Għadna fil-Purgatorju

Prospetti ta' riċessjoni ġdida!

L-ekonomija fiż-żona ewro qajla qiegħda tistejqer
L-ekonomija fiż-żona ewro qajla qiegħda tistejqer

Erġajna koppi! Figuri ppublikati din il-ġimgħa juru li l-ekonomija fl-ewrożona qajla qiegħda tistejqer, anzi qiegħda fuq ix-xifer li terġa taqa’ f’riċessjoni u jkollna dak li jissejjaħ triple-dip recession. Mhux biżżejjed id-double dip recession kienet terribli, issa għandna l-prospett reali ta’ riċessjoni ġdida.

Probabbli l-akar figura li xxukjat kienet dik tal-Ġermanja fejn il-Prodott Gross Domestiku (PGD) naqas b’0.2% fit-tieni tliet xhur tas-sena kumparat mal-ewwel tliet xhur għalkemm il-PGD xorta baqa’ juri żieda ta’ 1.3% fuq is-sena ta’ qabel. Il-figuri fit-tieni l-akbar ekonomija tal-ewrożona, Franza kienu wkoll ferm kajmani, bl-ebda żieda fit-tieni tliet xhur fuq l-ewwel tliet xhur u żieda minima ta’ 0.1% fuq is-sena ta’ qabel. L-Italja jerġa’ kellha figuri agħar bi tnaqqis ta’ 0.2% fil-PGD fuq it-tliet xhur ta’ qabel u ta’ 0.3% fuq is-sena ta’ qabel. L-imħatra ta’ Renzi li bil-bonus ta’ €80 li ta ftit qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kien se jistimula d-domanda u b’hekk, l-ekonomija, falliet spettakolarment. L-Italja, li dehret li ħierġa mir-riċessjoni fl-aħħar tas-sena, issa daħlet f’riċessjoni teknika.

Huwa minnu li l-figuri ta’ ċerta pajjiżi kieku inkoraġġanti: Spanja wriet żieda fil-PGD ta’ 0.6% fuq it-tliet xhur ta’ qabel u ta’ 1.2% fuq sena ilu mentri l-Portugall kellu żieda ta’ 0.6% u 0.8% rispettivament. Ċipru wkoll qiegħed jirkupra aktar malajr milli wieħed stenna u t-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika kien ta’ 0.3 % fuq it-tliet xhur ta’ qabel u ta’ 2.5% fuq sena qabel. Globalment, it-tmintax-il pajjiż tal-ewrożona ma wrew l-ebda tkabbir ekonomiku fuq it-tliet xhur ta’ qabel u żieda ta’ 0.7% fuq is-sena ta’ qabel mentri t-28 pajjiż tal-UE kellhom tkabbir ta’ 0.2% u 1.2% rispettivament.

Wieħed irid jgħid li mhux il-pajjiżi kollha għadhom irrappurtaw il-figuri; ċerta pajjiżi, inkluż Malta, għadhom ma ħabbruhomx. Li huwa ċert hu li bosta operaturi ekonomiċi f’pajjiżna qegħdin jilmentaw minn ritmu ekonomiku kajman u l-kelma fuq fomm kulħadd hi li l-ekonomija għadha ma rrankatx. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena, kien hemm sinjali pożittivi li l-ekonomija kienet bdiet tistejqer imma dawn is-sinjali tilfu ħafna mill-impetu tagħhom fix-xhur ta’ wara.

Tajjeb li wieħed jipparaguna l-ewrożona ma’ ekonomiji oħra bħal dik Amerikana u Ingliża fejn ma jagħtux każ il-kriterji ta’ Maastricht u regolarment ikollhom defiċit ta’ aktar minn 3% tal-PGD. L-Amerika kellha żieda fil-PGD ta’ 1% fuq it-tliet xhur ta’ qabel u ta’ 2.4% fuq is-sena ta’ qabel. Id-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan ikkalkula li l-ekonomija Amerikana kibret b’rata annwali ta’ 4% fit-tieni tliet xhur tas-sena. Mill-banda l-oħra, ir-Renju Unit kellu tkabbir ekonomiku ta’ 0.8% fuq it-tliet xhur ta’ qabel u żieda ta’ 3.1% fuq sena qabel. Illum, l-attività ekonomika fir-Renju Unit qabżet il-livell li kienet laħqet fl-ewwel tliet xhur tal-2008 meta bdiet ir-riċessjoni u qiegħed jiġi antiċipat li din is-sena l-PGD jiżdied b’3.2%, l-ogħla żieda f’sitt snin. 

Iċ-ċaqliq fil-figuri fil-PGD jittraduċu ruħhom f’impjiegi. Fl-Amerika, l-impjiegi żdiedu b’209,000 f’Lulju, is-sitt xahar konsekuttiv b’żieda ta’ aktar minn 200,000 kull xahar. Ir-rata tal-qgħad ironikament żdiedet ftit għal 6.2% peress li bosta li kienu qabel skuraġġiti li jfittxu xogħol bdew jirreġistraw għall-ewwel darba. Din kienet l-ewwel darba mill-1997 ’l hawn li l-ekonomija Amerikana żiedet aktar minn 200,000 impjieg għal sitt xhur konsekuttivi u ż-żieda medja fl-aħħar tnax-il xahar kienet ta’ 209,000 fix-xahar. Dawn il-figuri qed ikomplu jsaħħu l-idea li l-ekonomija Amerikana ħierġa definittivament mir-riċessjoni u l-bank ċentrali Amerikan, il-Federal Reserve qiegħed jipprepara biex ma jibqax jixtri l-bonds tal-gvern, l-hekk imsejjaħ programm ta’ quantitative easing li kien strument ferm importanti sabiex l-Amerika toħroġ mir-riċessjoni.

Anke l-Bank of England jipprattika l-quantitative easing u l-gvernatur Mark Carney qiegħed jindika li s-sena d-dieħla se jkun hemm żieda fir-rata tal-imgħax sabiex jibirdu l-pressjonijiet inflazzjonistiċi li qed jantiċipa li se jkun hemm. Ir-Renju Unit irrapporta li l-qgħad fl-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ 6.4% peress li kien naqas b’132,000 għal 2.08 miljun, l-anqas livell mill-aħħar xhur tal-2008.

Is-sitwazzjoni fil-kumplament tal-Ewropa tvarja ferm minn pajjiż għal ieħor. B’kollox, Eurostat jistma li f’Ġunju 2014, kien hemm 25 miljun qiegħda fl-UE b’18.5 miljun minnhom fl-ewrożona. Figuri li juru tnaqqis ta’ 198,000 (UE) u 152,000 (ewrożona) fuq ix-xahar ta’ qabel u ta’ 1.5 miljun u 0.8 miljun rispettivament fuq sena qabel. B’hekk ir-rata tal-qgħad fl-ewrożona kienet ta’ 11.5% f’Ġunju 2014, tnaqqis marġinali ta’ 0.1% fuq ix-xahar ta’ qabel u ta’ 0.5% fuq Ġunju 2013. Fl-UE inġenerali, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 10.2% f’Ġunju 2014 kontra 10.3% f’Mejju 2013 u 10.9% f’Ġunju 2013. Ovvjament, ir-rata tal-qgħad tvarja ferm minn pajjiż għal ieħor, mill-Awstrija (5%), il-Ġermanja (5.1%), u Malta (5.6%), għal Ġreċja (27.3%), u Spanja (24.5%). Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li f’Ġunju 2014, 5.13 miljun żagħżugħ taħt il-25 sena kienu qiegħda fl-UE b’3.319 miljun minnhom fl-ewrożona. Pajjiżi b’perċentwali inkredibbli ta’ żgħażagħ qiegħda kienu l-Ġreċja (56.3%), Spanja (53.5%) u l-Italja (43.7%). Jekk meta tmorru tieklu x’imkien issibu jaqdikom xi żagħżugħ Taljan jew xi Spanjol għaliex il-waiter Malti sar prattikament estint, issa tafu għaliex.

Dan ix-xenarju deżolanti qed iżid il-pressjoni fuq il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex jibda jipprattika wkoll il-politika ta’ quantitative easing minkejja li l-istatut tiegħu jipprojbih milli jsellef lill-pajjiżi membri. Qed tiżdied ukoll il-pressjoni fuq il-pajjiżi li jippriedkaw l-awsterità fl-Ewropa mmexxija minn Merkel li jaċċettaw interpretazzjoni aktar flessibli tal-kriterji ta’ Maastricht li issa ġew imsaħħin bil-Patt Fiskali. Diġà Franza ħabbret din il-ġimgħa li mhux se tirrispetta l-objettiv tad-defiċit ta’ din is-sena ta’ 3.8% tal-PGD.

Problema oħra kbira li qed jaffaċċja l-BĊE. hu l-livell baxx ta’ inflazzjoni li f’Ġunju kien ta’ 0.4% b’pajjiżi bħal Spanja attwalment jesperjenzaw tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 0.4%. Dan hu ferm bogħod mill-objettiv tal-BĊE ta’ inflazzjoni ta’ 2% fis-sena. Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed isir reali l-periklu tal-fenomenu ta’ deflazzjoni li jħarbat l-ekonomija kif għamel għal żmien twil fil-Ġappun peress li l-konsumatur jispiċċa jipposponi x-xiri tiegħu għax ikun qed jistenna li l-prezzijiet se jorħsu fil-futur qarib.

Imma fil-waqt li kulħadd qed jistenna l-mirakli mingħand Draghi, il-pajjiżi individwali tal-ewrożona ma jistgħux jittraskuraw l-ħtieġa ta’ riformi strutturali, ħtieġa li spiss ġiet injorata wara li batta l-paniku ta’ żewġt isjuf ilu bil-biżgħa li l-Ġreċja kienet se tfalli u jkollha toħroġ miż-żona ewro. Pajjiżi bħal Spanja għamlu riformi sostanzjali fis-suq tax-xogħol u r-riżultati qed juru imma l-Italja u Franza tnikkru ferm u anke hawn ir-riżultati qed juru. Forsi dan l-aspett huwa ferm aktar importanti minn jekk il-kriterji ta’ Maastricht jiġux osservati reliġjożament jew le.

Ħaġa oħra li żgur qiegħda tfixkel l-inġranaġġ ekonomiku fl-ewrożona huwa l-aċċess għall-finanzjament tal-banek. Spiss, kumpaniji żgħar u medji jsibuha diffiċli jisselfu għax il-banek ma jridux jieħdu aktar riskju. Dan minkejja li Draghi naqqas ir-rata ta’ mgħax għall-depożiti bankarji għal taħt iż-żero li jfisser li l-banek iridu jħallsu lill-BĊE. jekk iridu jiddepożitaw miegħu l-flus u ilu jinjetta likwidità fis-sistema bankarja Ewropea. Problema oħra hi li meta l-imprendituri jsibu min isellifhom, is-self isir b’rati tal-imgħax ferm għolja. Din hi problema partikolarment akuta f’Malta. F’Novembru li għadda, il-gvernatur tal-Bank Ċentrali kkritika l-banek Maltin li jsellfu b’rati ta’ 2% sa 3% ogħla mis-self li jsir fil-Ġermanja, l-Olanda, il-Fillandja, l-Awstrija u l-Lussemburgu mentri r-rati ta’ depożiti huma ġeneralment simili għall-kumplament tal-ewrożona.

Kif rajna, m’aħniex se noħorġu mill-qagħda ekonomika dipressa kif ġieb u laħaq u hemm possibilità reali li l-ewrożona se terġa’ taqa’ f’riċessjoni. Il-gvernijiet kollha, inkluż dak Malti, jeħtieġ li jagħmlu ħilithom sabiex iwettqu r-riformi strutturali li ħafna drabi huma ferm magħrufa imma sfortunatment nieqsa r-rieda politika li jitwettqu. Altrimenti, se ndumu f’dan il-purgatorju. 

Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.

More in Blogs