Joe Saliba: Il-mewt ta' poeta

Is-servizz Malti tal-SBS ħabbar il-mewt tal-poeta Joe Saliba, awtur li b’ħasra, f’Malta bilkemm jissemma’

Meta wasalt l-Awstralja qaluli li marid ħafna. Xtaqt narah imma tawni parir li aħjar le.

Issa l-ġimgħa li għaddiet, is-servizz Malti tal-SBS ħabbar il-mewt tal-poeta Joe Saliba, awtur li b’ħasra, f’Malta bilkemm jissemma’. Iżda Saliba hu wieħed mill-aktar ilħna importanti tal-poeżija Maltija f’dan il-kontinent. Ix-xogħol tiegħu hu superjuri f’kull sens: kunċettwalment, stilistikament u teknikament.

Beda fuq linja klassika (u kien ġie Malta fl-1966 biex jippubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Ilħna tar-Rebbiegħa. Dun Karm kien il-mudell klassiku tiegħu, imma fejn jidħlu s-sentimenti, kien bil-wisq aktar qrib ta’ Karmenu Vasssallo. Fl-Awstralja, fejn Saliba wasal fl-1959 wara snin bħala għalliem tal-emerġenza f’Malta, sħabu tal-Grupp Letterarju Malti (illum tista’ tgħid li mejjet) kienu jqisuh bħala l-konsulent kritiku tagħhom. L-aħħar poeżiji tiegħu dehru f’antoloġija qasira (Oċegħanja) fl-2001, flimkien ma’ tliet awturi oħra MaltAwstraljani). Mill-klassiku Saliba għadda għall-idjoma moderna u fittex direzzjonijiet ġodda anke reliġjożament, meta warrab il-Kattoliċiżmu u ngħaqad ma’ grupp alternattiv Kristjan, li hu qiesu bħala aktar awtentiku u aktar relevanti.

Saliba kien miżżewweġ lil Silvia Harris, li lilha ddedika wħud mill-isbaħ lirika tiegħu.

Ikun tassew għajb jekk Joe Saliba ma jsibx postu fit-tapezzerija tal-poeżija Maltija tat-tieni nofs tas-seklu li għadda. 

Il-media: Mistoqsijiet li baqgħu jgħoddu

Ġie f’idejja ktieb għaż-Żgħażagħ, Questions about Living ta’ Alan Harris, maħruġ aktar minn tletin sena ilu. Fit-taqsima dwar il-media hemm suġġeriti mistoqsijiet li jqanqlu diskussjoni fost l-adolexxenti. U stgħaġibt meta rajt kemm dawk il-mistoqsijiet għadhom jgħoddu sal-lum. Fost it-temi għad-diskussjoni hemm l-influwenza tat-televiżjoni u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni fuq il-ħajja taż-żgħażagħ; kemm jagħtuhom vista għall-aħbar kurrenti; kif jinfluwenzaw il-moda u l-mużika u l-abitudni għall-infiq tal-flus. Titqanqal il-kwistjoni ta’ kif il-media taffetwa d-diskors u l-lingwaġġ proprju, fil-familja u fi ħdan il-komunità. Imbagħad tasal għad-diskussjoni t-tema eterna tal-vjolenza fuq l-iskrin iż-żgħir (illum mhux daqstant “żgħir”). Veru li tant hemm vjolenza gratwita li ż-żgħażagħ jirrendu lilhom infushom vjolenti bħala riżultat? Jew il-vjolenza televiżiva tgħin biex iż-żgħażagħ “jeħilsu minnha u jwarrbuha mis-sistema tagħhom”? Min għandu raġun?

Harris iqis li l-aktar żewġ akkużi serji li jistgħu jsiru lill-produtturi televiżivi huma dawn: (a) il-qtil fuq l-iskrin hu meqjus bħallikieku xejn; tant hu trattat b’mod ħafif li dan qed iwassal biex l-imwiet vjolenti jkunu trattati bħala parti naturali tal-ħajja u (b) minħabba t-tixrid vast ta’ programmi bħal dawn, ir-reġjuni qed jitilfu l-identita’ tagħhom u ż-żgħażagħ qed jikkonformaw ma’ din l-imġiba, li ppenetrat l-iskrin anke permezz tal-karikatura vjolenti.

Tfulija mitlufa

Sadanittant, għadhom ħerġin bi frekwenza kbira studji dwar kif it-teknoloġija l-ġdida qed toħloq mudelli ġodda li qed iwasslu biex tintilef it-tfulija. Aktar ma jmur, aktar tfal qed jitilgħu f’ambjent domestiku karatterizzat mill-vjolenza, povertà, instabilità u kunflitt. Il-firda bejn dawk li għandhom ħajja tajba u dawk li ħajjithom tinsab f’deklin kontinwu qed tinħass dejjem aktar, ikkonkluda studju maħruġ mill-Università La Trobe ta’ Melbourne. L-aktar vulnerabbli huma dawk fl-estremità tal-faqar, fosthom tfal/żgħażagħ ta’ nisel etniku oriġinali, bħall-Aboriġini u n-nativi tat-Torres Straits. Iżda anke tfal mill-mainstream bdew iħossu l-effetti negattivi ta’ nuqqas ta’ ikel sensibbli, nuqqas ta’ rqad, nervożiżmu u tnaqqis serju tal-interazzjoni mal-familja.

Il-komunikazzjoni saret aktar “impersonali”, bit-tfal u l-adolexenti aktar jippreferu “jikkomunikaw” ma’ sħabhom bil-messaġġi milli bid-diskors. Jikkonkludi r-Rapport ta’ La Trobe: “Illum it-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ħafna informazzjoni diretta lejhom minn kull naħa, minn kull angolu, imma ftit li xejn hemm profondità u kważi m’hemm analiżi ta’ xejn.”

Franġisku: Hype u realtà

Il-Papa Franġisku wera ruħu bħala mudell ġdid għall-Knisja Kattolika u l-media kompliet żiedet id-dożi tal-pubbliċità kollha u fl-ewwel sena tal-pontifikat tiegħu: dan hu l-Papa li jaħsel saqajn il-priġunieri, li jippreferi jsuq hu stess Ford Focus modesta, li jgħix f’unit bla lussu ta’ xejn minflok fil-kumdità esklussiva tal-appartament papali. Fuq skala differenti, l-iskema pubbliċitarja tħabbatha mar-reċtar ta’ Ġwanni Pawlu II, li kien studja professjonalment l-arti tal-palk.

Franġisku deher jieħu pożizzjoni simpatika dwar il-kwistjoni tal-gays u qed jgħid (bħal Kristu) li għandna nobogħdu d-dnub mhux lill-midneb. M’huwiex ċar jekk hux qed jimplika li l-gays huma midinbin, imma fi kwalunkwe każ, qal li ma jridx jiġġudikahom.

Imma meta tqis kollox ma’ kollox, l-istil ta’ Franġisku I ma jmerix l-intransiġenza tal-Knisja Kattolika dwar materji fundamentali bħall-kontroll tat-twelid u l-abort u fuq kollox, dwar l-ordinazzjoni tan-nisa. Ta’ min ifakkar li l-Knisja potenti fl-Amerika Latina għadha tiprojbixxi bl-aktar mod katergoriku l-abort, anke biex tkun salvata l-ħajja tal-mara. 

Fil-każ tal-Papa Franġisku: Hi kwistjoni tal-istil kontra s-sustanza; tal-apparenza kontra r-realtà, tal-hype kontra l-konkretezza. Tal-psewdo-rivoluzzjoni kontra l-ortodossija vatikana li ilha tikkontrolla l-ħajja tal-fidili għal sekli li sfaru biż-żmien. 

More in Blogs