Donazzjoni ta’ organi umani

Il-ħajja sabiħa, iżda fejn hemm il-ħajja sfortunatament hemm il-mewt, għax kull bidu fih it-tmiem. 

Għalkemm kulħadd jaf li kulħadd irid iduq il-mannara, xejn ma jippreparana għaliha. Tasal meta tasal u tasal fuq min tasal titfagħna f’baħar ta’ niket. Għalkemm hemm imwiet li tkun qed tistennihom, hemm oħrajn li jiġu fuqna ħabta u sabta, bħalma ġara fil-każ tat-tfajjel ta’ 11-il sena Miguel Campolo li ħalliena meta kien għadu fil-fjur ta’ ħajtu. 

Miguel ħalliena fit-12 ta’ Lulju. Iżda l-ġenituri tiegħu ddeċidew li jħallu lil binhom ħaj fi tliet persuni oħra. Taw il-pulmun u l-kliewi lil tlieta min-nies li permezz ta’ Miguel sabu ħajjithom lura.

Ġest nobbli meta fl-aktar mument diffiċli li ftit jew xejn iħallik tirraġuna tieħu deċiżjoni li mit-telf tal-ġojjell prezzjuż tagħhom jaħsbu biex jgħinu lil tliet persuni ma jiġrilhomx bħal binhom u jkunu jistgħu jkomplu jgħixu aktar komdi u aktar fit-tul.

Dan kollu jġegħelna naħsbu dwar id-donaturi tal-organi. Kulħadd ifaħħar dawn il-ġesti, kulħadd jgħolli mas-sema lil dawn kollha li jiddeċiedu li jibqgħu jgħixu f’ħaddieħor, iżda wara li l-mezzi tax-xandir jieqfu jiktbu u jitkellmu dwar dan il-każ kulħadd jinsa x’ġara u nibqgħu għaddejjin sa ma jerġa’ jinqala każ ieħor.

Dan kollu jkompli jħassibna meta ssir taf li biex jingħataw l-organi tiegħek lil ħaddieħor irid jiddeċiedi xi ħadd ieħor għalik. F’Malta jeżisti t-Transplant Support Group li hi għaqda li tippromwovi l-għarfien dwar id-donazzjoni ta’ organi umani għat-trapjant kif ukoll iżommu database ta’ nies li jagħżlu li jimlew donor card fejn juru x-xewqa tagħhom li jagħtu l-organi f’każ li jiġu nieqsa.

Li forsi ftit jafu hu li inutli li jkollok il-kard li biha suppost toffri l-organi tiegħek lil min ikollu bżonnhom f’dak il-ħin, għax wara mewtek int ma tikkmandax ġismek. Għax wara mewtek m’hawnx liġi li tipproteġilek dak li int iddeċidejt f’ħajtek. Hu missierek, ommok, żewġek, martek, ibnek, bintek li jiddeċiedu jekk l-organi tiegħek jingħatawx lil ħaddieħor, għax l-ebda gvern, l-ebda oppożizzjoni ma sabet ħin biex tilleġisla d-dritt sagrosant tiegħek li bl-organi tagħna nagħmlu li rridu. Fil-proċess ta’ dan kollu jiġi kkunsidrat ukoll it-twemmin reliġjuż tal-persuna speċjalment jekk din tkun ġejja minn xi grupp ta’ nies li jista’ jkun ma jemmnux fl-għotja ta’ organi umani.

Wasal iż-żmien li l-mezzi tax-xandir ikomplu joħolqu għarfien biex fl-aħħar issir liġi ta’ vera u mhux ninqdew b’ġest nobbli li jkun sar biex forsi anke nirbħu xi vot u min jaf kemm hawn min xtaq jew jixtieq jagħmel l-istess u mhu se jirnexxilu qatt għax ħadd ma jiddeċiedi dwar ġismu wara mewtu, iżda nerġgħu ntennu, jiddeċiedu għalik.

Nisperaw biss li forsi xi politiku jkollu ċans jaqra dan li qed jinkiteb illum forsi bħalma kien hemm min irnexxielu jdaħħal id-divorzju, min illegalizza l-unjoni ċivili, jkun hawn ukoll min jagħti dritt lil dak li jrid jkompli jgħix f’ġisem ħaddieħor.

More in Blogs