Il-qagħda reali tal-ktieb Malti

Il-ktieb Malti donnu qabad it-triq tan-niżla u t-tfal mhux qed jitħallew jaqraw fil-ħwienet! U xi ngħidu dwar il-letteratura ddominata mis-sess.

Aktar kmieni din is-sena taħt tinda fil-kampus tal-Università saru tliet serati li ssejħu “Festival tal-Ktieb.” Ftit ġimgħat qabel, forsi b’koinċidenza, l-eks ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) kiteb artiklu f’gazzetta bl-Ingliż biex jgħid x’inizjattivi għandhom jittieħdu mill-Kunsill.

Tkun ilek tmexxi l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal 10 snin sħaħ imbagħad tikteb faċċata sħiħa f’gazzetta biex tgħid x’għandu jsir. Assurda, jekk mhux ukoll insolenti għall-awturi u għall-pubblikaturi. Kienu ilhom snin sħaħ il-pubblikaturi jibku dwar x’kellu jsir. Il-Kunsill il-ġdid, taħt ċermen żagħżugħ, beda jipprova jċaqlaq l-affarijiet, imma l-hekk imsejjaħ “festival” aktar kmieni din is-sena baqa’ bil-format ta’ xkaffi għall-bejgħ tal-kotba. Bħala novità kien hemm għadd ta’ konferenzi u fuq kollox, sessjoni ta’ mużika rock u żfin solo li naħseb li rnexxiet. Imma l-avveniment għadu wisq ’il bogħod minn dak li jsir barra minn Malta, minkejja li l-fondi għall-KNK żdiedu mis-sena li għaddiet ’l hawn.

Know-how tas-suq

Hemm dawk li jqisu li ċ-ċermen preżenti m’għandux esperjenza u know-how fis-suq tal-kotba. Imma jammettu wkoll li għandu qalbu fix-xogħol minkejja l-faux pas li jagħmel minħabba nuqqas ta’ esperjenza. Min-naħa l-oħra hu ġust li jingħad li s-suq tal-kotba jinteressa l-aktar lill-pubblikaturi (jew il-ftit li għadhom jintrigaw bil-ktieb Malti) mentri dak li hemm bżonn huma ideat organiċi li jistimulaw il-qari. Fi kliem ieħor, anke fil-fondi miżjuda fil-KNK, dan għandu jittraduċi f’xogħol ħafna aktar proattiv favur il-ktieb.

Bad Sex Award

Imbagħad hemm il-kwistjoni tat-temi li donnhom issa weħlu fuq is-sess, fuq sess bla gost, vulgari u banali, mingħajr l-erotika diskreta ta’ awturi barranin bħal Alberto Moravia, Anais Nin u aktar lura fiż-żmien, xi Hemingway jew D.H. Lawrence. Ħafna mis-sesswalità li qed tkun ippubblikata jixirqilha l-Bad Sex Award li kien tnieda f’Londra xi snin ilu. Terġa’ u tgħid, qed tinkiteb wisq letteratura “tal-passa”, mingħajr il-marka ta’ letteratura ta’ kalibru.

F’Malta, il-ktieb għadu kkunsidrat bħala prodott, mhux bħala proġett estetiku fil-livell tal-kultura Ewropea. L-awtur mhux irrispettat u l-pubblikaturi li għadhom konsistenti jappellaw li messu jkun hemm ħafna iktar inizjattivi dwar il-ktieb Malti, l-aktar minn inħawi kulturali uffiċjali.

F’dawn l-aħħar snin, għalqu bosta ħwienet tal-kotba fil-belt Valletta: Bugelli, Muscat, Sapienza, Agius & Agius. Mill-banda l-oħra, l-akbar katina ta’ ħwienet, l-Agenda, lanqas biss issemmi ktieb wieħed bil-Malti fir-reklamar tagħha, sakemm ma jkunx hemm il-garanzija ta’ bejgħ qawwi dwar xi persunaġġ politiku.

Hemm pubblikaturi “mħassbin” dwar xnigħat li l-KNK se jibda jikkompeti magħhom bħala pubblikatur u qed jistaqsu għandux ikollu dan ir-rwol. Dawn l-istess inħawi jsostnu li l-publikazzjonijiet tal-istat “għandhom ikunu ommessi fis-seklu 21, speċjalment jekk dawn il-kotba jkunu indikati għas-sillabu, xi ħaġa li tkompli taqta’ nifs il-pubblikaturi.”

Kollox juri li jeħtieġ analiżi intensiva tas-sitwazzjoni kollha, serja u oġġettiva u, fuq kollox, meħlusa mill-ossessjoni tal-politika tribali.

It- tfal imblukkati jaqraw fil-ħwienet

Filwaqt li l-awtoritajiet edukattivi jippruvaw iħeġġu lit-tfal biex jaqraw u filwaqt li l-pubblikaturi dejjem jilmentaw li l-bejgħ tal-kotba dejjem nieżel u jinsabu fl-għafja tal-mewt fejn jidħlu l-pubblikazzjonijiet (insew il-hype kollu fil-mezzi tax-xandir u l-istatistika jgħidulek!), issa tasal aħbar tad-daħk, tal-mistħija jew it-tnejn f’daqqa.

It-tfal qed jiġu mwaqqfa, ripetutament fil-ħwienet tal-Agenda / Till Late milli jiftħu l-kotba ta’ fuq l-ixkaffi u jaqraw partijiet minnhom. It-tfal twaqqfu għax min kien inkarigat qal/et li l-kotba ma jistgħux jinqraw fil-ħanut biss. It-tfal ġew akkużati wkoll li qed jagħmlu ħsara fl-ispina tal-kotba. Dan kollu seħħ fil-ħwienet ta’ Buġibba u ta’ Mater Dei. Tassew fqira l-mentalità li qed tintiret mill-ftit tfal li jħobbu l-ktieb. Sa issa.

POSTSCRIPTUM: 

L-IŻRAEL U N-NAZZJONIJIET UNITI

Sa fl-aħħar in-Nazzjonijiet Uniti (NU) illuminat ruħha li l-Iżrael “jista’ jkun” li kkommetta atti kriminali ta’ gwerra kontra l-Palestinjani maqbudin taħt apokalissi ta’ nar mill-ajru, mill-art u mill-baħar, mingħajr m’għandhom fejn, talinqas, jaħarbu. Sakemm qed nikteb l-imwiet Palestinjani qabeż l-elf. L-Iżraeljani tilfu 40 ruħ. Żbilanċ oxxen.

Ħalli nagħmlu pawża. L-Iżrael iddaħħal fin-NU fil-11 ta’ Mejju 1949 permezz tar-Riżoluzzjoni 273 (III). Skont dik ir-Riżoluzzjoni, is-sħubija Iżraelita kienet ikkundizzjonata, fuq il-bażi ta’ Riżoluzzjonijiet preċedenti li jirrikonoxxu l-jedd li r-refuġjati Palestinjani jirritornaw fit-territorju tagħhom. Kundizzjoni oħra kienet li l-Iżrael jerfa’ r-responsabbiltà li jiffaċilità d-drittijiet tal-Palestinjani. 

Iżda l-Iżrael sfida u żeblah il-mandati tan-NU u baqa’ jżeblaħhom sal-lum, għax warajh għandu parrinu potenti. Hu għalhekk li l-Iżrael farrak Gaża mill-ġdid, għat-tielet darba u ħasilha b’demm ta’ nisa, tfal, morda u anzjani innoċenti.

More in Blogs