla tal-President. Diġà bdiet il-kontroversja għaliex il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li għandu jkun xi ħadd Nazzjonalist. Ma għandniex xi ngħidu li kulħadd nesa li qabel George Abela kien hemm mhux anqas minn żewġ eks-viċi kapi tal-PN, eks-Ministru Nazzjonalista u ċ-ċirasa fil-pudina, Kap tal-PN li l-għada li spiċċa minn din il-kariga mill-aktar politika spiċċa President! Il-punt mhux jekk għandux ikun hemm xi ħadd minn kamp politiku partikolari, iżda jekk għandniex nibdlu l-Kostituzzjoni dwar il-mod kif jinħatar il-President u x’poteri għandu jkollu barra dawk ċerimonjali.

It-tielet kwistjoni ser tirrigwarda l-ġudikatura. Wara diversi inċidenti xejn sbieħ li kienu jinvolvu membri tal-Ġudikatura, bl-aħħar tnejn riċenti ħafna, il-bżonn ta’ riforma fil-Qrati hija mhux biss neċessarja iżda ċentrali biex tinkiseb il-fiduċja tal-poplu fl-Istituzzjonijiet tal-pajjiż. Għalhekk kien providenzjali li sar rapport dwar ir-riformi li hemm bżonn li jsiru biex naċċertaw li jkun hemm sens ta’ serjetà u dixxiplina f’min qiegħed jippretendi dixxiplina u serjetà minn ħaddieħor.

Dawn it-tliet kwistjonijiet jindikaw li hemm bżonn riforma Kostituzzjonali. Iżda ma tistax issir bl-imqieta. Trid issir b’mod komprensiv u bħala pakkett wieħed. Il-Konvenzjoni Kostituzzjonali li dejjem wiegħed il-Partit Laburista tista’ tkun is-soluzzjoni biex nittraduċu ż-żminijiet. Irridu nidħlu f’libsa biex noħorġu mil-libsa li għandna llum għaliex mhux biss tiġina ssikkata iżda ħriġna minnha u għadna ma ntbaħniex.

Is-sena kostituzzjonali tajba lil kulħadd u kull risq u hena lilkom.

More in Blogs