Affari spjaċevoli
Din il-ġimgħa rtira l-Imħallef Farrugia Sacco iżda ma sar l-ebda rit li s-soltu jsir meta jirtiraw imħallfin oħra
Din il-ġimgħa rtira l-Imħallef Farrugia Sacco. Normalment, meta jirtira mħallef issir seduta tal-aħħar li fiha l-imħallef jindirizza l-miġemgħa li normalment tkun magħmula minn ġudikanti oħra, uffiċjali tal-qorti, avukati u ġieli anke xi ministru jew xi uffiċjal ieħor taċ-ċivil. Din id-darba, ma sar xejn minn dan u x’aktarx dan ma ġarax għax qegħdin f’nofs il-vaganzi tal-qorti imma peress li l-imħallef in kwistjoni kien qiegħed jaffaċja proċeduri għat-tneħħija tiegħu. Minn Jannar li għadda ’l hawn, il-Prim Imħallef kien neħħielu l-kawżi li kellu quddiemu, deċiżjoni li qajla attirat attenzjoni u li sa fejn naf jien, din id-deċiżjoni kienet bla preċedent imma l-imħallef in kwistjoni ma kkontestahiex.
Fuq dan il-każ diġà tkellimt fil-kontribut tiegħi tas-27 t’April 2014 (“Don Quixote fostna”). Dan hu każ ferm kontroversjali bil-partiti politiċi jieħdu pożizzjoni diametrikament opposta. Fil-qosor, l-Imħallef Farrugia Sacco kien president tal-Kumitat Olimpiku Malti. Mhux l-ewwel darba li membru tal-ġudikatura kien jokkupa kariga f’għaqda volontarja. Imma wara diversi kontroversji li kienu jinvolvu membri tal-ġudikatura, tnieda kodiċi ta’ etika tal-ġudikatura, wara li Farrugia Sacco kien laħaq imħallef, u tali kariga saret inkompatibbli mal-uffiċċju ta’ ġudikant. Madankollu, Farrugia Sacco rrifjuta li jirriżenja minn kariga jew oħra u kompla bħal qabel. Din id-deċiżjoni qanqlet bosta kritika imma effettivament, ma tantx kien hemm x’tagħmel għax il-kodiċi ta’ etika mhux mandatorju. Kwalunkwe mozzjoni sabiex jitneħħa kienet tkun fjakka u kien pjuttost ċar li ma kinitx se tgawdi l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Kamra bħalma ġara fil-każ preċedenti tal-Imħallef Anton Depasquale.
Is-sitwazzjoni nbidlet drammatikament meta fis-sajf tal-2012, is-Sunday Times ta’ Londra ppubblikat online filmat ta’ ġurnalisti li lagħbuha ta’ negozjanti f’laqgħa ma’ Farrugia Sacco u mas-segretarju tal-Kumitat Olimpiku li fiha ddiskutew il-bejgħ tal-biljetti li jiġu allokati lil Malta għal-logħob Olimpiku tax-xitwa li saru ftit xhur ilu f’Sochi. Id-diskors li sar ta lok għal ħafna tħassib u Farrugia Sacco reġa’ sab ruħu f’nofs kontroversja kbira. Li mhux ċar hu għala l-gvern ta’ Gonzi stenna sitt xhur sabiex jippreżenta mozzjoni ta’ impeachment u ppreżentaha meta l-Parlament kien diġà sfiduċja l-gvern Nazzjonalista u l-parlament kien wasal biex jiġi xolt. Ippreżentaha fil-15 ta’ Diċembru 2012 flimkien ma’ mozzjoni ta’ impeachment oħra fir-rigward ta’ ġudikant ieħor li eventwalment irriżenja wara li nqabad f’ċirkostanzi kompromettenti.
Il-Parlament ma laħaqx iddiskuta din il-mozzjoni qabel ma ġie xolt. F’każijiet bħal dawn, qabel mal-Parlament jista’ jiddiskuti tali mozzjoni, skont il-Kostituzzjoni, il-mozzjoni trid tiġi diskussa mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk prima facie hemmx każ kontra l-ġudikant. Farrugia Sacco ma rnexxilux ineħħi żewġ membri tal-Kummissjoni li dehrlu li ma kinux imparzjali anke wara li mar fil-Qorti Kostituzzjonali. Meta l-Kummissjoni sabet fis-6 ta’ Jannar 2014 kontra Farrugia Sacco, u l-mozzjoni ġiet biex tiġi diskussa quddiem il-Parlament il-ġdid, tqajjem il-punt jekk il-mozzjoni oriġinali baqgħetx valida peress li intant kien xolja l-Parlament li fih ġiet ippreżentata. Fil-passat, l-ispeaker tal-epoka, Lawrence Gonzi, kien ta ruling li tali mozzjoni tibqa’ valida minkejja li jkun xolja l-parlament wara li ċċita lil Erskine May, il-bibbja tal-proċedura parlamentari ta’ Westminster u rrefera għall-prassi f’pajjiżi oħra tal-Commonwealth. L-ispeaker attwali, Anġlu Farrugia, għażel li ma jimxix fuq dan ir-ruling u ddeċieda fit-28 ta’ Jannar 2014 li l-mozzjoni oriġinali m’għadhiex valida u dan anke peress li min kien ipproponiha oriġinarjament ma kienx għadu fil-Parlament.
Il-Prim Ministru Muscat reġa’ ppreżenta l-mozzjoni ta’ impeachment dakinhar stess li reġgħet intbagħtet quddiem il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma tilfitx żmien u fit-3 ta’ Frar 2014, b’ittra ffirmata mill-President Abela, li ma kienx ħa sehem fid-deliberazzjoni dwar l-ewwel mozzjoni minħabba kunflitt t’interess, infurmat lill-Kamra li m’għandhiex x’iżżid mad-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Jannar 2014. Farrugia Sacco reġa’ mar quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għax ippretenda li l-Kummissjoni terġa’ tisma’ l-provi mill-ġdid u wara li tilef fl-ewwel istanza, issa qiegħed jistenna d-deċiżjoni definitiva tal-Qorti Kostituzzjonali.
F’dan l-istadju, il-Parlament għażel li ma jiddiskutix il-mozzjoni ta’ impeachment qabel ma jiġu deċiżi l-proċeduri kostituzzjonali. Din kienet bla dubju l-aktar deċiżjoni kontroversjali. Il-Parlament huwa sovran u għalkemm il-Qorti Kostituzzjonali għandha d-dritt li tiddikjara liġijiet tal-Parlament bħala lesivi tal-Kostituzzjoni, ma jistgħu jittieħdu l-ebda proċedimenti ċivili jew kriminali kontra membri tal-parlament għal xi ħaġa li jgħidu fil-kors tad-diskussjoni parlamentari. Il-fatt li l-Parlament iddeċieda, wara li x’aktarx ma ntiżnux l-implikazzjonijiet kollha, li ma jiddiskutix mozzjoni sakemm tinqata’ kawża kostituzzjonali toħloq preċedent ferm perikoluż.
Hu x’inhu l-każ, u irrispettivament min kif wieħed jaħseb fir-rigward, l-affari Farrugia Sacco hija ferm sfortunata u turi nuqqasijiet serji fil-qafas kostituzzjonali ta’ pajjiżna. Il-fatt li l-Parlament ma ddeċidiex mozzjoni sabiex isir indirizz lill-President sabiex jitneħħa mħallef qabel ma dan l-imħallef laħaq irtira bl-età, tħares kif tħares lejha, huwa nuqqas serju. L-anqas mhu ġust fuq l-istess imħallef li rtira b’dan id-dell fuqu. Fuq kollox, il-pajjiż jistenna li l-Parlament jiddeċiedi l-kwistjonijiet li jitqanqlu quddiemu u mhux jipprokrastina minħabba raġunijiet oskuri u aġendi mhux ċari. Il-Parlament kellu wkoll il-prerogattiva li jiddeċiedi li n-nuqqasijiet allegati fil-konfront tal-Imħallef Farrugia Sacco, għalkemm ċensurabbli, ma kinux jimmeritaw li jitneħħa. Kienet tkun deċiżjoni li mhux kulħadd kien jaqbel magħha imma li kienet tkun validissima u permezz tagħha, il-parlamentari jkunu assumew ir-responsabbiltà politika tagħhom. Kif żviluppat din l-istorja, tali responsabbiltà baqgħet ma ġietx assunta.
Il-pożizzjoni tal-Parlament li jiddiferixxi sakemm tinqata’ l-kawżi kostituzzjonali qajla tagħmel sens. Nimmaġina li kieku l-Imħallef iddeċieda li jieħu l-każ tiegħu Strasbourg, il-Parlament kien joqgħod jistenna wkoll. Pożizzjoni assurda għall-aħħar u fl-istess ħin ipokrita. Ipokrita għax meta wieħed jara kemm il-Parlament jinjora b’regolarità sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qisu ma ġara xejn, allura wieħed ma jistax ma jirrimarkax li d-differenza apparenti lejn il-Qorti Kostituzzjonali kienet motivata minn raġunijiet ta’ konvenjenza politika u l-ħtieġa li ma tteħditx deċiżjoni, li tittieħed kif tittieħed, ma kienet se togħġob lil kulħadd.
Is-sitwazzjoni li nħolqot hija waħda ta’ kaos istituzzjonali deplorevoli. Fuq kollox, wieħed ċertament kien jistenna aktar maturità mill-protagonisti sabiex ma tinħoloqx tali sitwazzjoni. Imma ħadd mhu perfett u ġara li ġara. Issa sta għad-dinja politika li bil-kalma tiġbed il-konklużjonijiet tagħha u jsir dak it-titjib fil-mekkaniżmu istituzzjonali sabiex jevita ripetizzjoni ta’ tali sitwazzjoni spjaċevoli.
Li jġibni għal punt ċentrali ta’ dan il-kontribut. Il-ħtieġa ta’ riforma kostituzzjonali ilu jinħass. Ix-xahar id-dieħel il-Kostituzzjoni tagħna tagħlaq ħamsin sena, ħamsin sena li fiha l-Kostituzzjoni qdietna, ħażin jew tajjeb imma mhux dejjem b’mod sodisfaċenti. L-aktar ħaġa insodisfaċenti hija l-interpretazzjoni li l-istess Qorti Kostituzzjonali tagħti lill-artiklu 6 tal-Kostituzzjoni li “jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.” Meta l-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni, minkejja l-artiklu 6, hawn min isostni, anke fost l-akkademiċi, li tali liġi tibqa’ fis-seħħ sakemm tinbidel mill-Parlament. Inoltre, il-Qorti Kostituzzjonali sostniet li sentenza li ddikjarat li liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni torbot biss lil min għamilha u mhux lil kulħadd.
Ftakart f’din l-assurdità dan l-aħħar meta l-Qorti Kostituzzjonali tal-Uganda annullat minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura parlamentari liġi li f’ċerta ċirkostanzi kienet anke tikkontempla l-piena kapitali għall-atti omosesswali. Bir-raġunament tal-Qorti Kostituzzjonali tagħna, kull persuna omosesswali kien ikollu jagħmel kawża sabiex jimpunja l-liġi in kwistjoni u dan bit-tama li s-sentenzi kollha jingħataw bl-istess mod. Ċert li l-Uġandiżi għandhom ferm aktar buon sens minnha f’dan ir-rigward.
Il-Kostituzzjoni tagħna ġiet emendata bosta drabi f’dawn l-aħħar ħamsin sena, ħafna drabi sabiex nirrispondu għall-ċirkostanzi politiċi novelli. Ilha tinħass il-ħtieġa ta’ ħarsa ħolitiska sabiex tiġi aġġornata l-Kostituzzjoni, jitjiebu l-proċeduri istituzzjonali u tingħata aktar saħħa u drittijiet liċ-ċittadin. Fil-leġislatura preċedenti kien tnieda Kumitat Magħżul li, wara bidu inkoraġġanti, spiċċa bbojkottjat mill-Oppożizzjoni minħabba inċident totalment mhux relatat. Il-proċess ta’ tiġdid kostituzzjonali miet fuq ruħ ommu. Il-gvern attwali wiegħed Konvenzjoni Kostituzzjonali imma wara 500 jum, ftit jidher li hemm ħeġġa biex tinbeda l-ħidma tagħha u għadu mhux magħruf kif se tkun komposta u kif se taħdem.
L-affari Farrugia Sacco turi għal darb’oħra l-urġenza ta’ riforma kostituzzjonali li tikkonsolida t-tajjeb u tindirizza n-nuqqasijiet tal-Kostituzzjoni tagħna wara l-esperjenza tal-aħħar ħamsin sena.
Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.