Tliet stejjer fuq data waħda
Kienet sena ta’ anniversarji storiċi u għad baqa’. Illum se nkunu qegħdin niċċelebraw il-ħamsin sena mill-Indipendenza. Data storika li bħal oħrajn twieldet fil-għajn tal-kontroversja politika. Iżda issa tassew qiegħed ninnota li ħames dati nazzjonali huma wisq. Mhux żgur hawn pajjiż ieħor fid-dinja li għandu aktar minn data waħda nazzjonali!
L-ewwel storja: Villa Gwardamangia
Għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena se jkun hawn fostna l-Prinċep William flok martu Kate. Kulħadd stenna li tiġi tal-aħħar iżda dawn il-prinċipessi ma nafx x’għandhom. It-tqala tagħhom dejjem tkun diffiċli aktar minn dik tas-suditti. Għalhekk ġej flokha żewġha William, li ħaseb li huwa l-inqas kontroversjali mit-tfal li kellha Diana.
Mhux se jdum jumejn sakemm mhux ftit sigħat. Iżda xorta se jkollu programm intensiv. Nanntu kellha rabta mill-qrib ma’ Malta meta kienet għadha friska tiżżewweġ. Kellha daqxejn ta’ Morris li biha kienet tmur kullimkien. Kien żmien meta ma kienx hemm għalfejn ikollha l-gwardja magħha. Kienet titħallat mal-Maltin għand tal-grocer, tal-laħam u fit-toroq. Sal-lum għadha taf Malta aktar milli taf Londra. Dan stqarritu hi stess.
Għalhekk fost waħda mill-attivitajiet li se jkollu l-Prinċep William se jirkeb fuq dgħajsa tal-pass u jdur il-Port biha. Din hija l-istess dgħajsa li kienet tirkeb in-nanna tiegħu r-Reġina Eliżabetta. Rabtiet li jġibu nostalġija storika li ħafna Maltin għad għandhon rabta magħha. Iżda hemm post ieħor fejn misshom jieħdu lil Prinċep William. Post li għandu rabta ta’ veru man-nanniet tiegħu.
Ftit tal-passi ’l bogħod minn fejn kien l-Isptar San Luqa. F’telgħa li jisimha G’Mangia Hill, hemm il-Villa fejn in-nanniet ta’ William qattgħu fost l-isbaħ żmien ta’ ħajjithom meta kienu għadhom friski jiżżewġu. Fil-fatt wieħed mir-ritratti l-aktar li tiltaqa’ miegħu f’dawn iż-żminijiet hu meħud f’din il-villa.
Bħalma se ttellgħu lill-Prinċep fuq id-dgħajsa tal-pass li biha kienet tivvjaġġa nanntu messhom jeħduh jara din il-villa... ħalli jkun jista’ jara b’għajnejh f’liema rovina tinsab! Illum din il-villa hija fi stat ta’ delipidazzjoni avvanzat u ma jidher li hemm xejn li jindika li din kienet għal diversi snin ir-residenza tar-Reġina tal-Ingilterra! Hija ħasra li postijiet bħal dawn inħalluhom jaqgħu biċċiet!
Kuntrarjament għal dak li jiġri barra. Meta dan l-aħħar żort villaġġ żgħir ftit barra minn Hidelberg il-Ġermanja bqajt impressjonat meta rajt dar żgħira u fuqha kellha lapida bil-kliem minqux “F’din id-dar ġiet ikkonċepita r-Reġina Vittorja”! Il-ġenituri tar-Reġina Vittorja għexu f’dik id-dar għal ftit ġranet u llum tinsab konservata bħala dar storika! Mela Villa G’Mangia x’inhi!
L-istorja tar-referendum
Xi ħin jew ieħor irridu niddeċiedu. Ma nistgħux inkomplu noqogħdu nissuttaw lil xulxin bid-dati storiċi. Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilu jitlaqha u jipprova jibgħat messaġġ, li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin bit-tgħajjir ta’ min kien li ġab l-aktar data storika. Biex kulħadd ikun kuntent illum għandna sensiela ta’ ġranet nazzjonali.
Ilbieraħ fil-port kien hemm spettaklu kbir. Ifakkar data li għadna mifrudin fuqha sal-lum meta m’għandniex għalfejn. Iżda kien preċedent sabiħ li minkejja hemm Amministrazzjoni Laburista, flok pruvat tnaqqas mill-importanza ta’ din id-data mhux biss fakkritha kif jixraq iżda ċċelebrata bil-kbir. Il-messaġġ huwa ċar: li l-istorja ta’ pajjiżna m’għandhiex tkun strument ta’ firda iżda ta’ għaqda.
Il-kwistjoni kollha hi fuq kif u min se jiddeċiedi liem data għandha tkun. Iż-żewġ partiti għandhom massa ta’ nies fuq naħa u oħra li t-tnejn isostnu dati differenti. Fuq naħa l-Indipendeza, oħrajn Jum il-Ħelsien. Sa ċertu punt it-tnejn għandhom raġun għaliex dawn mhumiex dati li jikkontradixxu lil xulxin iżda li jikkumplimentaw lil xulxin. Darba jiena sejjaħtilhom bħala tewmin storiċi. Iżda jibqa’ l-fatt li kulħadd għandu l-orgolju tiegħu.
Għalhekk hija l-fehma tiegħi li l-Jum Nazzjonali la hu tan-nies inħallu lin-nies jiddeċiedu dwaru. Kellna kostituzzjoni li ġiet approvata permezz ta’ referendum mill-maġġoranza relattiva ta’ dawk li kienu intitolati jivvutaw f’Ġunju tal-1964, għaliex m’għandux isir l-istess fil-każ ta’ għażla waħda ta’ festa nazzjonali!
Ma naħsibx li l-partiti politiċi għandhom jerfgħuha huma li jiddeċiedu bejniethom x’għandha tkun id-data. Għandu jkun hemm proċess popolari biex din il-kwistjoni stupida naqtgħulha rasha darba għal dejjem. Jidher li l-għodda tar-referendum saret parti mis-sistema demokratika tagħna. Jekk se nagħmlu referendum fuq il-kaċċa m’għandniex ngħamluh dwar din il-kwistjoni! Iżda jekk isir referendum dwar dan, il-partiti għandhom joqogħdu lura u ma jindaħlux!
L-istorja tal-Barrakka
Ilbieraħ qomt filgħodu u kif niftaħ it-TV fuq il-PBS insib lil Lou Bondi qiegħed jagħti konferenza stampa mill-Barrakka. Kienet dwar il-festivitajiet li se jsiru mill-Port fil-50 sena anniversarju tal-Indipendenza f’isem il-Partit Laburista. Tgħidx kemm bdejt inrodd slaleb! Li jaħdem mingħajr ma jidher mal-Gvern tal-lum, għaliex wara kollox għal dak li jagħmel jitħallas, għax għandu dritt jaqla’ x’jiekol peress li taħt l-oħrajn kien se jmut bil-ġuħ. S’hawn nifhimha. Iżda li Lou Bondi porta vuċi tal-Gvern biex jitkellem dwar attivitajiet li għandhom jgħaqqduna ma nifhimhiex.
Lou Bondi, wieħed mill-aktar ġurnalisti diviżivi politikament f’kull kampanja elettorali jinfurmani dwar festi li huma maħsuba biex inisslu l-għaqda. Nifhem li l-Prim Ministru qiegħed jagħmel minn kollox bl-akbar mod ġenwin biex inissel sens ċivili u ta’ għaqda fuq ħwejjeġ li ilhom is-snin jifirduna. Nista’ naċċertak li Lou Bondi mhux eżattament il-bniedem li se jgħaqqad dik in-nofs ta’ Malta li meta tarah tiftakar fiż-żmien tal-flaġell politiku televiżiv.
Is-simbolu tal-għaqda hija ż-żebbuġa. Issa Lou Bondi jista’ jkun kollox barra żebbuġa... u lanqas irrid inkun naf xiż-żebbuġa hu!