Il-poeżija tal-ħabs
Mitt sena ilu, sewwasew f’Awwissu tal-1914, l-awtoritajiet kolonjali Ingliżi eżiljaw lil Manwel Dimech, difensur taż-żgħir u xewka f’dahar dawk (inkluża l-Knisja, kompliċi tal-Ingliżi) li riduh jibqa’ injorant u mkasbar.
Dimech, li bis-saħħa ta’ xi rwieħ twajba, ministri ekkleżjastiċi Maltin u, fuq kollox, Ministru tal-Knisja Protestanta, ir-Rev George Wisely, kien refa’ lilu nnifsu mill-miżerja mentali u mill-kriminalità u ttrasforma lilu nnifsu fi bniedem tal-ħsieb, ta’ intellettwali nazzjonali xellugi, jitkellem, jaqra, jikteb u saħansitra jitgħallem diversi lingwi.
Kien weħel il-ħabs għaxar darbiet, darba minnhom fuq każ gravi ta’ kompliċità fi qtil taħt il-mina tal-Bombi. Ħelisha mill-forka għax kien għadu taħt l-età.
Dimech kiseb notorjetà kbira bħala għadu tal-Knisja, li kien jaraha bħala aġent tal-oppressjoni mentali fuq il-poplu, imgħaddas fil-faqar u fil-miżerja tal-ġisem u tal-moħħ. Il-kitbiet tiegħu fil-Bandiera tal-Maltin, ġurnal ta’ nhar ta’ Sibt, mibdi f’Jannar tal-1898, kienu maħsubin biex iservu ta’ “ħatar u ta’ tarka” favur dawk li ma kellhomx lil min jaqbeż għalihom, li ma kellhom privileġġi ta’ xejn. Aktar minn hekk, il-ġurnal ried jistimula għall-bidliet soċjali, għas-sindakaliżmu, għad-demokrazija popolari u għad-drittijiet tan-nisa. Fil-ħabs, Dimech kien studja bla heda, u bil-qari (u mbagħad bis-safar) iddakkar mill-movimenti illuministi Ewropej. Qara lil Voltaire u fl-Italja ġie wiċċ imb wiċċ mal-movimenti tar-reżistenza antiklerikali. F’editorjal ta’ Dimech fl-ewwel ħarġa tal-bandiera appella biex is-sħab iswed jgħib għax iġib miegħu weraq niexef u għajjien li jeħtieġ jinżabar: “Ħalli titla’ x-xemx biex idawwal żernieq ta’ qawmien ġdid, fejn is-siġra tagħti l-frott tagħha hekk kif il-Malti mdawwal iżomm il-ktieb (tat-tagħlim) u bis-serp taħt saqajh.” Dan il-ħsieb kien intuża biex ix-Xirka tal-Imdawlin ikollha l-logo tagħha.
Ċertament, pożizzjoni bħal dik ma kinitx se tinżel ħelwa mal-awtoritajiet ekklesjastiċi u kolonjali, li dejjem riedu poplu mans u sottomess, kif riedu, wara kollox, kulfejn ħakmu.
L-ewwel riċerkatur u storiku serju li wassal l-ideat ta’ Dimech lill-poplu Malti wara l-Indipendenza tal-1964 kien Henry Frendo, illum direttur tal-Istitut għall-Istudji Maltin fl-Università (fejn, ironikament, teżi akkademika, minkejja l-protesti kollha ta’ Frendo, ma titħalliex tinkiteb bil-Malti!).
Fl-1971, Frendo kien ħareġ il-ktieb Lejn Tnissil ta’ Nazzjon (edizzjoni tal-Klabb Kotba Maltin) u diġà kien hemm min beda jitqarras li akkademiku żagħżugħ bħalu kien se jirxoxta l-kult notorju ta’ Manwel Dimech, persona non grata fi ċrieki “diċenti” sa minn mindu mietet fl-eżilju f’Lixandra, fl-1921.
Dak iż-żmien ukoll, Henry Frendo kien l-editur tal-ġurnal para-ekkleżjatiku Il-Ħajja u r-riċerka dwar Dimech mill-ewwel dehret perikoluża. L-impjieg tiegħu minn mal-ġurnal ma damx ma kien itterminat. Għall-kronaka ta’ x’kien ġara eżatt, qed nikkwota minn ittra elettronika li l-Professur Frendo bagħatli fil-25 ta’ Lulju ta’ din is-sena stess. Nikkwota lil Frendo, fejn jagħmel referenza għall-ktieb dwar Dimech, Lejn Tnissil ta’ Nazzjon:
“L-impjieg ġie terminat mill-Kurja, illegalment skont il-Qorti tal-Maġistrati (‘without just and sufficient cause’), iżda fl-appell l-Imħallef Fortunato Mizzi (li ma kellu x’jaqsam xejn mal-Pater Patriae) ġie b’biċċa karta fejn qal li mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-każ, il-liġi dwar każ bħal dan kienet ‘preskrittiva mhux imperattiva’, ergo la kellhom għalfejn jerġgħu jimpjegawni u lanqas iħallsuni s-salarji dovuti! Kont qiegħed nistenniha għax meta mort għand l-Isqof il-palazz biex inġib lura l-manuskritti ta’ Lejn Tnissil ta’ Nazzjon, Gerada kien wissieni li bħala editur tal-gazzetta tal-Knisja ma stajtx nippubblika xogħol bħal dan. Jien l-MSS tal-ktieb ippjanat kont ħadthom lura u għidtlu li xorta waħda kont se nippubblikah għax kelli First Class fl-Honours bit-teżi tiegħi dwar ‘Dimechianism’.
Mid-dehra kien qabad u tahomlu mingħajr il-permess tiegħi, il-klijent, id-direttur tal-(istamperija) Empire Press, ċertu Dun Aronne. Meta l-ktieb baqa’ ma ħariġx kont mort għalihom għandu, l-Istitut Kattoliku isfel, u bagħatni l-Palazz tal-Isqof għax kien hemm! Kienu nkwetati li stajt ħriġt il-ktieb qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju 1971.”
Il-Professur Frendo baqa’ jinteressa ruħu, b’mod ferventi, f’Manwel Dimech. L-għatx tiegħu biex ikompli jiskopri saffi ġodda tal-personalità kumplessa (u ikonika) ta’ Dimech, il-ħabsi mibdul f’intellettwali kontinentali, kompla juri ruħu meta xi ġimgħat ilu ħareġ il-ktieb bil-poeżiji li Dimech kiteb mill-ħabs ta’ Kordin. Kien jonqsu tliet xhur biex jagħlaq it-tnejn u għoxrin sena.
NOTA: Hu ġust li dwar Manwel Dimech tissemma riċerka oħra li għamlu dwar ir-ribell edukatur Geraldu Azzopardi, Francis Galea u Patri Mark Montebello. Importanti wkoll referenza għall-monument ta’ Dimech (ispirat minn ikonografika Russa) li ħadem l-Iskultur Anton Agius (1933-2008) u li tqiegħed f’Misraħ Kastilja.