Il-mixja lejn l-Indipendenza

Il-passaġġ li minnu għaddiet Malta tul dawn l-aħħar 50 sena

Sa erbat elef sena ilu kien għad hawn jiġġerrew in-Neanderthal, razza ta’ primati li tħalltu mal-homosapiens u llum xi 3% tad-DNA tagħna ġej minnhom
Sa erbat elef sena ilu kien għad hawn jiġġerrew in-Neanderthal, razza ta’ primati li tħalltu mal-homosapiens u llum xi 3% tad-DNA tagħna ġej minnhom

Ħamsin sena mhux xi żmien twil wisq storikament. Id-dinja għandha bosta miljuni ta’ snin u l-bniedem ilu fl-Ewropa għal dawn l-aħħar erbat elef sena u nofs. Sa erbat elef sena ilu kien għad hawn jiġġerrew in-Neanderthal, razza ta’ primati li tħalltu mal-homosapiens u llum xi 3% tad-DNA tagħna ġej minnhom. Hekk jgħidulna l-istudji xjentifiċi għax jiena żgur ma kelli l-ebda mezz kif nikkontrolla dan kollu.

Imma ħamsin sena lanqas mhu perjodu qasir. Huwa perjodu li jħallik tagħmel bosta rendikonti ta’ x’wieħed għamel, x’ma għamilx, x’seta’ għamel aħjar u fejn se jmur minn hawn. Wieħed kien jistenna li dan kellu jkun il-fulkru tal-kommemorazzjoni tal-50 anniversarju ta’ pajjiżna imma l-festi li ġew organizzati sfortunatament itendu lejn il-banali. Donna ma konniex kapaċi nikkommemoraw dan l-anniversarju mingħajr il-preżenza ta’ membru tal-familja rjali Ingliża għalkemm verament għandha rabtiet storiċi ma’ Malta. Kienu kommemorazzjonijiet xejn sodisfaċenti meta messna ħadna spunt biex nanalizzaw minn fejn ġejna, fejn wasalna u fejn irridu mmorru. Imma l-politika prelevanti hija dik ta’ “panem u circenses” ħalli l-mases ma jaħsbux wisq u ma jiddisturbawx id-dominazzjoni ta’ min jaf jimmanuvra l-lievi tal-poter taħt kull gvern.

Mela ħa naraw minn fejn tlaqna. Twelidt ftit qabel l-Indipendenza u ma niftakar xejn mill-perjodu ta’ qabilha. Għal min hu tal-età tiegħi, ftit hemm isbaħ mill-memorji ta’ Herbert Ganado li ħarist lejhom mill-ġdid meta bdejt nipprepara għal dan l-artiklu. Ta’ min ifakkar li ftit snin qabel, meta Mintoff kien qed jitħabat għall-integrazzjoni mar-Renju Unit wara li tela’ fil-gvern fl-1955, kien qabbad lill-ekonomista famuż ta’ dixxendenza Ungeriża, Thomas Balogh biex jagħmillu rapport dwar il-prospetti ekonomiċi ta’ Malta. Balogh ikkonkluda li Malta qatt ma setgħet tkun vijabbli għal rasha. U għaldaqstant, Mintoff ippropona l-integrazzjoni mar-Renju Unit li kellha ġġib il-parità tas-salarji bejn Malta u r-Renju Unit u tagħtina r-rappreżentanza ta’ tliet membri fil-House of Commons. Mintoff kellu tempistika ferm sfortunata. L-1956 tista’ probabilment titniżżel fl-istorja bħala s-sena meta spiċċa l-imperu Ingliż. L-attentat tar-Renju Unit u Franza f’dik is-sena li jerġgħu jieħdu l-kontroll tal-kanal tas-Suez li Nasser kien innazzjonalizza ftit qabel taħt il-pretest li kienu se jifirdu Iżrael li kien għadu kemm attakka l-Eġittu falla miżerabbilment b’Eisenhower jagħti ultimatum ta’ 24 siegħa lil Eden biex jirtira t-truppi. Fil-frakass li qam, l-Unjoni Sovjetika sabet ix-xoqqa f’moxxtha biex tinvadi lil Ungerija u twaqqa’ l-gvern ta’ Imre Nagy li pprova jinterpreta s-soċjaliżmu f’dawl aktar uman. Nagy spiċċa mgħallaq imma dik storja oħra.

La l-imperu kien spiċċa u bil-piż ekonomiku ta’ gwerra li li ma kinitx ilha li spiċċat, ir-Renju Unit la seta’ u lanqas kellu bżonn il-flotta ta’ darba li minnha Malta gawdiet bil-bosta. L-entużjażmu Ingliż għall-integrazzjoni ma damx ma bired u dan anke ukoll minħabba l-Oppożizzjoni kostanti Nazzjonalista li dejjem baqgħet tisħaq li riedet li Malta takkwista Dominion Status simili għal dak tal-Kanada u l-Awstralja kif ukoll tal-Knisja u anke wara l-eżitu ambigwu ta’ referendum ibbojkottjat min-Nazzjonalisti. Mintoff beda jirrealizza li kellu jgħaddi għal Pjan B u fit-30 ta’ Diċembru 1957, wara konsultazzjoni ma’ Borg Olivier, ippropona riżoluzzjoni fl-Assemblea Leġislattiva li ġiet sekondata minn Borg Olivier sabiex Malta taqta’ r-rabtiet kollha mar-Renju Unit, il-Break with Britain Resolution li għaddiet unanimament.

Ftit xhur wara, il-gvern ta’ Mintoff irriżenja, u wara li Borg Olivier irrifjuta li jaċċetta l-inkarigu li jwaqqaf gvern, u l-irvellijiet li qamu, l-Ingliżi rtiraw il-Kostituzzjoni tal-1947. Għal sitt snin, Malta kienet immexxija direttament mill-Gvern Imperjali imma wieħed irid jgħid li l-Ingliżi għal ewwel darba f’aktar minn 150 sena ta’ tmexxija kolonjali, bdew jindukraw il-potenzjal non-militari ta’ Malta u fl-1959 ġiet promulgata l-ewwel ordinanza sabiex jingħataw inċentivi fiskali għall-industrija u t-turiżmu. 

Kienu żminijiet diffiċli b’qagħad kbir u bl-immigrazzjoni l-unika żvog għal ħafna. Fir-raba’ volum tiegħu, Ganado jagħti stampa ċara tal-qagħda ekonomika ta’ Malta fis-snin ta’ qabel l-Indipendenza : “Ir-run down tas-services kien laqqa’ f’Novembru tal-1962, ir-rappreżentanti tal-Gvern Ingliż u tal-Gvern Malti biex jagħmlu studju flimkien fuq l-effetti li kien se jkollu fuq il-qgħad u fuq l-ekonomija ta’ Malta. Ir-rapport ta’ dan l-istudju konġunt kien baqa’ konfidenzjali, imma l-Gvernatur għamel diskors li allarma lil kulħadd... “Sa l-1967,” kien qal il-Gvernatur, “jista’ jiġri li kwart tal-popolazzjoni li taħdem tkun bla xogħol, li kwart tad-dħul nazzjonali ta’ Malta jispiċċa u li l-Gvern jitlef is-sest tal-introjti tiegħu.” Il-Battelle Institute, imqabbad mill-Kamra tal-Kummerċ, ikkonkluda l-Battelle Institute, jekk tgħodd in-nies qiegħda fl-1963 li kienu 6,500, mat-3,600 ħaddiem li l-popolazzjoni ikbar kienet se żżid u mat-8,600 nies bla xogħol, li r-run down ġdid kien se jġib, ikollok sa l-1967, 18,700 nies bla xogħol. Barra l-problema tal-qgħad kien hemm il-problema tal-flus. Pajjiżna fl-1961 importa b’£29,433,000 u esporta jew irriesporta b’£4,646,000. Għalhekk, kellna nagħtu bħala “defiċit” kummerċjali ta’ £24,787.000. L-Ingilterra fl-1961 nefqet f’Malta £20,989,000. Jiġifieri l-parti l-kbira, anzi minn sitta ħamsa tad-dejn tagħna ma’ barra, biex nieklu u nilbsu, ħallasnieh bil-flus li nefqet l-Ingilterra f’Malta. Il-bqija ħallasnieh bl-imgħax tal-flus li kellna barra, bit-turiżmu, bid-dħul tat-Tarzna, bil-flus li jibagħtu l-emigranti eċċ. U bqajna minn fuq. Imma kieku ma kienx hemm il-flus li tonfoq l-Ingilterra, x’konna nagħmlu?”

Mistoqsija tassew pertinenti. 

Fl-1962, l-Ingliżi tawna Kostituzzjoni ġdida msemmija wara Sir Hilary Blood li kien abbozzaha. Kien fiha bosta affarijiet mhux aċċettabli fosthom li l-minuti tal-Kabinett kellhom jintbagħtu lill-Gvernatur mentri l-Pulizija, il-Ġudikatura u l-Kummissjoni dwar is-Servizzi Pubbliċi kellhom jibqgħu materji riservati għall-Gvern Imperjali. Skond l-eks Speaker Alfred Bonnici fil-kitba tiegħu fis-suppliment eċċellenti ta’ L-Orizzont tal-bieraħ “Il-Perit Mintoff ried jibbojkottja l-elezzjoni ġenerali tal-1962 iżda Borg Olivier kien qalli li rnexxielu privatament jipperswadi lil Mintoff biex jikkontesta l-elezzjoni u ġaladarba jkunu ġew eletti, ma jifformawx gvern qabel ma dawn il-kwistjonijiet jiġu emendati. Mintoff kien qabel ma’ dan, u għalhekk ikkontesta l-elezzjoni.” Għal darb’oħra dawn ir-rivali perenni waslu fi qbil wara l-kwinti sabiex jaffaċjaw l-impożizzjoni tal-barrani. Imma dan l-anedottu juri wkoll id-differenza essenzjali u tattika bejn it-tnejn: Mintoff kien frontali u fokuż mentri Borg Olivier kien aktar sottili u makakk.

Kemm il-PN u kemm l-MLP iddikjaraw fil-manifest elettorali tagħhom li jridu l-Indipendenza. Ir-riżultat elettorali, fl-isfond tal-interdett tal-Knisja lill-MLP, ta 25 siġġu lil PN, 16 lil MLP, 4 kull wieħed lil Partit ta’ Ganado u ta’ Pellegrini li kellhom l-appoġġ tal-Knisja u siġġu lil Mabel. Meta Borg Olivier ingħata l-inkarigu li jifforma gvern fl-1962, ma aċċettax li jifforma gvern qabel ma kien ikkjarifika mas-Segretarju tal-Kolonji diversi klawżoli fil-Kostituzzjoni Blood kif kien ftiehem ma’ Mintoff. 

Skont Bonnici, “Biex jilqa’ għall-effetti severi tat-tnaqqis tal-forzi Britanniċi u l-problema tat-Tarzna, Borg Olivier beda negozjati immedjati mas-segretarju tal-Kolonji, Duncan Sandys, għal għajnuna finanzjarja u talab £1.8 m. Għal din it-talba, fis-17 t’Awwissu tal-1962 Sandys kien offra s-somma miżera ta’ £100,000. Borg Olivier qallu li kieku kellu jaċċetta dik is-somma, kien jispiċċa d-daħka tas-seklu fost il-Maltin. “I am not a sexton, I did not come here for a silver collection” qal Borg Olivier lil Sandys. Fl-20 ta’ Awwissu, Borg Olivier saħaq li Malta kellha tingħata l-Indipendenza immedjatament.” Fil-fatt, f’ittra miktuba mis-Savoy Hotel fejn kienet tirrisjedi d-delegazzjoni Maltija, Borg Olivier kiteb lis-Secretary of State for Commonwealth Relations and for the Colonies.” “On behalf of the Government and People of the Island of Malta and its Dependencies, I have the honour to invoke for my country the right to be an independent state.” Li titlob l-indipendenza ta’ pajjiż mhix ħaġa ta’ kuljum u ma tistax ma tolqtokx il-maestrija lingwistika f’din it-talba ċara u sempliċi.

Borg Olivier, minkejja li bosta kienu dawk li kienu jsostnu li ekonomikanent ma kienx jagħmel sens li Malta ssir indipendenti, kien jemmen li bl-Indipendenza biss Malta tista’ tieħu r-ruħ. Kienet viżjoni singulari persegwita b’tenaċja kbira. Skont Ganado, minkejja li dan kollu nzerta kien l-agħar perjodu tal-Gwerra l-Bierda, Borg Olivier fl-1961 fis-saħna qal “Ukoll jekk nibqa’ waħdi, nibqa’ niġġieled għal dan id-dritt ta’ Malta.” (Vol. IV, p. 375)

Ikompli fil-ħarġa li jmiss.

Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.

More in Blogs