Il-Bestjalita' ta' Iżrael

Il-Mediaspot ta' Mario Azzopardi
 

Fil-poeżija tiegħu Sfida, Mahmoud Darwish, l-aktar awtur magħruf u maħbub fil-Palestina Għarbija, jisfida lill-okkupaturi Iżraeliti. Jgħid li minkejja l-ktajjen u ċ-ċella, u minkejja li ħadulu l-kotba u s-sigaretti, f’qalbu hemm elf rużinjol ikantaw il-ħelsien.

Il-poeżija ta’ Darwish tidher li m’għandhiex saħħa quddiem il-bestjalità ta’ Iżrael. M’għandhiex saħħa quddiem l-offensiva selvaġġa mill-ajru, mill-art u mill-baħar li l-Iżraeliti ħolqu kontra l-miljun u nofs Palestinjani mgezzin bħall-ġrieden u jippruvaw jaħarbu min-nar tal-qawwiet Zionisti, sanzjonati mill-Istati Uniti. Obama jisħaq li l-Iżrael għandu dritt jiddefendi l-interessi tiegħu. U l-interessi tal-Palestinjani, li tteħdilhom it-territorju u tteħdulhom id-drittijiet kollha wara l-ħtif tal-1967?

L-Iżraeliti issa waslu biex jattakkaw u joqtlu tfal jilagħbu fuq ix-xatt.

Mhux il-poeżija li tgħodd iżda l-kundanna u l-azzjoni ta’ pajjiżi li bdew jirrealizzaw li l-Iżrael jagħmel li jrid, anki jisfida r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Jgħoddu l-folol li jinżlu fit-triqat fil-pajjiżi li qed jindunaw bit-terrur Iżraelit u l-periklu tal-oppressjoni li jirrappreżenta.

Il-Hamas għamel sew li m’aċċettax l-hekk imsejjaħ “pjan għan-negozjati” bejn l-Iżrael u l-Palestinjani. Il-Hamas (imwaqqaf fl-1987 wara l-ewwel intifada) għandu biżżejjed għarfien tal-istorja mill-1948 ’l hawn meta l-Palestina l-ewwel inħatfet mill-imperjaliżmu Brittaniku u mbagħad mill-moviment Zionista-Lhudi. Jaf il-Hamas kemm-il Riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda Iżrael injora u kasbar. Jaf bil-massakri tal-Iżraeliti f’Dir Yasin (1948), Qibja (1953), Kafr Qassem (1956), Samua’a (1966), Jitfiq (1968), Abu Za’abal (1970), Azziyeh (1977) u fuq kollox, il-massakru ta’ Sabra u Shatila f’Beirut. Hu ċar li l-aħħar skop tal-Iżrael hu l-eliminazzjoni kompleta tal-Palestinjani.

L-Iżrael injora r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà n. 242, 338, 36/1200, Es/7, 37/86c u dik li ħarġet fl-1983 mill-konferenza dwar il-Palestina li esprimiet il-jedd espliċitu u inaljenabbli tal-Palestinjani għas-sovranità tat-territorju tagħhom misruq lilhom u okkupat militarment.

Din l-akbar konferenza internazzjonali kienet saret ftit aktar minn għoxrin sena ilu u kien hemm riżoluzzjoni li reġgħet ikkundannat l-invażjoni tal-Iżrael fuq territorju Palestinjan u l-abbużi kontra dak il-poplu esproprijat. 

Xbihat ġodda mill-istazzjonijiet barranin qed juru li ħafna ċittadini Ewropej, fosthom f’Londra, Pariġi, Istanbul u fl-istess Tel Aviv qed jinżlu fit-triq jipprotestaw kontra l-aggressjoni Iżraelita. U dan minkejja l-pożizzjoni pro-Iżraelita li qed jieħdu l-gvernijiet rispettivi tagħhom.

Ġurnalist Malti fil-Ġordan

Is-sit elettroniku tal-Knisja Newsbook, stieden lill-ġurnalista Karl Schembri, li dam erba’ snin jaħdem f’Gaza mal-OXFAM u llum qed jopera mill-Ġordan. Schembri pinġa x-xenarju orribbli tas-sitwazzjoni umanitarja fl-Istrixxa ta’ Gaza: l-infrastruttura hi mfarrka, l-isptarijiet fi stat iddisprat, l-ikel u x-xorb dejjem jonqsu u skejjel u kliniċi jitkissru l-ħin kollu. Ta’ min jittama li Schembri jibgħat lejn Malta aktar rapporti awtentiċi.

In-nisa Palestinjani

Is-soltu naraw lin-nisa Palestinjani jwerżqu u jixhru quddiem uliedhom katavri jew jaħarbu jfittxu l-kenn bit-trabi f’dirgħajhom.

Imma hemm ħafna aktar minn hekk fejn jidħlu n-nisa tal-Palestina. Il-Grupp għad-Drittijiet tal-Minoranzi f’Londra kien iddikjara li n-nisa Palestinjani jistgħu jkunu kkunsidrati bħala eżempju għal nisa oħrajn fil-pajjiżi Għarab oħra. Nisa Palestinjani sabu posthom fid-diversi professjonijiet, inkluża l-mediċina, l-amministrazzjoni, l-edukazzjoni, eċċ. U llum ukoll, nisa kuraġġużi qed jisfidaw lill-okkupaturi Iżraeliti bil-komunikazzjoni (eż: Radju Nisaa).

L-involviment tan-nisa fil-qasam soċjo-politiku kellu l-prezz tiegħu: priġunerija, swat, eżilju u avvelenar b’kimiċi tossiċi.

Il-lotta ta’ dawn in-nisa, l-ewwel kontra l-kolonjaliżmu Brittaniku u mbagħad kontra l-proġetti Zionisti, ilhom sejrin mill-1920/1948.

Sofrew it-tortura u baqgħu jirreżistu l-okkupazzjoni: sofrew is-swat fuq il-partijiet sensittivi tagħhom, l-iżolament psikoloġiku, ħruq fuq ġisimhom, l-użu ta’ sustanzi kimiċi li jirritaw is-sistema nervuża, taħlit mal-prostituti biex ikissrulhom id-dinjità, vjolenza karnali u stupru bil-bsaten.

Tassew, il-mara Palestinjana, issir il-metafora fiżika ta’ dik l-art ta’ miżerja.

Postscriptum: Jekk David jixħet ġebla jew flixkun, Gulia-Netanjahu joħroġ għalih bl-artillerija, it-tankijiet u l-bastimenti armati. Il-massakru jkompli, bi 38,000 riservisti Iżraeliti f’Gaza.

More in Blogs