L-Ors Stenbaħ

L-ors Russu reġa' wera lil kulħadd dak li tassew hu.

Jidher li l-ors Russu reġa' se juri snienu
Jidher li l-ors Russu reġa' se juri snienu

Tiskanta kif l-avvenimenti li jiġru minn żmien għal żmien iġibulek il-memorji taż-żgħożija.

Meta l-Amerika u r-Renju Unit invadew l-Iraq biex ineħħu lil Saddam Hussein, ir-Renju Unit spiċċa jokkupa għal bosta snin l-parti tan-nofsinhar tal-Iraq, eżattament fejn ix-xmara Shatt el Arab tiżbokka fil-Golf Persjan (jew Għarbi). Din l-okkupazzjoni tat anke lok għal sentenza ċelebri tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li sabet li sakemm territorju jibqa’ taħt il-kontroll effettiv tal-forżi armati ta’ pajjiż firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni tapplika wkoll fiż-żona ta’ okkupazzjoni. Dawn l-avvenimenti f’Basra fakkruni f’wieħed mill-ewwel kotba tal-Malti li kont naqra l-iskola, antoloġija ta’ stejjer u poeżiji li llum insejt x’jismu. Waħda mill-istejjer kien jisimha “Fl-Isptar ta’ Basra” li verament nixtieq nerġa’ naqraha. 

L-avvenimenti riċenti fl-Ukrajna u fil-Krimea ġabu wkoll ħafna memorji taż-żgħożija. Ħafna minn dawk l-età tiegħi żgur qraw l-iskola, il-famuża poeżija ta’ Alfred Lord Tennyson, “The Charge of the Light Brigade” li kkommemorat l-attakk tal-kavallerija Ingliża fil-Battalja ta’ Balaklava fil-Gwerra tal-Krimea tal-1854. Dakinhar l-Ingliżi ġġieldu flimkien mal-Franċiżi u l-Ottomani kontra r-Russi li kienu qed jippruvaw ikomplu l-espansjoni imperjali tagħhom a skapitu tal-imperu Ottoman. 

Kien ukoll fil-gwerra Russa-Turka tal-1854 li tfaċċat eroina oħra tat-tfulija, Florence Nightingale. Ta’ tfal li konna, konna naqraw dwar kif Nightingale kienet inħasdet bil-kundizzjonijiet ħżiena li fihom kienu qed jinżammu l-feruti Ingliżi li mill-Krimea kienu jintbagħtu fl-isptar ta’ Scutari ħdejn Kostantinopli. Hi bdiet torganizza l-isptarijiet sabiex titjieb l-iġjene tagħhom u b’hekk niżlet ir-rata ta’ mwiet fost il-feruti. 

Balaklava hija qrib il-belt ta’ Sevastopol li llum qiegħda ħafna fl-aħbarijiet. Sevastopol hija belt bi statut speċjali, mifruda mill-kumplament tal-peninżula tal-Krimea li tagħmel parti mir-Repubbika Awtonoma tal-Krimea. Kemm Sevastopol kif ukoll ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea jagħmlu parti mill-Ukrajina u dan ġie anke rikonoxxut mir-Russja wara li sfaxxat l-Unjoni Sovjetika. Il-Krimea hija l-unika parti tal-Ukrajna b’maġġoranza tal-populazzjoni Russa. Madankollu, meta sar ir-referendum fl-1991, anke l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-Krimea vvutat favur l-indipendenza tal-Ukrajna mill-Unjoni Sovjetika.

Kif għidna bosta drabi minn dawn il-kolonni, il-konflitti tal-lum spiss għandhom l-għeruq tagħhom fiċ-ċpar imbiegħda tal-istorja. L-Ukrajna, bħal Polonja, spiss spiċċat it-teatru tal-konflitt bejn l-aspirazzjonijiet imperjali Russi u l-potenzi Ewropej. Stalin għaqqad mill-ġdid lill-Ukrajna moderna fl-1939 billi ħa l-provinċji tal-Ġaliċja tal-Lvant u Volhynia mill-Polonja wara l-patt Molotov-Ribentrop. Fl-1940, ir-Rumanija ġiet imġiegħla ċċedi l-Bessarabja lil Unjoni Sovjetika li llum hija magħrufa bħala l-Moldova ħlief għal ċertu partijiet minnha li ġew ċeduti lill-Ukrajna. Dawn il-provinċji lkoll jagħmlu parti mill-Ukrajna tal-Punent li jħarsu aktar lejn l-Ewropa milli lejn Moska. L-Ukrajna moderna ħadet il-bixra definittiva tagħha meta fl-1954, Nikita Kruschev, li qabel ma laħaq segretarju tal-Partit Komunista tal-Unjoni Sovjetika kien is-segretarju tal-Partit Komunista tal-Ukrajna bejn l-1938 u l-1949, ittrasferixxa l-peninżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa għal Ukrajna sabiex jiġi kkommemorat it-trattat ta’ Pereyaslav. Din il-mossa kienet tagħmel ħafna sens ġeografikament peress li l-Krimea hija magħquda fiżikament mal-kumplament tal-Ukrajna imma mhux mar-Russja. Fl-epoka, dan ir-rigal li żgur ġie eżaltat mill-propaganda sovjetika ftit kellu sinjifikat reali: min qatt kien jobsor li f’anqas minn erbgħin sena, l-Unjoni Sovjetika tkun sfaxxat u l-Krimea tispiċċa tifforma parti minn pajjiż barrani.

L-ironija tal-istorja m’għandhiex limitu: it-trattat ta’ Pereyaslav li semmejt qabel kien l-ewwel okkażjoni fejn l-Ukrajna tat dahara lill-Punent u bdiet tħares lejn ir-Russja, xi ftit jew wisq bħalma l-eks President Ukren Yanukovich għamel f’Novembru li għadda meta ddeċieda li l-Ukrajna ma tiffirmax il-ftehim t’assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea u minflok tissieħeb fl-għaqda doganali li qiegħda tippromwovi r-Russja u li mingħajr l-Ukrajna ftit tagħmel sens. Permezz ta’ dan it-trattat tal-1654, l-Ukrajna li sa dak iż-żmien kienet taħt il-kontroll nominali tal-Polonja ddikjarat alleanza politika u militari mar-Russja u l-kap kożakk tal-Ukrajna ddikjara l-lealtà tiegħu lejn it-Tzar. Il-Kożakki kienu qamu kontra r-re Pollakk fl-1648 imma wara mijiet ta’ eluf ta’ mwiet, ir-Russi ttradixxew din l-alleanza fl-1686 meta ffirmaw “Paċi Eterna” mal-Polonja. B’dan it-trattat, l-artijiet Ukreni fuq ix-xatt tal-Punent tax-xmara Dnieper baqgħu Pollakki mentri dawk fuq in-naħa tal-Lvant saru parti mir-Russja.

Mill-ġdid naraw kemm l-istorja għandha l-ħabta tirrepeti ruħha u dak li ġara fl-1686 irrepeta ruħu fl-1939 kif rajna. Madankollu, anke l-Polonja messietha l-istess xorti u meta nqasmet bejn l-1772 u l-1795, l-artijiet Ukreni fuq il-Punent tax-xmara Dnieper inqasmu bejn ir-Russja u l-Awstrija. Il-qagħda ma nbidlitx qabel it-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija meta l-imperu Ġermaniż, Awstro-Ungariż, Russu u Ottoman ilkoll spiċċaw. Kien hemm bosta attentati sabiex jitwaqqaf stat indipendenti Ukren imma eventwalment, bit-Trattat ta’ Riga tal-1921, l-Ukrajna tal-Punent saret parti mill-Polonja mentri fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara Dnieper twaqfet ir-Repubblika Sovjetika tal-Ukrajna li kienet tagħmel parti mill-Unjoni tar-Repubbliki Sovjetiċi u Soċjalisti. Partijiet oħra tal-Ukrajna saru parti mir-Rumanija u l-Belarussja sakemm Stalin, forsi biex ipatti għal għaxar miljun vittma tal-Karestija l-Kbira tal-1932-33, reġa’ għaqqad l-Ukrajna wara li l-Polonja nqasmet mill-ġdid fl-1939.

Il-Karestija l-Kbira kienet ikkawżata kemm minn raġunijiet naturali peress li kien hemm nuqqas kbir ta’ xita kif ukoll minħabba l-kollettivizzazzjoni sfurzata tal-agrikoltura li affetwat ferm ħażin il-produttività agrikola. L-Ukrajna, li fiha art ferm għammiela u tipproduċi ħafna qamħ, ma kinitx kapaċi titma’ lill-poplu tagħha u r-raħħala mietu bil-gzuz meta l-pulizija sigrieta kienet toħdilhom l-ikel tagħhom. Ma dawn l-imwiet, wieħed irid iżid il-miljun u nofs vittma tal-gwerra ċivili ta’ wara l-ewwel gwerra dinjija, il-purgi Stalinjani ta’ bejn is-snin 1929 u 1934 u 1936 u 1938 li qerdu erba’ minn ħamsa mill-elite kulturali tal-Ukrajna u tliet kwarti mill-uffiċjali għoljin tal-Armata l-Ħamra u bejn ħames u tmien miljun vittma tat-tieni gwerra dinjija fosthom miljun u nofs Lhudi. Barra minn hekk, fl-1944, Stalin ordna d-deportazzjoni tal-Ġermaniżi tal-Volga kif ukoll it-Tatari u l-minoranzi etniċi l-oħra tal-Krimea bir-riżultat li ħafna mid-deportati mietu f’kundizzjonijiet mill-agħar fl-Asja Ċentrali. Tassew l-Ukrajna soffriet fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin u r-“rigal” tal-Krimea żgur li ma kienx biżżejjed sabiex jagħmel tajjeb għal dan id-demm kollu.

Biex tifhem il-preżent trid tkun taf l-istorja. Dan kollu qed jingħad biex wieħed jifhem għala d-deċiżjoni ta’ Yanukovich li ma jiffirmax it-trattat ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea qanqlet reazzjoni daqshekk qawwija fost il-folol ta’ Kyiv li ħonqu l-pjazza Maidan (Indipendenza) li dlonk ġiet imlaqqma Euromaidan. Probabbilment kienet l-ewwel darba fl-istorja li taħt il-bandiera blu bl-istilel sofor u bit-tama ta’ għaqda mal-kumplament tal-Ewropa sar irvell popolari li kines mill-poter president li, korrott u inkompetenti kemm kien korrott u inkompetenti, kien ġie elett demokratikament.

Wieħed jista’ jifhem ukoll għala r-reġjuni tal-Punent tal-Ukrajna huma favur aktar għaqda mal-Ewropa mentri dawk fuq il-Lvant tax-xmara Dnieper fejn il-popolazzjoni Russa hija aktar numeruża huma ġeneralment aktar bierda. Dawn l-aħħar sebgħin sena ta’ għaqda ġeografika ma jħassrux il-mijiet ta’ snin li fihom l-Ukrajna kienet maqsuma bejn potenzi differenti. Wieħed jifhem ukoll għala r-reazzjoni ta’ Putin kienet li kienet. Putin, li jaħseb li l-akbar katastrofi tas-seklu għoxrin kien ix-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika, ma jistax iġerraħ li taħt it-tmexxija tiegħu l-Ukrajna żelqet definittivament mill-isfera ta’ influwenza Russa biex tidħol fil-familja kbira Ewropea. 

Madankollu, jidher li Putin ikkalkula ferm ħażin. Li jieħu l-kontroll tal-Krimea fejn il-maġġoranza tal-populazzjoni hija Russa u fejn għandek il-bażijiet navali kbar Russi tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed mhux daqshekk problema. Imma jidher li l-attentati sabiex iqum l-inkwiet fil-provinċji tal-Lvant tal-Ukrajna, fi bliet bħal Donetzk u Kharkiv, ftit kellhom suċċess. Jidher li anke fost ir-Russi, speċjalment fost iż-żgħażagħ, ftit hemm entużjażmu għal “enosis” mar-Russja. Dan stajna narawh fuq it-televiżjoni fejn id-dimostrazzjonijiet favur ir-Russja kienu ddominati min-nies ta’ età medja u avvanzata mentri ż-żgħażagħ huma favur l-Ukrajna. It-Tatari Krimeani li bdew imorru lura l-Krimea wara l-Indipendenza u llum jagħmlu tnax fil-mija tal-populazzjoni m’huma xejn ferħanin bil-prospett li l-Krimea ssir parti mir-Russja u wieħed irid jistenna l-esitu tar-referendum li tħabbar li ser isir ħabta u sabta bħal-lum ġimgħa.

Fuq kollox, ir-reazzjoni internazzjonali kienet tali li wara ftit jiem Putin kellu bil-kwiet jordna l-armata tiegħu tinġabar fil-barracks tagħha wara l-manuvri li wettqet ħdejn il-fruntiera tal-Ukrajna. L-Ukreni ma weġbux għall-provokazzjonijiet Russi u issa l-ors Russu reġa’ wera lil kulħadd dak li tassew hu, li huwa l-akbar bully tal-kwartier. Wara tant sekli ta’ storja mdemmija, id-delikatezza għadha kwalità tassew rari fil-politika barranija Russa. Anke jekk il-Krimea terġa’ ssir parti mir-Russja, jidher li l-Ukrajna ser taħrab darba għal dejjem mill-morsa Russa.

More in Blogs