Il-kostituzzjoni u aħna

Kull meta kellna nbiddlu xi partijiet mill-kostituzzjoni kellna nagħmlu hekk minħabba xi kriżi jew għaliex il-bżonn tal-mument kien jiddetta hekk

"Il-mument tal-qabża ġie"

Aktar milli naqraw nisimgħu dwar il-kostituzzjoni. Meta dan l-aħħar kien hawn il-kontroversja tal-Ombudsman kien saħansitra li qal li għandna kriżi kostituzzjonali. Tul iż-żmien dejjem rajna liż-żewġ partiti l-kbar f’ġostra politika dwar il-kostituzzjoni. Fil-fatt l-akbar kriżi politika kienet dik tal-1981 tant li biex noħorġu minnha kellna nagħmlu tibdiliet kostituzzjonali kbar. 

Insomma fi ftit kliem il-poplu sema’ diversi drabi bil-kostituzzjoni b’ħafna ma jafux eżattament x’inhi. Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni li għandu l-poplu, jew informazzjoni li tasallu ħażin, it-tibdil kostituzzjonali li sar sa issa ma kienx għal kollox sħiħ. Kważi nibda biex nemmen li l-parti l-kbira tal-Maltin ma jafux li għandna kostituzzjoni miktuba. Niddubita wkoll jekk fil-minoranza tagħhom il-familji Maltin għandhom kostituzzjoni d-dar!

Agħar minn hekk. Kull meta kellna nbiddlu xi partijiet mill-kostituzzjoni kellna nagħmlu hekk minħabba xi kriżi jew għaliex il-bżonn tal-mument kien jiddetta hekk. Għalhekk l-affarijiet kostituzzjonali dejjem saru bil-ħatfa b’mill-anqas kosultazzjoni wiesgħa ma’ min l-aktar tikkonċernah: il-poplu. 

Biex il-biċċa tkun aktar gravi, l-eqqel tibdiliet saru f’saħna partiġġjana, għalhekk in-nies kienu jkunu aktar akkaniti li tgħaddi tal-partit tagħhom aktar milli fit-tibdiliet li jkun qegħdin isiru. L-emozzjoni politika dejjem rebħet fuq ir-raġuni ċivili.

Mill-1964 qatt ma kellna tibdiliet uniformi u mingħajr skossi fil-kostituzzjoni tagħna. Niftakar qisu lbieraħ il-kwistjoni tal-maġġornza. It-tibdiliet li saru kienu mgħaġġla u maħsuba biss biex jiżblokkaw kriżi politika. Kien hemm speċi ta’ “tini titta ħa ntik told.” Kull tibdil li sar kien wieħed spasmodiku u bis-sulluzzu. Tant kienu jkunu mgħaġġlin it-tibdiliet li ftit wara kien ikun hemm meħtieġ xi intervent ieħor biex dak li jkun inbidel qabel ikun jagħmel sens.

Għalhekk wasal iż-żmien li dak li għandu jsir b’mod seren u kalm u għal darba jsir ’il bogħod minn kull pika politika. Issa ilha tissemma’ l-Konvenzjoni Kostituzzjonali, wegħda li saret mill-Partit Laburista fil-manifest elettorali tiegħu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat sa minn meta kien fl-Oppożizzjoni kien isemmi li jrid ikollna t-Tieni Repubblika. Fir-realtà dan il-bżonn ilu jinħass għal mill-anqas dawn l-aħħar 15-il sena, iżda qisu kulħadd beża’ jagħmel il-qabża. Jiena nemmen li l-mument ta’ din il-qabża ġie. Sena oħra mil-lum ikun tard wisq jekk ikun għadu ma sar xejn.

Ma hemm ebda dubju li l-libsa li kienu faslulna l-Ingliżi fl-1964 illum ħriġna minnha. B’dan kollu xorta għadna għaddejjin b’din il-libsa sal-lum. Jekk din il-libsa mhux se nerġgħu nfassluha mill-ġdid jien inbassar li se jkollna kriżijiet kostituzzjonali oħrajn mhux wisq ’il bogħod. Kriżijiet mhux bħal dawk tal-imgħoddi iżda jibqgħu dejjem kriżijiet. Hemm partijiet mill-Kostituzzjoni li jridu attenzjoni immedjata

Jiġuni f’moħħi l-uffiċċju tal-President u ħatriet ta’ persuni f’korpi kostituzzjonali. Jidher ċar li l-kariga tal-President trid tinbidel fil-funzjonijiet tagħha. F’dawn l-aħħar żewġ Presidenzi li kellna deher ċar li l-President qiegħed jitbiegħed mill-immaġini li konna drajna, li qiegħed hemm biex jaqta’ ż-żigarelli jew biex jagħmel xi diskors f’okkażjonijet pubbliċi u jispezzjona l-gwardja tal-unur. Mhux qiegħed ngħid li għandu jkollna xi kostituzzjoni presidenzjali, altru! L-eżekuttiv għandu jibqa’ fil-Kabinett taħt id-direzzjoni tal-Prim Ministru.

Hemm ukoll il-kwistjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Kabinett u tal-Parlament. Fost oħrajn għandu jkun hemm ċar daqs il-kristall x’inhi r-responsabbiltà ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet għalina. Dwar x’jiġri jekk min ikun elett mill-poplu ma jieħu ebda interess bħala deputat Parlamentari. Il-kriżijiet li rajna f’dawn l-aħħar snin fil-ġudikatura jindikaw ukoll li hemm bżonn riformi kostituzzjonali kbar. Mingħajr ma jgħaddilna mqar mill-anti-kamera ta’ moħħna li qatt l-eżekuttiv jindaħal fix-xogħol tal-Qrati, min-naħa l-oħra rridu nerġgħu naraw sewwa dwar il-mod kif jinħatru u jitneħħew il-ġudikanti. 

Lanqas m’għandna ngħixu fis-soċjetà paternalistika ta’ ħamsin sena ilu. Dak iż-żmien ħadd ma kien jieqaf lill-Awtorità u kien hemm sens ta’ ubbidjenza kbira mingħajr ħadd ma jistaqsi jekk dak li qiegħed isir hux fl-interess tal-poplu. Illum l-affarijiet inbiddlu radikalment, b’mod speċjali bil-mezzi elettroniċi. In-nies iridu jkunu jafu aktar. In-nies il-ħin kollu jistaqsu. In-nies iridu li dak li jkun imwiegħed ikun ikkonsenjat.

Għalhekk wasal iż-żmien li lin-nies nagħtuhom l-għodda kostituzzjonali biex ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom tul il-leġislatura kollha u mhux perjodikament kull meta jintalbu biex joħorġu jivvutaw issa għal ħaġa u issa għal oħra. Il-ġenerazzjoni tal-lum u aktar dik li ġejja warajhom, jinsistu li ma jkunux biss spettaturi iżda parteċipanti. L-attiviżmu ċivili u soċjali fi ħdan is-soċjetà sar xi ħaġa inkredibbli u sal-lum dan it-tibdil mhux rifless fil-kostituzzjoni li għandna llum.

It-tibdil kostituzzjonali mhux wieħed perjodikali. Il-ħajja mgħaġġla tal-lum tistenna interventi u tibdiliet mhux mgħaġġlin, iżda żgur f’waqthom. Għalhekk jeħtieġ ukoll li niddiskutu xi xorta ta’ twaqqif ta’ Istitut Kostituzzjonali li jżomm lill-politiċi infurmati bit-tibdiliet kostituzzjonali li min għal żmien għandu jkun hemm. Dan għandu jkun istitut fuq bażi permanenti. Għandhom xi ħaġa simili l-Ingliżi li m’għandhomx kostituzzjoni miktuba. Ikun tajjeb li nħarsu daqsxejn lejha.

Iżda fuq kollox għandu jkun hemm rieda tajba minn kulħadd. Min se jersaq għal din il-konvenzjoni b’xi aġenda moħbija jkun aħjar jekk ma jersaq xejn. Min jipparteċipa f’din il-konvenzjoni biex ifixkel flok biex jgħin, ikun aħjar għalih li jibqa’ d-dar. Biex din il-konvenzjoni tirnexxi rridu għall-mument ninsew l-aspett partiġġjan tal-politika f’pajjiżna. Li kien kien u li għadda għadda... talinqas waqt din il-konvenzjoni.

More in Blogs