Il-festi għaddejjin ġmielhom

Ġejjin ġejjin u daqt jgħaddu...

Il-parroċċa ġabet minn Venezja relikwa tad-driegħ ix-xellug ta’ dan il-qaddis megalomartri tat-tielet seklu
Il-parroċċa ġabet minn Venezja relikwa tad-driegħ ix-xellug ta’ dan il-qaddis megalomartri tat-tielet seklu

Ġejjin ġejjin, u l-festi għaddejjin ġmielhom. Ħarsa ħafifa lura minn meta bdew fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju, meta morna l-Munxar għall-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl u f’ħakka t’għajn ninsabu fl-aħħar jiem ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu, meta għadna kif morna Ta’ Sannat għall-festa ta’ Santa Margerita u ġimgħa qabel, għall-festa popolari ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria li dis-sena kienet xi ftit speċjali minn snin oħra billi fakkarna l-175 sena minn meta waslet Għawdex l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ li mastru Pawl Azzopardi naqqax minn siġra tat-tut. Biex tfakkar dan l-avveniment, il-parroċċa ġabet minn Venezja relikwa tad-driegħ ix-xellug ta’ dan il-qaddis megalomartri tat-tielet seklu li sofra l-mewt wara persekuzzjoni qalila kontra l-Insara mill-Imperatur Dijokleżjanu. Ħafna kienu l-Għawdxin u l-Maltin li daħlu fil-Bażilika Ġorġjana biex jaraw din ir-relikwa li ġo Venezja tkun għall-wiri biss għall-pubbliku fit-23 ta’ April, festa Liturġika ta’ San Ġorġ. Inġabu wkoll minn barra diversi dinjitarji tal-Knisja biex jippresedu diversi funzjonijiet fil-knisja bil-qofol tal-festa tkun il-purċissjoni l-Ħadd filgħaxija bl-istatwa titulari u d-driegħ ta’ San Ġorġ, li tmexxiet mill-E.T. Mons Salvatore Di Cristina, Arċisqof Emeritu ta’ Monreale. Qabel nagħlaq dan il-kumment fuq il-festa ta’ San Ġorġ, li dis-sena wkoll organizzat b’suċċess it-tiġrijiet tal-bhejjem filgħaxija meta r-raġġi tax-xemx kienu qed ibattu, xtaqt nistedinkom tixirfu sa pjazza San Ġorġ meta ssibu ftit tal-ħin u taraw ftit xogħol fil-ġebla Maltija li l-familja Tabone għamlet fuq wieħed mill-ħitan tagħha fejn tispikka l-figura ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, fuq disinn tal-pittur Għawdxi l-Kavallier Paul Camilleri Cauchi. Biċċa xogħol li żejnet pjazza, iktar u iktar meta mal-arblu titla’ tperper il-bandiera ta’ kobor bla qies!

Intant l-ewwel ftit festi li kellna ntlaqtu xi ftit mil-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja bil-finali tintlagħab il-Ħadd fid-9pm waqt li kienet barra l-Purċissjoni tal-Madonna tas-Sukkors ġewwa Ta’ Kerċem. Żgur li l-Kappillan u l-Kumitat tiegħu ma xtaqux li dan jiġri; fil-festi ta’ qabel kienu ħafna dawk il-ħwienet li ħarġu barra l-iskrins tat-television biex jekk jista’ jkun niesna ma titlef xejn. Issa l-Ġermaniżi kaxkru t-Tazza lejn Berlin u min jista’ jgħid kemm ikkunsmaw birra! U l-festi tagħna jibqgħu għaddejjin. Wara tal-Qala tkun tmiss il-festa ta’ San Lawrenz, li tajjeb ngħidu li f’Għawdex dan hu l-uniku raħal imsemmi għall-qaddis patrun tiegħu, u dis-sena smajt li hawn ukoll sa tinġieb xi parti mill-ġisem ta’ dal-levita martri li miet mixwi fuq il-gradilja. Hawnhekk il-Kumitat jorganizza ta’ kull sena l-festival Lawrenzjan li llum ħa isem għax issa ilu jsir għal diversi snin bil-parteċipazzjoni ta’ ħafna talent lokali.

Tfeġġ imbagħad Santa Marija, festa mill-kbar u l-belt Victoria diġà bdiet ixxidd l-ilbies tal-festa. Fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle ssir il-wirja popolari tal-biedja. Sajd u snajja u folol kbar jirrikorru għaliha waqt li l-President ta’ Malta jaqsam il-fliegu f’din l-okkażjoni biex iqassam il-premjijiet lir-rebbieħa parteċipanti. Fl-Għid tal-Assunta, wara nofsinhar, fi Triq ir-Repubblika jsiru wkoll it-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem u għadd ta’ dilettanti, Għawdxin u Maltin jimlew din it-triq ewlenija t’Għawdex. Il-fabbriki jkunu bix-shut down u Għawdex tagħna jfur bil-Maltin li jiġu jgawdu l-festa u l-baħar. Gżiritna tieħu gost bihom għax dawn jiġġeneraw ħafna kummerċ u magħhom jiekol kulħadd. Ejjew u toqogħdux tistennew il-festa! F’Malta l-istorja hija differenti għax dil-festa hi tant kbira, għażiża u popolari li fil-ħmistax t’Awwissu, mhux inqas minn seba’ lokalitajiet ifakkru lill-Assunta waqt li ġimgħa wara, tnejn oħra f’Malta flimkien maż-Żebbuġ tagħna mill-ġdid jagħmlu l-festa ta’ Santa Marija. It-Titular fis-Santwarju Nazzjonali f’Ta’ Pinu wkoll huwa t-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna.

‘F’Awwissu l-baħar tibda tisma’ ħissu’ jgħid il-qawl Malti u xi taqliba tal-arja ġieli ġarrabna wkoll imma aħna nittamaw li t-temp ikun ħanin, u jħallina ngawdu l-festa ta’ Loreto f’Għajnsielem u mbagħad dik tal-Vitorja jew tal-Bambina fix-Xagħra. Din tal-aħħar mhux biss tfakkarna fit-twelid tal-Madonna minn Sant Anna u San Ġwakkin, imma teħodna wkoll lura lejn l-Assedju l-Kbir tal-1565 meta l-qawwa Torka kellha ċċedi u tagħtiha għall-ħarba quddiem l-kuraġġ li wrew il-Kavallieri ta’ San Ġwann immexxija mill-qalbieni Gran Mastru Jean Parisot de La Vallette flimkien mal-poplu Malti. L-Otto Settembre tfakkarna wkoll fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija meta Malta sfat ħerba waħda u tilfet ħafna minn uliedha. 

Il-kalendarju tal-festi f’Għawdex jagħlaq bil-festa ħelwa tal-Madonna tal-Grazzja għand il-Patrijiet Kapuċċini li għandhom il-knisja u l-kunvent hekk kif tħalli r-Rabat u taqbad it-triq lejn Marsalforn. Matul il-ġimgħa tal-festa, wieħed mill-patrijiet li tant ta servizz fl-isptarijiet tal-Gvern, se jkun qed ifakkar il-50 sena ta’ saċerdozju u aħna minn dawn il-paġni, minn issa stess nawgurawlu minn qalbna. Dan huwa l-poeta li twieled f’ta’ Sannat Patri Remiġ Galea. Ad Multos Annos, ħabib!

More in Blogs