Is-suwiċidju tal-artisti

Williams kien artist li, minkejja riservatezza interjuri, kien jisfida l-konvenzjoni.

Robin Williams: l-artist li interjorizza d-dwejjaq tiegħu għal ħaddieħor bħal saċerdot komiku
Robin Williams: l-artist li interjorizza d-dwejjaq tiegħu għal ħaddieħor bħal saċerdot komiku

Is-suwiċidju ta’ Robin Williams (63) f’Kalifornja lejn nofs Awwissu jerġa’ jiffoka fuq il-fenomenu ta’ personalitajiet kreattivi li jagħżlu li jtemmu ħajjithom: Van Gogh, Mayakovski, Virginia Woolf, Sylvia Plath, Sarah Kane, Ernest Hemingway, Kurt Cobain u tant oħrajn mill-oqsma tal-arti plastika, it-teatru u l-mużika.

Kull sena, miljuni ta’ persuni madwar id-dinja jippruvaw itemmu ħajjithom. Persuna minn kull miljun jirnexxielha. Hemm awtoritajiet li jippruvaw joħolqu mezzi ta’ prevenzjoni, bħal xbieki taħt il-pontijiet jew “ċnut għoljin” fuq in-naħat ta’ pontijiet għoljin, biex persuni vulnerabbli ma jaqbżux għal isfel. Is-suwiċidju jiġi fil-ħdax-il post tal-lista tal-kawżi tal-imwiet fl-Istati Uniti. U issa sseħħet traġedja, il-każ riċenti ta’ Williams, il-kummidjant eċċentriku li “ried jgħin lil nies komuni jsibu lilhom infushom” permezz ta’ Mrs Doubtfire, Good Will Hunting jew Good Morning Vietnam, issettjat f’Saigon.

Williams kien artist li, minkejja riservatezza interjuri, kien jisfida l-konvenzjoni. Il-film tiegħu Dead Poets’ Society jattakka s-sistema riġida edukattiva, iżda fl-istess waqt dak kien xogħol profetiku, jintemm b’suwiċidju.

It-traġedja personali ta’ Robin Williams kienet żvelata b’aktar intensità meta martu ħabbret li kien inħakem mill-Parkinsons. U l-enerġija tiegħu ma kinitx tippermetti mewt bil-mod, devastanti.

Il-mistoqsija: l-artisti għandhom il-poter li jisfidaw il-konvenzjoni? U dik l-isfida twassal x’imkien? Fil-każ ta’ suwiċidju, jirnexxielhom jassumu li t-tmiem tal-ħajja hu d-dritt inaljenabbli ta’ min jippossjedi dik il-ħajja? X’inhi sewwasew ir-relazzjoni tal-artisti mas-soċjetà? Xi jfissru l-ambivalenzi? Mayakovski kien stmat bħala l-eroj tal-kitba rivoluzzjonarja tal-epoka Sovjetika tat-tletinijiet; imbagħad deluż, ikkommetta suwiċidju. Virginia Woolf, minkejja l-interjorità tagħha, kienet tħobb torganizza festini estravaganti għall-ħbieb. Imnejn titnissel din l-ambivalenza? Fin-nofs hemm jaħdem xi tip ta’ mekkaniżmu difensiv? Hemm xi forma ta’ rabja diretta lejn l-intern tal-artist/i?

Robin Williams żgur kellu taqbida dwar dan. Kien ta’ natural melankoniku li seta’ wasslu għal nevrożi serja (fis-snin sebgħin spiċċa fuq l-alkoħol u l-kokaina) u ra lil sieħbu intimu, John Pelushi, imut taħt għajnejh, b’doża eċċessiva. Williams ma kienx jagħti krettu lill-‘muża’. Għalih kienet ‘demonju intern.’

Dwar is-suwiċidju ta’ Robin Williams għad iridu joħorġu r-raġunijiet veri għall-mottivi. Nafu li kien kritiku ta’ politiċi bħal Ronald Reagan u nafu li kien jopponi l-gwerra u l-miżerja li tħalli warajha. Kien bniedem li jempatizza bil-qawwa mal-vittmi tal-gwerra u l-emerġinati fit-triq. Kien jemmen fis-saħħa emottiva u razzjonali tan-nisa: “Li kieku jmexxu d-dinja n-nisa, gwerer ma jkun hemm qatt; ikun hemm biss negozjati tmienja u għoxrin ġurnata kull xahar.” Fl-2011 Williams għamel stqarrija b’saħħitha kontra l-gwerra meta deher fi Broadway jaħdem f’Bengal Tiger at the Baghdad Zoo, dramm rebbieħ tal-Pulitzer Prize.

Il-kummidjant li tant ferraħ nies x’kien jaħseb dwar l-istat psikiku personali? “M’iniex iddispjaċut li m’iniex kuntent. Għalija dan virtù.” Mhux faċli tiżvela l-misteri tal-artisti.

Tgħid is-suwiċidju ta’ Williams u tant artisti oħra għandu x’jaqsam mal-“att ta’ sagrifiċċju”, mar-“rigal qaddis”, mas-“saċerdozju” b’messaġġ intensiv għall-umanità, ma’ att drammatiku li jnaddaf? Biex nuża l-ideal ta’ Artaud dwar it-teatru li jqaddes. Kull suwiċidju hu quddiesa f’ritwal straordinarju.

Forsi l-aħħar kelma trid tkun dwar meta fl-1988 Robin Willliams ħa sehem f’Waiting for Godot ta’ Samuel Beckett fil-Lincoln Centre fil-parti ta’ Estragon. Godot, meqjusa minn bosta kritiċi bħala l-aqwa kummiedja serja tas-seklu għoxrin, titkellem dwar żewġ vagabondi li qed jistennew lil xi ħadd li ma jitfaċċa qatt. Ix-xenarju hu vojt u stramb u jissuġġerixxi xebh mal-Golgota. It-tnejn li huma jidħlu f’argumenti bibbliċi, ngħidu aħna, dwar il-ħalliel it-tajjeb u l-ħalliel il-ħażin. Analisti minn kullimkien interpretaw lil Godot bħala l-assenza ta’ Alla, li fil-mument ta’ kriżi ma jitfaċċa qatt. Donnu li lanqas fil-kriżi dipressiva intensa ta’ Robin Williams ma tfaċċa.

Anki f’Godot iż-żewġ vagabondi kummidjanti jixhdu turment moħbi, xi ħaġa li Williams kien magħruf għaliha, kif in-niket stramb kien iżommu għalih u fil-frattemp joħloq benevoliżmu feddej favur dawk li l-aktar għandhom bżonnu.

More in Blogs