Gwerer u kittieba

“Dan il-ktieb seta’ ħareġ din il-ġimgħa u sfortunatament kien ikun għadu attwali”
“Dan il-ktieb seta’ ħareġ din il-ġimgħa u sfortunatament kien ikun għadu attwali”

Fis-7 ta’ Jannar 2009 grupp ta’ kittieba Maltin kienu ltaqgħu x’imkien il-Belt jaqraw xi xogħlijiet li kitbu b’reazzjoni għal attakk fuq Gaża li kien seħħ xi ħmistax qabel. Eventwalment dawn ix-xogħlijiet inġabru u ġew ippubblikati bit-titlu Id-Demm Nieżel bħax-Xita, parti minn messaġġ li bagħat it-tabib Jusef Musa biex jirrapporta x’kien qed jara b’għajnejh waqt l-attakki. F’din il-ġabra, minbarra l-ħasda bl-orrur mat-tixrid ta’ aktar demm, u minbarra r-rabja lejn l-insensittività ta’ min jordna biex jinġibed il-grillu u tingħafas il-buttuna l-ħamra, jixirfu l-għaja u d-diżappunt li dan mhuwiex suġġett ġdid li qiegħed jiġi ttrattat. Fl-istess waqt, imma, xi kitbiet jibqgħu joħolmu f’dak li ħafna jsostnu li qatt mhu se jseħħ.

Dan il-ktieb seta’ ħareġ din il-ġimgħa u sfortunatament kien ikun għadu attwali. Fil-jiem li għaddew komplew jinqatlu aktar nies u kompliet tinħema aktar mibegħda. Fl-istess waqt il-mewt kompliet ukoll tiġi sserjalizzata fuq il-mezzi tax-xandir, l-aktar il-mezzi soċjali, b’ritratti u filmati tal-waħx, bi stampi ta’ nies prominenti bi kwotazzjonijiet razzisti attribwiti lilhom u, ma jistax jonqos, b’referenzi storiċi li minflok ma jfittxu soluzzjoni għall-infern li qed ikollhom jgħixu nies komuni, inklużi tfal li aktarx li semgħu l-isplużjonijiet qabel lil ommhom tkantalhom, ikomplu jrewħu n-nirien.

Il-proliferazzjoni ta’ mezzi ta’ informazzjoni mhux bilfors li qiegħda tiffaċilita t-tixrid ta’ x’inhu verament li qiegħed jiġri. L-ewwel nett l-informazzjoni qatt ma hi newtrali, dejjem se jkollha aġenda, sottili kemm hi sottili, warajha. It-tieni, b’tant sorsi li qegħdin isostnu li għandhom il-verità f’idejhom u tant metodi effikaċi kif taħbi u tgħawweġ, saret ħaġa diffiċli mhux ħażin li tixtarr dak li jista’ jkun minnu u dak li mhuwiex. F’dawn l-aħħar jiem mhux biss qiegħda tiġi diskussa l-etika tax-xandir ta’ iġsma (speċjalment ta’ tfal) imbiċċra, imma anki l-awtentiċità ta’ ħafna aħbarijiet, rapporti u messaġġi li f’salt wieħed iduru mal-globu.

Fost l-impressjonijiet żbaljati li jista’ jkun li qegħdin nieħdu hemm is-suppożizzjoni li l-Lhud fl-Iżrael u l-Lhud fl-inħawi kollha tad-dinja huma de facto anti Palestinjani. Din it-tendenza li kollox jinqasam strettament f’abjad u iswed hija qarrieqa appuntu għaliex ma turix l-istampa kollha kemm hi. Fost il-Lhud ta’ Iżrael stess hemm moviment li qiegħed jopponi l-azzjoni mdemmija kontra l-popolazzjoni Palestinjana maqfula fl-Istrixxa. U ħafna minnhom huma pjuttost voċiferi fl-oppożizzjoni tagħhom lejn it-tmexxija Iżraeljana għall-mod kif din qiegħda tolqot u toqtol imqar tfal jiġru fuq ir-ramel. F’artiklu ppubblikat din il-ġimgħa fuq il-Corriere della Sera, il-kittieb Lhudi Etgar Keret jilmenta kif it-tmexxija Iżraeljana, għal darba oħra, qiegħda tieħu azzjoni offensiva kontra l-Palestinjani li, wara kollox hija ripetizzjoni ta’ azzjonijiet preċedenti li ma wasslu għal imkien għajr għal azzjonijiet oħrajn mimlijin bid-demm. Fi tnax-il sena, jilmenta Keret, kien hemm erba’ operazzjonijiet offensivi f’Gaża, kull waħda bit-tir li tinkiseb soluzzjoni dejjiema. Huwa ma jidhirx li għandu wisq tama li l-offensivi militari jistgħu fil-fatt iwasslu għal soluzzjoni paċifika, tant li, kif josserva, it-tmexxija Iżraeljana dejjem rat kif sabet lil min tikkumbatti: xi darba kien hemm l-OLP, issa hemm il-Ħamas u jekk anki l-Ħamas jispiċċa jiġi vvintat xi għadu ġdid. 

Hemm osservazzjonijiet oħra li jagħmel Keret (u oħrajn bħalu); din id-darba fuq l-azzjonijiet li Iżrael qed jieħu fuq Iżraeljani stess. Dawk tal-qatgħa ta’ Keret li qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex joffru oppożizzjoni għall-insensittività krudili ta’ gvern wara gvern wara gvern, qegħdin jispiċċaw huma wkoll fil-mira. L-ostilità m’għadhiex immirata biss lejn il-Palestinjani imma anki lejn dawk il-Lhud li qegħdin jitqiesu bħala tradituri tan-nazzjon. Keret isemmi, fost l-oħrajn, gruppi leminin li qegħdin ixerrdu l-mibegħda kontra l-hekk meqjusa Lhud xellugin li mhumiex jifhmu l-loġika tal-bomba. Il-Lhud li qegħdin jopponu l-aggressjoni fuq il-Palestinjani qegħdin jissejħu “Lhud li jobogħdu lilhom infushom” u fost dawn hemm persuni illustri bħall-istoriku Ilan Pappe, il-lingwista Noam Chomsky, il-filosfa Judith Butler u ħafna u ħafna oħrajn. 

Aktarx li dak li jinfiska lill-elementi leminin huwa l-fatt li dawn il-Lhud għandhom sens ta’ umanità li ma jħallihomx jobogħdu, li jġibu l-ewwel u qabel kollox, qabel it-tribaliżmu u n-nazzjonaliżmu, il-kwalitajiet umani li jinkludu l-empatija u l-fraternità. Tal Nitzan hija poetessa prominenti Iżraeljana attiva fi ħdan il-moviment ta’ nies li jopponu l-okkupazzjoni. Anki jekk tista’ faċilment titqies bħala “waħda li tobgħod lilha nfisha” qatt ma tiċħad hi min hi u minn fejn ġejja. F’ittra li kitbet lill-poeta Palestinjan Basem al-Nabriss fir-raba’ jum mindu bdiet din l-aħħar offensiva fuq l-Istrixxa, ippubblikata fuq restless.com, Nitzan tilmenta kif “il-gvern tiegħi u l-Ħamas għaddejjin bi gwerra, u l-popli tagħna jħallsu l-prezz tagħha.” Kuntrarju għal-lingwa tal-bombi u tal-missili l-lingwa tal-poeta tuża nomi sbieħ minkejja n-niket. Nitzan tkompli tikteb lil al-Nabriss, “Ma nistax naħseb dwarek bħala xi ħadd minn poplu ieħor. Għalija intom il-poplu tiegħi, mingħajr ebda dubju, u din mhuwiex sempliċiment slogan: int ħija b’mod mill-aktar ovvju u naturali. Int taqsam miegħi fidi mill-aktar essenzjali, titkellem il-lingwaġġ l-aktar profond tiegħi.”

Hemm ħasra waħda fi kliem bħal dan: waqt li kellu s-saħħa jaqsam nofs il-Mediterran u jispiċċa stampat f’dan l-artiklu, anzi għandu s-saħħa jasal ħafna aktar ʼil bogħod minn hekk, donnu li qatt ma jasal għand min għandu l-poter li jwaqqaf it-traġedji. F’waħda mill-poeżiji l-aktar punġenti tiegħu li fiha jopponi bil-qawwa kollha l-poter tal-politiċi u s-setagħna, Victor Fenech jikteb “Jekk jista’ jkun, Missier, tħallix dal-kalċi jgħaddi mingħalina (madanakollu naf: li jridu huma jsir, mhux li rrid jiena.)”

‘Huma’ qajla jagħtu kas u m’għandi ebda dubju li ‘huma’ la jaqraw il-poeżiji u wisq inqas l-ittri tal-poeti. Il-klixe li l-pinna hija aqwa mix-xabla ma tfisser xejn aktar għajr klixe, sakemm dawk responsabbli ma jiqfux u jaraw b’għajnejhom mikxufa x-xeni miktuba fil-versi. Bħax-xena fil-poeżija Khan Younis ta’ Nitzan, fejn tifel ta’ sentejn diġà jaf javża ’l ommu tinżel kokka fil-baxx meta t-tiri jtiru fuq id-dar.

More in Blogs