Il-Kolp ta’ Marchionne
Forsi ismu jfisser ftit li xejn għal bosta mill-qarrejja. Forsi ftit huma dawk illi jagħtu wisq każ ta’ dak illi jgħid u jagħmel Sergio Marchionne, il-kap tal-grupp tal-karozzi Taljani Fiat illi twieled l-Italja imma ta’ erbatax-il sena emigra mal-ġenituri tiegħu lejn il-Kanada. Hemm ħa l-edukazzjoni u ggradwa bħala avukat u accountant. Bniedem illi jpejjep bla heda u qatt ma tarah liebes ġlekk u ngravata imma dejjem jersey skur. Ismu jqajjem reazzjonijiet kuntrastanti: fl-Amerika huwa adurat mill-ħaddiema illi salvalhom xogħolhom imma fl-Italja, t-trejdunjin l-aktar militanti, il-Fiom hi f’konflitt kontinwu miegħu. Imma wara l-kolp storiku li wettaq fl-ewwel jum tas-sena, ismu żgur ser jitniżżel fost dawk it-titani illi minn żmien għal żmien jidhru fuq l-orizzont, isem illi ser jibqa’ assoċjat mal-mod kif ittrasforma kumpanija b’passat glorjuż għal futur inċert. Propjament mhux kumpanija waħda imma tnejn illi ser jgħaqqadhom biex ikunu f’pożizzjoni aktar f’saħħitha jikkompetu fil-futur.
Meta Marchionne laħaq kap fis-sena 2004, il-grupp Fiat kellu dak li jissejjaħ put option sabiex ibigħ is-sussidjarja tiegħu, Fiat Auto lil koloss Amerikan, General Motors illi fl-epoka kien l-akbar manifattur tal-karozzi fid-dinja. L-idea oriġinali kienet illi Fiat Auto tiġi integrata mal-friegħi Ewropej ta’ GM, Opel u Vauxhall sabiex jiġu sfruttati dak illi jissejħu s-sinerġiji bejn l-entitajiet produttivi differenti kif ukoll l-ekonomiji tal-iskala: għax biex wieħed jagħti eżempju, altru tixtri ħġieġ għal 2 miljuni karozza u altru tixtri għal 4 miljuni. Barra minn hekk, min jagħmel il-karozzi jista’ jiffranka ħafna jekk ikollu chassis komuni għal mudelli differenti: ftit jirrealizzaw illi l-mudelli tal-Volkswagen, Seat, Skoda, u Audi spiss jinbnew fuq chassis komuni peress illi dawn id-ditti llum ilkoll jiffurmaw parti mill-akbar manufattur tal-karozzi Ewropew, il-grupp Volkswagen.
Imma din il-viżjoni ma setgħetx titwettaq għaliex Fiat kienet f’qagħda finanzjarja mwiergħa u kien beda jberraq anke għal GM. Ma kienx l-ewwel żwieġ ta’ Fiat illi ma seħħx: spiss kien isir diskors ta’ għaqda mal-grupp Peugeot imma din l-għaqda qatt ma seħħet. Madankollu, Fiat ma kinitx ser tinħall mill-għerusija ma’ GM mingħajr ma tieħu dota. U inkredibbilment GM ħallsu lil Fiat $2 biljun sabiex tinħall mill-call option illi Fiat kellha sabiex ma tkunx imġiegħla tixtriha. Marchionne għamel l-ewwel kolp tiegħu u wara sena Fiat Auto reġgħet bdiet taqla’ l-flus.
Madankollu, Marchionne rrealizza illi l-Fiat ma setgħetx tkompli tipproduċi l-karozzi waħedha u riedet tirreplika l-istrateġija tal-Volkswagen sabiex tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u jkollha prodott aktar kompetittiv. Fil-ħajja, wieħed irid jagħraf l-opportunitajiet illi jkollu u ħażin għalih min ma jaħtafhomx għax mhux dejjem jerġgħu jitfaċċaw. Meta fl-2009, faqqgħet il-kriżi finanzjarja li lkoll nafu biha, il-kriżi ma damitx ma affetwat lill-ekonomija reali u l-manifatturi Amerikani tal-karozzi bdew ibatu. Kemm Chrysler, it-tielet l-akbar manifattur u anke General Motors kellhom jitolbu protezzjoni mill-kredituri tagħhom sabiex ikomplu joperaw. Fl-Amerika għandhom liġi tal-falliment imsejħa Chapter 11 u kumpaniji f’diffikultajiet finanzjarji jirrikorru għaliha sabiex jirristrutturaw mingħajr ma jkollhom jaffaċċjaw il-kawżi tal-kredituri tagħhom.
Inzerta kien għadu kemm laħaq president Barack Obama illi kien wiegħed fil-kampanja elettorali li mhux ser iħalli mpjiegi Amerikani jintilfu. Meta Chrysler ġiet fix-xifer tal-irdum u kienet qed taffaċja likwidità, il-gvernijiet Amerikani u Kanadiżi taw self lil kumpanija ġdida illi twaqqfet sabiex tieħu l-maġġorparti tal-assi ta’ Chrysler . Fil-kumpanija l-ġdida, Fiat ħadet 20% tal-ishma mingħajr ma ħarġet sold u kienet intitolata li takkwista 15% oħra tal-ishma mingħajr ħlas jekk tilħaq ċertu miri li ffissa l-gvern Amerikan, fosthom illi Chrysler tniedi karozza illi ma taħlix. Minbarra hekk, Fiat kienet obbligata illi tarma fabbrika ġdida bi spejjeż tagħha sabiex tipproduċi l-karozza ekonomika li ntrabtet illi tniedi fuq is-suq Amerikan. Ftit ftit, Fiat bdiet iżżid is-sehem tagħha fi Chrysler u wara illi tali sehem kien diġà laħaq 30%, f’Mejju 2011, Fiat ħallset $1.3 biljun sabiex akkwistat 16% oħra tal-kapital u Chrysler spiċċat prattikament tagħha. Dan l-akkwist sar meta Chrysler irnexxielha tħallas ħafna qabel iż-żmien stabbilit $7.6 biljun li kienet issellfet mill-gvernijiet Amerikani u Kanadiżi. Imma peress illi dan is-self kellu rata qawwija ta’ imgħax, kien fl-interess ta’ Chrysler illi tħallas is-self lura kemm jista’ jkun malajr.
F’Lulju 2011, Fiat akkwistat l-ishma tat-Teżor Amerikan fi Chrysler u s-sehem tagħha fil-kapital tela’ għal 53.5% sakemm kompla jitla’ f’Jannar 2012 għal 58.5% meta ntlaħaq it-tielet objettiv illi kien iffissa l-Gvern Amerikan. Imma t-tir ta’ Marchionne kien illi jgħaqqad iż-żewġ kumpaniji flimkien sabiex jiffranka l-ispejjeż u jkollu saħħa finanzjarja akbar. Dan ma setax jagħmlu minħabba li l-kumplament tal-ishma kienu f’idejn il-Voluntary Employees Beneficiary Association illi hi kkontrollata mill-United Auto Workers Union u li kienet assumiet l-obbligu li tħallas hi l-pensjonijiet tal-ħaddiema ta’ Chrysler fl-2007. Il-VEBA kienet akkwistat dawn l-ishma fi Chrysler bħala kumpens għal xi benefiċċji li kienu tilfu l-ħaddiema meta Chrysler falliet u twaqqfet il-kumpanija l-ġdida u kienet qed tippretendi mhux anqas minn $5 biljun għalihom.
Fiat u l-UAW ma setgħux jaqblu u anke bdew arbitraġġ sabiex jirrisolvu l-kwistjoni. Fl-istess ħin, l-UAW riedet illi Chrysler toffri l-ishma tagħha lill-pubbliku biex tillikwida parti minn sehemha fil-kumpanija. Din kienet strateġija riskjuża għaż-żewġ naħat għaliex tali offerta pubbika kienet ser ittawwal iż-żmien u kienet ser iddaħħal azzjonisti ġodda fil-kumpanija illi mhux neċessarjament kienu jħaddnu l-viżjoni għall-futur tal-kumpanija illi Marchionne u l-Fiat għandhom. Mill-banda l-oħra, il-unjin ma kellha l-ebda garanzija illi kien ser jirnexxilha ġġib il-prezz li kienet qiegħda titlob. Għaldaqstant, ftit xhur ilu, reġgħu bdew in-negozjati fuq offerta ġdida li għamlet il-Fiat sakemm tħabbar illi ntlaħaq ftehim fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida.
Permezz tal-ftehim milħuq, VEBA ser tirċievi b’kollox $4.35 biljun, ferm anqas milli kienet qed titlob imma aktar milli Fiat kienet ippreparata inizjalment illi tħallas. L-aktar aspett straordinarju ta’ dan il-ftehim hu l-mod kif inhu strutturat. Effettivament, Fiat kull ma ser toħroġ mill-but hu $1.75 biljun u mhux ser ikollha ħtieġa illi żżid il-kapital jew id-dejn sabiex tiffinanzja dan l-akkwist. Dan hu fattur ferm importanti peress illi l-grupp Fiat għandu livell għoli ta’ dejn. Il-kumplament tal-flus ser jingħataw lil VEBA permezz ta’ dividend straordinarju ta’ $1.9 biljun illi ser tiddikjara Chrysler kif ukoll erba’ ħlasijiet ta’ $175 miljun fis-sena għal erba’ snin. Prattikament, Fiat ser takkwista 41.5% ta’ Chrysler bi flus Chrysler stess ħlief għal $1.75 biljun.
B’kollox, Fiat ser tkun ħarġet $4 biljuni biex akkwistat il-kontroll totali ta’ Chrysler. Sabiex wieħed jirrealizza kemm hu kbir il-kolp ta’ Marchionne, wieħed irid iqis illi fl-1998, Daimler-Benz nefqet $36 biljun sabiex takkwista Chrysler, operazzjoni illi ma tatx il-frott mixtieq. Fil-fatt, Daimler-Benz spiċċat tbiegħ 80.1 % ta’ Chrysler $7.5 biljun lill-fond privat ta’ investiment Cerberus disa’ snin wara fl-2007.
Bl-għaqda ta’ Fiat u Chrysler, ser titwieled is-seba’ l-akbar kumpanija tal-karozzi fid-dinja f’termini ta’ produzzjoni ta’ karozzi, qabel Honda imma wara Nissan. Imma kif bosta analisti rrimarkaw, ix-xogħol iebes ser jibda issa sabiex jiġu integrati aktar iż-żewġ kumpaniji u joħroġ il-benefiċċju mixtieq minn tali għaqda. Li għandu vantaġġ Marchionne hu illi din l-għaqda tagħmel ħafna sens peress illi Fiat u Chrysler ma jikkompetux ma xulxin la fi swieq ġeografiċi u lanqas fil-faxex differenti tas-suq. Il-prodotti tagħhom jikkumplimentaw lil xulxin u għalhekk jistgħu jisfruttaw ix-xibka ta’ distribuzzjoni tagħhom sabiex iżidu l-bejgħ u l-produzzjoni. L-idea ġenerali hi li fl-Ewropa jinbiegħu aktar Jeeps u Dodge mentri fl-Amerika, jiġu rilanċjati Alfa Romeo u Maserati.
L-isfidi huma kbar u fl-Ewropa, Fiat qiegħda tbati ħafna min-nuqqas ta’ mudelli ġodda. Probabbilment dan hu minħabba kalkolu ta’ Marchionne illi sakemm is-suq Ewropew jirpilja, ma jagħmilx sens tniedi mudelli ġodda fil-mument. Wieħed jistenna u jara kif din l-għaqda bejn żewġ kumpaniji b’kultura industrijali ferm differenti ser tevolvi. Fuq kollox, jekk il-grupp industrijali ġdid hux ser jibqa’ jitmexxa minn Turin jew jekk jibdiex jitmexxa minn Detroit.
Storja tassew affaxxinanti illi forsi taf il-bidu tagħha għall-fatt illi ċertu Barack Obama kien isuq Fiat Ritmo meta kien student Harvard.