L-Irxoxt ta’ Braveheart
Ir-referendum tar-Renju Unit, l-Iskozja se ssir indipendenti?
Tiftakruh lil René Lévesque? Lévesque kien politiku Franko-Kanadiż mill-provinċja Kanadiża ta’ Québec li waqqaf il-Partit Québécois. Il-P.Q. ħa l-poter fl-1976 u nieda referendum fl-1980 biex l-elettorat jiddeċiedi jekk il-provinċja għandhiex toħroġ mill-konfederazzjoni tal-Kanada. Ir-riżultat kien ċar: 40% favur u 60% kontra. Madankollu, sar referendum ieħor fl-1995 taħt is-suċċessur ta’ Lévesque, Jacques Parizeau fejn l-appoġġ għall-indipendenza kien 1% biss anqas minn dawk li kienu kontra. Il-ħolma tal-Indipendenza ta’ Québec għadha ma seħħietx u min jaf għadx isseħħ. Min jaf ukoll jekk il-mexxej tan-Nazzjonalisti Skoċċiżi, il-politiku ferm kariżmatiku Alex Salmond hux se jinżel fl-istorja bħala l-bniedem li poġġa n-nazzjonaliżmu Skoċċiż fuq bażi soda, ittrasforma l-Partit Nazzjonali Skoċċiż minn moviment ta’ erba’ qtates fl-akbar partit fl-Iskozja imma li ma laħaqx l-għan aħħari ta’ indipendenza għall-Iskozja mill-kumplament tar-Renju Unit. Nhar il-Ġimgħa filgħodu jkollna risposta, forsi mhux definittiva, għal din il-mistoqsija.
Huma żminijiet eċitanti għar-Renju Unit li ilu bl-istess re mill-1603 meta James I (VI tal-Iskoċċiżi), it-tifel ta’ Mary, Reġina tal-Iskoċċiża, wiret it-tron ta’ Eliżabetta I, is-sekonda kuġina tiegħu. Kellhom jgħaddu aktar minn mitt sena sakemm fl-1607, il-Parlamenti taż-żewġ nazzjonijiet ivvotaw għall-unjoni u dan wara diżastru finanzjarju Skoċċiż bil-falliment tal-kolonja f’Darien fil-Panama tal-lum. Allegatament, bosta leġislaturi Skoċċiżi nxtraw sabiex jivvutaw għall-unjoni u n-nazzjonaliżmu Skoċċiż qatt ma miet għal kollox, anke fl-aqwa żminijiet tal-Imperu li l-Iskoċċiżi kkontribwew sew fil-bini tiegħu u gawdew minnu bil-kbir kif wieħed jista’ jara mill-bini grandjuż ta’ Glasgow.
Forsi hawn min jgħid bejnu u bejn ruħu: imma kif tant pajjiżi jridu jingħaqdu fl-Unjoni Ewropea meta fl-istess ħin tant nazzjonijiet iridu l-indipendenza tagħhom? Fil-fatt, dawn il-forzi simultanji ta’ għaqda u separazzjoni ilhom jiġu osservati. Imkien m’huma dawn il-forzi konfliġġenti aktar evidenti milli fil-każ tal-Iskozja fejn għandek moviment Nazzjonalista ferm f’saħħtu imma li fl-istess ħin huwa feroċement pro-Ewropew.
Fl-Ingilterra, is-sentimenti anti-Ewropej qed dejjem jikbru u l-United Kingdom Independence Party dejjem iżid fl-appoġġ tiegħu u jinkwieta l-partiti prinċipali. Il-UKIP, immexxi minn politiku kariżmatiku ieħor, Nigel Farage qed jisraq ħafna konservattivi tant li deputat konservattiv għadu kemm irriżenja u ħabbar li se jikkontesta l-by-election fi ħdan il-UKIP. Imma anke l-partit Laburista qed jitlef bosta sostenituri mill-klassi tal-ħaddiema. Il-Prim Ministru David Cameron qed jipprova jikkontrolla l-eżodu tas-sostenituri tiegħu lejn il-UKIP billi jsejjaħ referendum dwar jekk ir-Renju Unit għandhux jibqa’ fi ħdan l-Unjoni Ewropea fl-2017. Dan qed jagħti spunt lil Alex Salmond li b’mod intelliġenti jargumenta favur l-indipendenza Skoċċiża billi jgħid li l-Iskozja m’għandhiex tiddependi fuq x’tixtieq l-Ingilterra fir-rigward tal-Unjoni Ewropea!
Fil-fatt, Salmond jargumenta li mal-indipendenza, l-Iskozja ssir membru tal-UE fi kwistjoni ta’ ftit xhur. Il-Kummissjoni Ewropea ma qablitx u qed tgħid li Skozja indipendenti trid tiftaħ negozjati ġodda sabiex issir membru. Bla dubju, il-Kummissjoni hi influwenzata mill-Oppożizzjoni ta’ Spanja li hija nkwetata li l-Katalonja ssegwi l-eżempju Skoċċiż. Effettivament, din hija kwistjoni novella li ħadd ma jaf kif se tevolvi jekk effettivament tqum. Tkun l-ewwel darba li parti minn pajjiż membru tal-UE ħa l-indipendenza minn pajjiż membru u ma jeżisti l-ebda preċedent li wieħed jista’ jistrieħ fuqu. Madankollu, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li jekk l-Iskozja tieħu l-indipendenza, il-pajjiż ġdid li se jitwieled ikun diġà adotta l-acquis communitaire għal erbgħin sena u għandu l-kredenzjali kollha biex ikun pajjiż membru tal-UE. Wieħed ma jifhimx għala l-Iskozja ma tkunx membru mentri l-kumplament tar-Renju Unit tibqa’ membru qisu ma ġara xejn.
Imma verament il-kwistjoni jekk Skozja indipendenti tkunx membru tal-UE jew le bilkemm issemmiet waqt il-kampanja referendarja. L-argument tan-nazzjonalisti huwa sempliċi: ħadd ma jista’ jiddeċiedi fl-aħjar interess tal-Iskoċċiżi daqs l-Iskoċċiżi stess. Huwa argument konvinċenti imma fl-istess ħin jinjora r-realtajiet ekonomiċi u ġeopolitiċi li l-kampanja tal-‘Le’ tambret fuqhom b’mod insistenti imma forsi mhux daqshekk konvinċenti. Il-kamp tal-‘Le’ saħaq li Skozja independenti jkollha tabbanduna l-Isterlina minkejja li Salmond qed jgħid li l-Iskozja xorta tibqa’ tużaha, li l-Iskema Nazzjonali tas-Saħħa ma tibqax sostenibbli għall-pajjiż ta’ ħames miljuni u li anke l-prezzijiet fis-supermarkets se jogħlew minħabba spejjeż ogħla ta’ distribuzzjoni fl-Iskozja.
Il-kampanja tal-‘Le’ tant ma kinitx ikkonvinċenti li l-vantaġġ ta’ 20 punt li kellha sa ftit ġimgħat ilu fl-istħarriġ tal-opinjoni sparixxa fix-xejn u stħarriġ partikolari, dak ta’ YouGov għas-Sunday Times tal-Ħadd li għadda wera li l-kamp tal-‘Iva’ għandu vantaġġ żgħir fuq dak tal-‘Le’. Kien stħarriġ li qanqal terremot fil-kurituri tal-poter f’Westminster u l-buttuni tal-emerġenza kollha ntgħafsu fil-ġimgħa li għaddiet bit-tliet mexxejja tal-partiti prinċipali f’Westminster imorru l-Iskozja biex jippruvaw isalvaw l-Unjoni. Il-problema tal-kamp tal-‘Le’, Better Together hija li wara l-era ta’ Thatcher, il-konservattivi huma ferm impopulari fl-Iskozja b’deputat parlamentari wieħed f’Westminster u ħmistax fil-Parlament Skoċċiż ta’ 129 deputat. Għaldaqstant, il-Prim Ministru Cameron bilkemm jista’ jikkampanja fl-Iskozja għax m’għandu statura ta’ xejn.
Mill-banda l-oħra, il-Laburisti li tradizzjonalment kellhom appoġġ qawwi fl-Iskozja tant li wieħed minn kull sitt deputati Laburist f’Westminster ġej mill-Iskozja m’għadx għandhom is-saħħa elettorali li darba kellhom. Fl-aħħar elezzjoni tal-2011 għall-Parlament Skoċċiż, il-partit Nazzjonalista Skoċċiż ġab maġġoranza assoluta tas-siġġijiet għall-ewwel darba u b’hekk, seta’ jsejjaħ ir-referendum ta’ nhar il-Ħamis. Salmond u Cameron ftehmu kif għandu jsir ir-referendum u kruċjalment, Cameron m’insistiex li barra l-‘Iva’ jew il-‘Le’, il-votanti jistgħu jagħżlu aktar devoluzzjoni għall-Iskozja. Dak iż-żmien, l-appoġġ għall-Unjoni deher b’saħħtu ħafna. Imma fl-aħħar ġimgħat, l-appoġġ għall-‘Iva’ kiber sostanzjalment u ħafna li dehru oriġinarjament indeċiżi, issa qed jgħidu li se jivvutaw għall-Indipendenza.
Dan l-iżvilupp qanqal bosta rekriminazzjonijiet fil-kampanja Better Together favur l-Unjoni mmexxija mill-eks Ministru tal-Finanzi Laburista tar-Renju Unit, Alistair Darling, il-bniedem li effettivament ikkundanna lil Lehman Brothers għal mewt meta ma approvax is-salvataġġ tal-aħħar minuta ta’ Barclays. Darling m’għandhux il-kariżma ta’ Salmond u għalkemm fl-ewwel dibattitu televiżiv ta’ bejniethom, ħareġ minn fuq, fit-tieni dibattitu, Salmond ġera bih. Wara li l-istħarriġ tal-opinjoni beda juri li r-riżultat huwa inċert għall-aħħar, u bil-mexxejja nazzjonali ftit inqanqlu entużjażmu fost l-elettorat Skoċċiż, il-kampanja Better Together irrikorriet għal aħħar ass fil-komma, l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Gordon Brown. Brown injetta ftit aktar passjoni fil-kamp tal-‘Le’ u kruċjalment, ma baqax itambar fuq l-aspetti negattivi tal-indipendenza Skoċċiża li aktar darras is-sensittivitajiet kburin Skoċċiżi imma wiegħed li jekk l-Iskozja tivvota li tibqa’ fl-Unjoni, se tgawdi aktar devoluzzjoni ta’ poteri.
Mill-1999 ’l hawn, meta reġa’ twaqqaf il-Parlament Skoċċiż, Skozja kellha devoluzzjoni dejjem tikber fuq materji bħal saħħa, pulizija u anke r-rati ta’ taxxa. Brown, bl-approvazzjoni tal-partiti l-kbar kollha, wiegħed li l-Parlament Skoċċiż ikollu poter leġislattiv fuq il-materji domestiċi kollha. Daqshekk hu s-sens ta’ biża’ li ż-żwieġ ta’ 307 sena, żwieġ li ta ħafna frott liż-żewġ nazzjonijiet, jispiċċa.
Ir-riżultat aħħari hu li jkun x’ikun ir-riżultat nhar il-Ħamis, u din il-kolonna tistenna li l-Unjoni se, b’xi mod jew ieħor, issalva, in-natura tal-Unjoni se bilfors ikollha tinbidel b’mod insolitament radikali għar-Renju Unit. Biex issalva, l-Unjoni se jkollha taddotta qafas aktar federali, b’devoluzzjoni akbar ta’ poter lill-komponenti tar-Renju Unit u anke lir-reġjuni metropolitani Ingliżi waqt li Westminster jikkonċentra fuq materji ta’ politika barranija, difiża u ekonomija. Diġà hemm min qed isejjaħ għall-konvenzjoni kostituzzjonali fir-Renju Unit sabiex tiġi adottata kostituzzjoni miktuba għar-Renju kollu.
F’dan l-istat ta’ inċertezza kollha, l-unika ħaġa li ma qanqlitx kontroversja hi li Eliżabetta II tibqa’ reġina tal-Iskoċċiżi għalkemm issir Eliżabetta I. Dan minkejja li l-monarka attwali mid-dinastija Windsor hija d-dixxendenti ta’ William u Mary li fl-1688 telgħu fuq it-tron wara li l-aħħar Stuart, James II, neputi ta’ James I, tkeċċa min-nobbli. Ir-reġina Eliżabetta rreżistiet il-pressjoni kollha li saritilha sabiex titkellem favur l-Unjoni u dan żgur li se jkabbar l-appoġġ tagħha fost l-ambjenti nazzjonalistiċi.
Il-kampanja referendarja kienet tassew imqanqla u mistenni vot qawwi ta’ ċirka 80% tal-elettorat. L-irjus saħnu kif wieħed seta’ jara fit-tieni dibattitu b’Darling u Salmond il-ħin kollu jinterrompu lil xulxin. Bosta kienu dawk in-nies fin-negozju li qagħdu lura milli jesprimu ruħhom favur naħa jew oħra; dawk li esprimew ruħhom favur l-Unjoni, speċjalment il-banek u British Petroleum, qed jaffaċjaw l-għadab tan-nazzjonalisti li qed jakkużawhom li qed jirrikorru għal tattiċi ta’ biża’. Madankollu, kollox ma’ kollox, meta wieħed iqabbel din il-kampanja mal-avvenimenti fl-Ukranja, dan ir-referendum huwa mudell ta’ ċiviltà. Ikun xi jkun ir-riżultat, huwa mistenn li kulħadd jaċċettah mingħajr riserva u jekk se jkun divorzju, se jkun paċifiku u ċivili.
Omm id-demokrazija parlamentari għadha tagħti lezzjonijiet lil kulħadd.
Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.