
Agħmillu libell!
Il-libelli huma maħsuba mhux biex jagħlqu ħalq l-istampa iżda biex propju jħarsu klima nieqsa mit-theddid lil xi ħadd li jrid jagħlaqlek ħalqek.

Il-libelli saru industrija. Kull sena jsiru biżibilju ta’ libelli. Għal kull ħaġa ta’ xejn isir libell. Trid tagħlaq ħalq dak li jkun għamillu libell. Il-libelli huma maħsubin li joħolqu bilanċ bejn id-dritt tal-istampa li tirrapporta fi klima ta’ demokrazija u l-ħarsien tal-isem tajjeb u reputazzjoni tal-persuna.
Jiena qatt ma ħarist lejn il-liġi tal-libelli Maltija bħala xi tarka tal-espressjoni tal-kelma. Fost affarijiet oħra qatt ma fhimt kif min jippubblika jekk jiġi l-libellat hemm anke l-possibbiltà li jmur il-ħabs. Fl-aħħar kampanja elettorali Pawlu Borg Olivier kien għamel plejtu sħiħ għaliex kien hemm iċ-ċans li jmur il-ħabs fuq dak li qal u ġie rrapportat li qal. Li titfa’ ġurnalist il-ħabs anke jekk forsi jkun żbalja għandha riħa mill-Inkwiżizzjoni Spanjola.
Il-libelli huma maħsuba mhux biex jagħlqu ħalq l-istampa iżda biex propju jħarsu klima nieqsa mit-theddid lil xi ħadd li jrid jagħlaqlek ħalqek. Forsi dak li jkun jargumenta li liġi bħal tagħna hemm f’pajjiżi oħrajn. Iżda l-argument tiegħi li fi gżira bħal tagħna fejn kulħadd jaf lil kulħadd u li l-politika taqtagħha mhux b’sikkina iżda b’imterrqa, dawn ix-xorta ta’ liġijiet jagħmlu sens jew aħjar żmienhom għamluh.
F’dawn l-aħħar 25 sena saru ħafna tibdiliet f’ħafna liġijiet. Għal xi raguni l-liġi dwar il-libelli qatt ma nbidlet. Anzi mhux qiegħed inkun preċiż. Kienet inbidlet għall-agħar. Ħraxu l-pieni u l-kundanni li tista’ tagħti l-Qorti. Minn ħamest elef ewro llum jistgħu jikkundannaw lil dak li jkun għal ħdax-il elf ewro.
Għaċ-ċirkostanzi ta’ Malta dawn iċ-ċifri u dawn il-pieni u għal kollox irrealistiċi. Il-gazzetti Maltin mhumiex dawk li hemm l-Ingilterra b’suq kbir u b’bi flus ma jispiċċaw qatt. Il-gazzetti Maltin huma żgħar u ta’ kuljum iridu jaraw mhux kif se jagħmlu l-flus iżda kif se jaqilgħu flus biżżejjed biex talinqas iħallsu l-pagi, is-suq tar-riklami huwa żgħir ħafna u għal kull għadma mhux mija, iżda hemm elf kelb.
Il-gazzetti jaqilgħu x’jieklu mir-riklami u jekk ditta tar-riklami tiddeċiedi li ma tridx taf bik hemm iċ-ċans li jkollok tagħlaq. Fis-suq tar-riklami hemm ħafna u ħafna patronaġġ li ma jidhirx għalkemm jinħass. Din hija l-klima reali li qegħdin joperaw fiha llum il-gazzetti. Kull ma jonqos hu li jtapptuhielhom il-Qrati.
Għalhekk jiena ma naqbel xejn ma’ min qiegħed jissuġġerixxi li jiżdiedu l-pieni u tiħrax il-liġi tal-istampa. Fir-realtà l-liġi tiġi ħarxa u l-pieni huma projbittivi. Li tkompli tħarrax il-liġi tal-istampa mhix soluzzjoni biex tipproteġi l-isem tajjeb ta’ dak li jkun. Min tassew għandu reputazzjoni tajba, kemm jekk fil-kamp politiku u kemm jekk le, m’għandux għalfejn jibża’ li jkun liġi tal-istampa li tkun aktar liberali.
Ma għandna nagħmlu xejn li nnisslu biża’ fil-ġurnalista sal-punt li għalkemm ikun jaf li dak li jixtieq jippubblika huwa minnu hemm ċans tajjeb li jirrokka quddiem il-Qrati. Meta dan l-aħħar iltqajt ma’ wieħed li rebaħ libell u qalli, ‘nirringrazzjaw ’l Alla li ma konniex l-Ingilterra għax kieku kienu jfaqqruna’ jiena wegibtu li ma naqbilx miegħu. Għidtlu li kieku konna l-Ingilterra bil-fatti li kellna kien ikun hemm ċans tajjeb li kien ikun li jirrokka. Iżda mhux qegħdin l-Ingilterra.
Wara kollox reputazzjoni tajba ma fihiex valur. Din li jitqiegħed prezz fuq ir-reputazzjoni qatt ma fhimtha. Lanqas is-sentenzi mhuma bħal xulxin, għaliex fl-istess ċirkostanzi u gravità hawn min jeħel mod u hawn min jeħel ieħor. Ġieli fis-sentenzi stess nilmaħ affarijiet li veru jġegħluni naħseb serjament, għaliex kulħadd għandu s-simpatiji u l-preġudizzji tiegħu bħalma wara kollox għandi jiena.
Għalhekkk jiena nemmen li rridu nsibu alternattivi ġodda għaż-żminijiet tal-lum. Irridu narmu għal kollox il-liġi tagħna u kwistjonijiet tal-istampa ma naħsibx li għandhom jitħallew biss f’idejn il-klassi legali. Diġà teżisti struttura li huwa l-Bord tal-Istampa li nistgħu ntejbu. Wara kollox irrevendika tal-fama tajba hi dikjarazzjoni ċara li l-immalfamat kellu raġun u min stampa ma għamilx sewwa. Il-liġi tal-Istampa għandha tħares l-isem tajjeb ta’ dak li jkun u titfa’ dell fuq il-kredibbiltà ta’ min jistampaha.
Jiena niftakar id-deċiżjoni tal-Bord tal-Istampa fir-rigward ta’ dak li darba ntqal minn Lou Bondi dwar Julia Farrugia. Kienet deċiżjoni li qegħdet fid-dubju l-kredibbiltà ġurnalistika ta’ Lou Bondi, li ma tridx wisq biex tagħmilha, l-aktar l-aktar illum, u tat raġun lil Julia Farrugia.
Dakinhar il-ħsara inġusta li saret lil Julia Farrugia kienet issewwiet u Lou Bondi ħareġ anqas kredibbli. Julia ma ħaditx flus iżda salvat isimha. Lou ma ġiex ikkundannat somom ta’ flus iżda tilef ismu sa fejn jirrigwarda dwar dak li qal fuq Julia. Jiena nemmen li għandna naħsbu fuq dawn il-linji.
Apparti dan kollu hemm liġi oħra li mhix tal-Istampa li hemm anke llum. Għal dawk li bil-gideb ta’ ħaddieħor isoffru xi ħsara materjali dejjem hemm il-liġi ordinarja tad-danni. Kull min minħabba għemilu jikkawża danni materjali bil-gideb li għid fuq ħaddieħor irid iwieġeb għad-danni. Dan tgħidu anke l-ligi tal-istampa llum!
Din liġi li kienet, għadha u se tibqa’ hemmhekk. Iżda għas-sempliċi malafama li b’sempliċi dikjarazzjoni ġudizzjarja tista’ tkun riparata, id-danni morali ma għandhomx ikun daqstant kbar b’mod li l-libellat ikun jista’ jagħmel cruise madwar id-dinja bil-familja, bil-kunjata u l-kelba li għandu d-dar. Ma għandhomx jaqtgħu nifs il-ġurnalist.
Jiena nemmen, li aħjar gidba fuqi u l-istampa kollha tkun ħielsa, milli stampa mhix ħielsa biex ħadd ma jkun jista’ jigdeb fuqi.