The Russians are coming!
Id-duttrina ta' Monroe u analiżi tas-sitwazzjoni preżenti fid-dinja tagħna
James Monroe ma jiġi xejn minn Marilyn Monroe. Ibda biex, din l-artista ta’ Hollywood fir-realtà l-anqas kien jisimha hekk. James kien il-ħames President tal-Istati Uniti u l-aħħar fost il-fundaturi tal-Kostituzzjoni Amerikana. Għal dawk li jistudjaw il-liġi u jħobbu l-istudji tal-politika internazzjonali, dan il-President ħoloq duttrina politika li baqgħet taffettwa lid-dinja u l-politika barranija sal-lum.
Din hija d-duttrina ta’ Monroe akkademikament magħrufa bħala “The Monroe Doctrine”. James Monroe kien wieħed li kabbar kemm felaħ lill-Amerika għall-għamla li hi llum. Xtara mingħand Spanja l-Istat ta’ Florida. Innegozja wkoll l-akkwist ta’ Louisiana mingħand Franza. L-aptit li jkabbar u jibla’ kemm jiflaħ territorji ma kien jispiċċa qatt. Kabbarha sal-punt li l-Amerika spiċċat b’kosta tmiss mal-oċean Atlantiku u oħra ma’ dak tal-Paċifiku.
Iżda l-anqas b’dan ma kien kuntent. Dak li ma akkwistax iddikjarah xorta waħda ta’ interess għall-pajjiżu. Għamel dikjarazzjoni li l-Amerika ta’ Fuq għandha interess fl-Amerika Latina. Għalhekk l-Amerika akkwistat id-dritt sagrosant li kulma jiġri f’dan is-sub-kontinent ma jridx b’xi mod jirfes l-interessi tal-Istati Uniti tal-Amerika. Dan jispjega l-indħil kontinwu tal-Istati Uniti fil-politika tal-pajjiżi ta’ dan is-sub-kontinent.
Bis-saħħa ta’ din id-duttrina l-Amerika waqfet lil Kuba fl-1963 milli tħalli li jkunu installati missili Sovjetiċi fit-territorju Kuban. Bis-saħħa ta’ din id-duttrina kien ġustifikat l-indħil Amerikan fl-1973 fiċ-Ċili biex tneħħa Salvador Allende u minfloku poġġew lill-Ġeneral Augusto Pinochet. Bis-saħħa ta’ din id-duttrina l-Amerika intervjeniet militarjament fit-tikka ta’ gżira ta’ Grenada fit-tmeninijiet. Bis-saħħa ta’ din id-duttrina l-Amerika direttament jew indirettament kien responsabbli għall-kolpi ta’ stati fil-Kontinent Latin ta’ Gvernijiet li kienu eletti demokratikament. Dan għadu jigri sa issa jekk naraw x’qiegħed jiġri fil-Veneżwela.
Nista’ nifhem il-biża’ antika tal-Amerikani. Ma jridux inkwiet wara biebhom. Ma jridux li fuq l-għatba tagħhom ikun hemm reġimi poltiċi li ma jħaddnuhx l-istess filosofija politika jew ekonomika tagħhom. Għandhom din l-ossessjoni li kulħadd ġej għalihom u li jekk ma jilqgħux minn qabel hemm iċ-ċans li jqumu filgħodu u jsibu li invadewhom il-komunisti.
Meta fil-ħamsinijiet kien hemm dik li tissejjaħ Mcarthyism anke Charles Chaplin ġie mixli li kien bolxevita. Għalekk is-sub-kontinent Amerikan huwa meqjus bħala sfera ta’ influwenza assoluta Amerikana. Fir-realtà meqjus bħala l-ġardina tal-Istati Uniti. Film komiku li jiddeskrivi din il-biża’ Amerikana mill-komuniżmu jismu “The Russians are Coming”. Il-pandemonju li jinqala’ meta sottomarin Russu jinkalja fuq il-kosta Amerikana.
Dan kollu ġieni f’moħħi fil-kriżi li għaddejja bħalissa tal-Ukrajna. Irrid ngħid minn qabel li ma naqbel xejn ma’ dak li qiegħda tagħmel ir-Russja. Iżda min jaf sewwa l-Istorja ta’ dan ir-reġjun, il-Krimea dejjem kienet kwistjoni Russa. Kemm jekk fl-1858 fil-gwerra tal-Krimea u f’kull stadju ieħor tal-Istorja ta’ dan ir-reġjun sal-lum. Meta fl-1957 Nikita Kruschev iddeċieda li jagħti lill-Ukrajna Sovjetika r-reġjun tal-Krimea dan aktar kien ġest simboliku milli reali. Għalih, kien qisu qiegħed ineħħi munita minn but u jqiegħedha f’ieħor tal-istess qalziet. Dak iż–żmien l-Ukrajna kienet parti mill-Unjoni Sovejtika daqs kemm Florida u Louisiana huma parti mill-Istati Uniti llum.
Nerġa’ ngħid, qatt ma nista’ naqbel ma’ dak li qegħdin jagħmlu r-Russi llum. Iżda bħalma kontinent sħiħ bħall-Amerika huwa kollu kemm hu aktar minn sfera ta’ influwenza għall-Istati Uniti, hekk ukoll hemm ċertu reġjuni li huma sferi ta’ influwenza għar-Russja. Il-Krimea ilu reġjun iberraq sa immedjatament mill-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin. Ma nafx kemm-il darba kienet iddikjarata awtonoma. Kellha numru ta’ Kostituzzjonijiet b’rabta mar-Russja u l-bażi navali tal-flotta Russa f’Sevastapol li fl-2010 ġiet imġedda sal-2042.
Nifhem lill-poplu Ukren u anke lil dawk li jgħixu fil-Krimea. Iżda dan kollu kien antiċipabbli mill-ewwel ġurnata li Ukrajna bdiet titħajjar li tingħaqad mal-Unjoni Ewropea. Mingħajr ħadd ma jista’ jiċħadilha dan id-dritt, jiena jidhirli li l-affarijiet ma sarux sewwa. Ir-Russja kellha tkun involuta aktar f’dan il-proċess u dan sabiex nevitaw dak li fil-fehma tiegħi hija l-agħar kriżi li nqalgħet sa issa wara dik ta’ Kuba tal-1963.
Jiena niddejjaq ħafna bl-ipokrezija u l-attitudni ta’ żewġ kejliet u żewġ qisien. Dak li tagħmel l-Amerika fil-kontinent Latin Amerikan jgħaddi. Fil-każ ta’ ħaddieħor, “id-dinja demokratika” tkun pronta tikkundanna u timponi sanzjonijiet. Illum jiena għandi interess f’din il-kwistjoni mhux wisq għaliex hija waħda globali, iżda għaliex illum pajjiżi huwa parti minn blokk ta’ pajjiżi li xi ħin jew ieħor dan il-blokk irid jiskjera ruħu favur naħa jew oħra. Sa ftit ilu stajna niddikjaraw in-newtralità tagħna. Illum dan ma nistgħux nagħmlu dan, tgħid x’tgħid il-Kostituzzjoni tagħna.
Ikolli ngħid xi ħadd f’Washington u Brussel kien mgħaġġel wisq!