50 sena mill-Indipendenza – midalja u ċertifikat
It-tqassim tal-midalji u l-bejgħ taċ-ċertifikati f'għeluq l-okkażjoni tal-50 sena mill-Indipendenza
Kellhom jgħaddu 50 sena minn meta Ġorġ Borg Olivier ġab l-Indipendenza għal pajjiżna. Kien il-21 ta’ Settembru 1964 meta fix-Xagħra tal-Furjana 50 sena ilu saret iċ-ċerimonja tal-inżul tal-bandiera Ingliża u t-tlugħ ta’ dik Maltija quddiem folla enormi ta’ Maltin kburin.
Kellhom jgħaddu 50 sena biex nofs Malta qed tidher li aċċettat din il-ġurnata importanti li fetħet it-toroq kollha għal Malta Repubblika, għal Malta Ħielsa u għal Malta Ewropea.
Għall-ewwel darba f’50 sena l-moviment ġdid li qed imexxi l-pajjiż qed jirrikonoxxi bis-serjetà u jagħti lil din il-ġurnata l-ġieħ li jistħoqqilha. B’hekk il-Prim Ministru Joseph Muscat ikun żamm mal-wegħda elettorali tiegħu li se jkun il-Gvern li bil-provi jrid jagħmel minn kollox biex jgħaqqad il-pajjiż taħt kappa waħda fejn jidħol l-interess nazzjonali.
Wegħda li beda jwettaq ftit wara l-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu 2013 fejn fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien, il-Kap tal-Oppożizzjoni Lawrence Gonzi kien mistieden jingħaqad mal-President George Abela u mal-Prim Ministru Joseph Muscat biex flimkien sellmu lil Malta Ħielsa. Din kienet l-ewwel darba li l-Kap tal-Oppożizzjoni ngħaqad mal-President u l-Prim Ministru għal din iċ-ċerimonja flimkien.
Tul l-aħħar snin il-festa tal-Indipendenza għall-partit Nazzjonalista serviet bħala font ta’ dħul finanzjarju fejn il-partit kien jiġbor ammont sostanzjali ta’ flus sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tiegħu. Festa fejn fuq il-Fosos tal-Furjana jintrama palk enormi biex fuqu jsiru diversi attivitajiet tal-massa bħal mhu l-Konkors Kanzunetta Indipendenza, it-tlugħ ta’ diversi lotteriji b’karozzi lussużi bħala premjijiet u finalment il-bxara tal-Kap tal-Partit fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni waqt mass meeting. Meeting li din is-sena se jsir nhar id-19 ta’ Settembru u li l-partit qed ibassar li se jkun mass meeting storiku.
Iżda min jaf x’kien jgħid Ġorġ Borg Olivier, 50 sena ilu f’ġurnata daqshekk memorabbli għal partit Nazzjonalista u għal Malta tiegħu li kellu jkun jaf f’liema stat se jispiċċa l-partit tiegħu? Żewġ telfiet tar-rekords taħt żewġ mexxejja differenti u stamperija li tant ħadem għaliha biex tinbena flimkien ma’ Karmenu Caruana li spiċċat imwaqqa’, mibnija mill-ġdid u mifluġa bi djun kbar.
Issa jidher li 50 sena wara l-kisba tal-Indipendenza l-partit Nazzjonalista se jieħu l-okkażjoni biex jibda tiela’ ’l fuq mill-qiegħ li spiċċa fih. Għax kultant hu tajjeb li tmiss il-qiegħ għax l-uniku triq minn hemm hi ’l fuq.
L-anniversarju ta’ 50 sena Indipendenza jidher li nebbaħ l-imħuħ tal-marketing f’Tal-Pietà u ħarġu bl-idea li jagħtuk kartonċina bi tliet firem tal-aħħar tliet kapijiet tagħhom u jitolbuk tħallas ewro għal kull sena indipendenti. Idea sublimi li niżlet għasel ma’ dawk hekk imsejħa bħala l-għeruq tal-partit.
50 sena Indipendenza nebbħet ukoll lill-ġenji politiċi f’Tal-Pietà biex jagħtu midalja komemorattiva lil dawk id-deputati li l-partit kien abbanduna matul l-aħħar snin u issa qed jipprova jiġborhom lura biex jerġa’ jinbena mill-ġdid.
Il-partit Nazzjonalista għalhekk qed jieħu l-eżempju ta’ Joseph Muscat fejn filwaqt li l-Prim Ministru qed jipprova jgħaqqad pajjiż, il-PN se juża din il-festa biex jgħaqqad lura lil dawk li minnu stess kienu twarrbu jew intenzjonalment intesew.
Tgħid din l-għaqda se tkun kbira biżżejjed biex nhar il-Ġimgħa, il-massa terġa’ timla l-fosos b’ħeġġa u entużjażmu bħalma 50 sena ilu mliet ix-Xagħra tal-Furjana?