Ma nilludux ruħna

Ftit xhur ilu l-mexxejja tal-ewrożona emmnu li kienu salvaw mill-maltempata...

Merkel u Hollande ma jiċċaqalqux fil-pruwa, Renzi warajhom qisu l-imbeċilli b’ġelat f’idejh u Draghi jitħabat ibattal l-ilma mid-dgħajsa
Merkel u Hollande ma jiċċaqalqux fil-pruwa, Renzi warajhom qisu l-imbeċilli b’ġelat f’idejh u Draghi jitħabat ibattal l-ilma mid-dgħajsa

Din hija t-tieni darba dan ix-xahar li se nitkellem dwar is-sitwazzjoni fl-ewrożona, sitwazzjoni li sejra mill-ħażin għall-agħar. Biex tindika l-gravità tas-sitwazzjoni, il-qoxra tal-ħarġa ta’ din il-ġimgħa tal-ġurnal Ingliż The Economist turi dgħajsa qiegħda tegħreq b’Merkel u Hollande ma jiċċaqalqux fil-pruwa, Renzi warajhom qisu l-imbeċilli b’ġelat f’idejh u Draghi liebes flokk jitħabat ibattal l-ilma mid-dgħajsa bil-barmil.

Tajjeb li nfakkar ftit x’kont ktibt fil-passat dwar din il-kriżi li dwarha ktibt diversi drabi. Fl-20 ta’ Jannar 2013 taħt it-titlu “It-Triq ta’ Ateni” kont għidt: “Jekk il-politiċi Ewropej jirrilassaw issa li s-saqaf m’għadux aktar se jaqa’ fuqhom u ma jwettqux ir-riformi meħtieġa, iż-żmien li rebaħ Draghi bil-bravura tiegħu mhu se jiswa xejn.”

Il-qoxra ta’ din il-ġimgħa ta’ The Economist qaxxar is-sitwazzjoni attwali. Wara li ħmistax ilu tajna ħarsa lejn il-figuri diżastrużi tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiżi membri, il-figuri li komplew joħorġu din il-ġimgħa komplew juru stampa xejn sabiħa. L-aktar figura inkwetanti hija ironikament dik tal-għoli tal-ħajja. Fejn sa ftit snin ilu, l-inflazzjoni kienet l-għadu pubbliku numru wieħed, issa qegħdin nassistu għall-fenomenu ta’ inflazzjoni baxxa jew anke ta’ deflazzjoni, meta l-ħajja attwalment issir tiswa anqas, F’Awwissu l-għoli tal-ħajja fl-ewrożona niżel għal 0.3% kontra 0.4% f’Lulju, lanqas rata f’ħames snin. L-Italja attwalment daqet id-deflazzjoni għall-ewwel darba mill-1959 għax f’Awwissu l-ewwel stimi preliminari juru tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 0.1%. Dan meta l-objettiv iddikjarat tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) hu rata tal-għoli tal-ħajja ta’ 2% fis-sena. Tant hija severa l-kriżi fl-ewrożona li l-prezzijiet bdew jorħsu kontra dak li lkoll li aħna ilna nesperjenzaw ħajjitna kollha.

Forsi hemm min jgħid bejnu u bejn ruħu x’hemm ħażin li l-ħajja torħos flok ma tibqa’ togħla. L-ekonomisti jgħallmu li dan hu fenomenu ferm negattiv għaliex il-konsumaturi jipposponu x-xiri tagħhom għax jantiċipaw li l-prezzjiet se jorħsu aktar. B’hekk, il-kriżi ekonomika tmur għall-agħar. Aspett ieħor ferm negattiv hu li min hu midjun, u kif nafu kemm il-pajjiżi tal-ewrożona kif ukoll il-konsumaturi f’dawn il-pajjiżi huma ferm midjunin, isibuha aktar diffiċli li jħallsu d-dejn tagħhom. 

Anke r-rata tal-qgħad fl-ewrożona f’Lulju baqa’ f’livell ta’ kważi rekord ta’ 11.5%. Mentri f’ċerta pajjiżi, il-qgħad nieżel, fl-Italja, il-qgħad reġa tela’ għal 12.6%. Hu stmat li l-Italja tilfet 1,000 impjieg kuljum matul Lulju. Fi Franza, in-numru ta’ nies qiegħda żdied b’0.8% f’xahar għal 10.3% u laħaq rekord ta’ ftit anqas minn 3.5 m. 

Laqtuni din il-ġimgħa żewġ kummenti simili minn tnejn minn nies ferm differenti. Manuel Valls, il-Prim Ministru Franċiż saħaq li Franza ilha tgħix aktar milli tiflaħ għal dawn l-aħħar erbgħin sena. Min-naħa tiegħu, Giorgio Squinzi, il-propjetarju tal-Mapei u president tal-Konfederazzjoni tal-Industrijali Taljani qal li l-Italja ilha għoxrin sena tgħix aktar milli tiflaħ. Kwalunkwe diskussjoni dwar l-Ewropa bil-fors irid jiċċentra fuq tliet figuri li Merkel tħobb issemmi: 7% tal-popolazzjoni dinjija, 25% tal-PGD dinji u 50% tal-benefiċċji soċjali fid-dinja. 

Niġu lura għall-editorjal fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa ta’ The Economist li, bħall-qoxra tiegħu, fih ħafna x’tixtarr: Ftit xhur ilu l-mexxejja tal-ewrożona emmnu li kienu salvaw mill-maltempata. Fuq il-kelma ta’ Draghi li jagħmel “dak kollu meħtieġ” sabiex sostni l-ewro, il-kunfidenza bdiet ġejja lura u l-ekonomija dehret li bdiet tikber, għalkemm bil-mod. Pajjiżi periferiċi fl-inkwiet bdew jirkupraw wara bail-outs u miżuri ħorox biex jonqos id-defiċit u titjieb il-kompetittività. Il-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, baqa’ ferm għoli imma f’bosta pajjiżi beda jonqos. U l-investituri ma baqgħux jilagħbu li l-ewro se jikkrolla u r-rati ta’ mgħax fuq it-titli tal-istati membri niżlu ferm. Kienet kollha illużjoni. Il-figuri ekonomiċi, kif diġà rajna llum u ħmistax ilu, huma ferm ħżiena u t-tielet tliet xhur tas-sena ma jidhirx li se jkunu aħjar. Dan b’kuntrast qawwi mal-Amerka u r-Renju Unit li l-ekonomiji tagħhom qed jikbru sew. 

Skont l-Economist, il-kawżi tal-problemi fl-Ewropa huma tlieta: nuqqas ta’ mexxejja politiċi bil-kuraġġ u l-konvizjoni li jwettqu riformi strutturali sabiex itejbu l-kompetittività biex terġa’ tibda tikber l-ekonomija. Il-pajjiżi l-kbar ħlew sentejn li Draghi rebaħ f’Lulju 2012 bl-impenn pubbliku tiegħu li jiddefendi l-ewro akkost ta’ kollox. Fit-tieni lok, l-opinjoni pubblika mhijiex konvinta bil-ħtieġa urġenti għal tibdil profond u radikali. U fit-tielet lok, minkejja l-isforzi ta’ Draghi, il-qafas monetarju u fiskali huwa riġidu wisq u qed joħnoq it-tkabbir ekonomiku u fl-istess ħin, qed jagħmilha aktar diffiċli li jitwettqu r-riformi strutturali. 

L-Economist jawgura li l-mexxejja Ewropej jissuperaw id-differenzi ta’ bejniethom u fil-waqt li l-Ġermanja tħalli li Franza u l-Italja jaqbżu d-defiċit tagħhom b’aktar minn 3% tal-PGD kif jiddetta t-Trattat ta’ Maastrict sakemm jimpenjaw ruħhom għal riformi strutturali, il-Ġermanja taċċetta politika fiskali anqas riġida b’aktar investiment pubbliku anke fil-Ġermanja u politika monetarja aktar rilassata. 

Għandi dubji kbar kemm dak li qed jawgura l-Economist se jseħħ. Imma l-pressjoni fuq il-Ġermanja biex tillaxka l-politika riġida t’awsterità qiegħda dejjem tikber. Il-ġimgħa l-oħra, Draghi fid-diskors tiegħu fil-laqgħa ta’ kull sena f’Jackson Hole indika biċ-ċar li qiegħed jaħseb li jadotta l-istrument ta’ quantitative easing bix-xiri massiċċ ta’ titli tal-istat kif għamlu l-banek ċentrali Amerikana u Ingliża sabiex jistimulaw l-ekonomiji tagħhom. Il-BĊE huwa projbit bl-istatut tiegħu li jsellef lill-istati membri imma effettivament dan is-self diġà qiegħed isir kemm bix-xiri ta’ titli ta’ anqas minn tliet snin kif ukoll bl-injezzjoni ta’ likwidità fis-sistema bankarja li min-naħa tagħha ħafna drabi tispiċċa tixtri t-titli tal-istat bi qliegħ kbir għall-banek. 

Għad irridu naraw jekk il-BĊE huwiex se jissupera l-objezzjonijiet tal-Bundesbank u jimbarka fuq politika ċara ta’ quantitative easing. Flok barmil, Draghi jixgħel il-pompi tad-diesel! Imma forsi l-akbar ħtieġa li għandha l-ewrożona hi għal rilassament tal-politika monetarja għaliex l-aktar ħaġa li qed toħnoq it-tkabbir ekonomiku fl-ewrożona, anke f’pajjiżna, hija n-nuqqas ta’ kreditu lill-impriżi. Huwa assurd li l-impriżi huma mċaħħdin mis-self meta l-BĊE injetta tant likwidità fis-sistema u meta l-banek din il-ġimgħa spiċċaw iħallsu lill-banek l-oħra li żammewlhom id-depożiti ta’ flus flok ma qalgħu mgħax. Kif tista’ tirpilja l-ekonomiji jekk il-banek ma jsellfux?

U dan id-diskors jgħodd ukoll għall-pajjiżna. Din il-ġimgħa ġew ippubblikati bosta figuri ekonomiċi, fosthom li l-PGD żdied fit-tieni tliet xhur tas-sena b’2.9% fuq l-istess perjodu fis-sena ta’ qabel. Din il-figura tidher ferm tajba imma ta’ min ma jilludiex ruħu għaliex is-sena l-oħra dan il-perjodu kien dritt wara l-elezzjoni li waqfet l-ekonomija b’mod drastiku. Barra minn hekk, ċertu setturi bħal manifattura qed juru tnaqqis preokkupanti. 

Din il-ġimgħa wkoll il-Bank Ċentrali ppubblika l-Financial Stability Report li wera li 9.2% tas-self totali tal-banek Maltin jitqies bħala non-performing, jiġifieri self li ma tħallasx regolarment għal aktar minn 90 jum. Din il-figura hija anqas mill-Italja (15.1%) imma ogħla minn Spanja (8.2%) u għoliet sew minn erba’ snin ilu meta kienet 6.2%. Dan ma jfissirx li l-banek se jitilfu dan is-self kollu għax bosta mpriżi jirnexxiehom iħallsu b’xi mod jew ieħor. Imma jfisser li hawn bosta setturi li huma batuti f’kuntest ta’ anqas bejgħ u aktar kompetizzjoni u mhumiex ilaħħqu mal-ħlasijiet li jridu jagħmlu lill-bank tagħhom. Kif qrajna ukoll din il-ġimgħa, il-kunfidenza tal-bejjiegħa Maltin niżlet fl-aktar livell baxx minn kemm ilna fl-Unjoni Ewropea.

Skont il-Financial Stability Report, il-banek Maltin huma ferm f’saħħithom u kapitalizzati ferm aktar milli meħtieġ. Id-depożiti żdiedu b’5.8% mentri l-portafoll ta’ self żdied marġinalment bis-settur kummerċjali jnaqqas is-self tiegħu. Minħabba f’hekk, l-hekk imsejjaħ loan-to-deposit ratio kien ta’ 66.5% kontra medja tal-ewrożona ta’ 105.8%. Dan ifisser li għal kull €100 li hemm depożitati magħhom, il-banek Maltin selfu €66.5 u terz tad-depożiti huma jew reqdin jew investiti. 

Meta l-impriżi qegħdin isibuha daqshekk diffiċli li jkollhom kreditu, din hija sitwazzjoni xejn sodisfaċenti. Ma jagħmilx sens li huwa aktar faċli tissellef sabiex tixtri yacht jew karozza milli biex impriża tixtri makna għall-produzzjoni jew tkabbar in-negozju. Dan meta wieħed jiftakar dak li qal il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali li r-rati ta’ mgħax hawn Malta huma medja ta’ 2% ogħla minn ta’ pajjiżi oħra fl-ewrożona, fattur ieħor li qed isoff il-qliegħ tal-impriżi Maltin.

Li jiskantani hu li donnu l-Gvern u l-imsieħba soċjali huma impotenti quddiem din is-sitwazzjoni. Wara d-diskors qawwi tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, wieħed kien jistenna xi azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li fis-settur bankarju jkun hemm tassew kompetizzjoni ħielsa. Wieħed ukoll jistenna azzjoni sabiex l-impriżi jkollhom aċċess aġevolat għall-kreditu. Jekk dan sar, ir-riżultati ma jidhrux. Jekk tali azzjoni ma titteħidx, ma niskanta xejn jekk il-qagħda tkompli teħżien f’bosta setturi, jekk mhux fl-ekonomija in ġenerali. Jalla żbaljat imma frankament m’iniex tant ottimist u nistieden li ħadd ma jilludi ruħu li r-riċessjoni li hemm fl-Ewropa mhix tolqotna wkoll. 

Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.

More in Blogs