Il-qassisin Maltin u Tereża ta' Avila
Filwaqt li d-dinja kienet imkaħħla mal-mezzi tal-komunikazzjoni, issegwi d-demm, anzi gliegel ta’ demm, imxerred fil-Medju Orjent (bl-Amerika u l-Unjoni Ewropea jrewħu), diversi qassisin f’Malta, li ħafna jqisuhom l-mandarini tal-ġerarkija, kienu qed jippruvaw jiddistabbilizzaw lill-Arċisqof tagħhom. Għamlu kull xorta ta’ akkuża u kien hemm min, saħansitra, qabblu ma’ Borg Olivier meta kien dar għalih il-PN stess u ġiegħlu jirriżenja. Dawn spekulazzjonijiet reliġjo-politiċi.
Il-Knisja Maltija għandha l-prijoritajiet f’lokhom? Meta r-reġjuni ta’ madwarna kienu qed jaqbdu f’apokalissi, il-Knisja kien moħħha fi spin bla heda kontra l-Arċisqof tagħha. Bil-mezzi tax-xandir did-darba jakkomodaw bil-qalb kollha. Żid ma’ dan kollu l-każ tas-saċerdot akkużat li “sseduċa tliet adoloxxenti” u tkun taf imnejn ġejja l-imma. L-imma ġejja minn ħafna qassisin stess. Ħafna saċerdoti la għandhom formazzjoni xierqa u lanqas sens ta’ missjoni, għax kieku ma jkollokx kappillan jipprietka kontra l-Islam. Ħafna minnhom huma sempliċi karrieristi taħt il-libsa reliġjuża.
Id-dinamika kollha kontra l-Arċisqof ma wrietx u ma ħarġitx ħlief ambizzjonijiet, kukkanji minn taħt u spekulazzjonijiet kontra tiegħu, anke kontra saħħtu fiżika u mentali. Ħadd minn dawk il-mandarini ta’ quddiem ma ħareġ imqar klawżola waħda favur ir-riforma fil-Knisja fil-mezzi tax-xandir. Anzi ħafna mis-saċerdoti tkellmu mal-istampa bil-patt tal-anonimità. U meta l-elit iltaqa’ mal-Arċisqof il-poplu t’Alla ma sar jaf xejn dwar x’intqal f’dik il-laqgħa sigrieta. Donnu li anke l-Arċisqof hu maqbud f’xibka ta’ omertà. Illum il-Knisja hi maqbuda fit-tnalja tal-popoliżmu medjevali, li ħolqot u sostniet hi stess u ssantifikat għal sekli sħaħ. Iżda hemm elementi fl-istorja li jixhdu kif għandha tkun ir-riforma ekklesjastika. Is-sena d-dieħla, il-Karmelitani se jiċċelebraw il-500 sena mit-twelid ta’ Tereża ta’ Avila (illum duttriċi tal-Knisja Kattolika). Hemm għandek mara (innutaw: mara) li sabet ġranet sħaħ għall-kontemplazzjoni attiva u l-ħidma biex toħloq jew tirriforma monasteri u treġġagħhom lura lejn il-purità tal-ewwel Kristjani. Tereża ssugrat ukoll tikteb trattati meta l-Inkwiżizzjoni tas-Seklu Sittax diġà kienet saret perikoluża.
Il-Karmelitani f’Malta, permezz tal-Istitut tagħhom fl-Imdina, qed jaħdmu bil-kwiet u bid-dinjità biex fil-prattika, jirriformaw il-qagħda prekarja tal-Knisja lokali. Reliġjużi oħra huma dedikati għal xogħol mal-iżvantaġġati u m’għandhomx ħin għall-pubbliċità personali fil-mezzi tax-xandir.
Ir-rivista tagħhom, il-Karmelu, hi xhieda tanġibbli ta’ kif qed jippruvaw jidentifikaw il-Knisja ma’ profil reliġjo-intelletwali, maqtugħ mill-frugħa tal-festi, tax-xenati fil-festi, il-kartapesta u l-murtali. Din hi eżattament x’għandha tkun id-direzzjoni ta’ dawk li jwaħħlu kollox fl-Arċisqof, li kull min jafu jaħlef li hu bniedem ta’ reliġjożità awtentika.
Hu ta’ ispirazzjoni taqra f’din ir-rivista dwar il-ħsieb ta’ tnissil ġdid miz-zokk il-qadim, dwar il-mistiku ġdid tal-osservanza antika jew dwar il-ħidma u l-martirju f’Dachau ta’ Titu Brandsma, eks-Rettur tal-Università tal-Olanda u ġurnalista. Għalkemm dgħajjef fiżikament Brandsma baqa’ jgħin lil sħabu l-priġunieri, sakemm inqatel min-Nazisti f’kamp ta’ konċentrament.
Imnieħer San Ġwann
Dan l-aħħar fil-mezzi lokali kien hemm ħafna frattarija dwar l-ikoni: ikona ta’ San dak u San l-ieħor. Insomma, parti mid-divertiment tal-fidili tal-massa li l-Isqof t’Għawdex jemmen li l-Knisja tmur aħjar mingħajrhom. Imma.
Qrajt xi ħaġa dwar l-adulazzjoni nekrolifika tar-relikwi. Fi Travels in Early Modern Europe (1995) Antoni Maczak jikteb dwar il-kompetittività turistika f’bosta bliet Ewropej dwar dawk l-ikoni. Kien hemm xi ħadd bħall-kronista Teodor Billewicz li fl-1677 kiteb li ra sider Sant’ Anna u l-irjus ta’ San Stiefnu u Ġwanni l-Battista (għandi nifhem fil-formalina) fil-Katidral ta’ San Vitu fi Praga.
U fil-belt Valletta ta’ Malta, kien hemm qassis li wrieh l-id il-leminija ta’ San Ġwann, friska daqslikieku kienet għadha kemm inqatgħet. U tah biċċa minn imnieħer il-qaddis biex ibusha. Biżarriji u aktar biżarriji. Dak li ġabet magħha il-psewdo-reliġjon Maltija. Dik hi l-fama li ħadna fl-Ewropa, talinqas qabel waslet l-Indipendenza tal-1964, għalkemm illum għad hemm xi relikwi ’l hawn u ’l hinn.