L-Indipendenza Tagħna Lkoll

Kellhom jgħaddu 50 sena sħaħ biex il-ħolma aħħarija ta’ Ġorġ Borg Olivier li l-Indipendenza li tant ħadem għaliha tkun “tagħna lkoll” isseħħ

Kellhom jgħaddu 50 sena sħaħ biex il-ħolma aħħarija ta’ Ġorġ Borg Olivier li l-Indipendenza li tant ħadem għaliha tkun “tagħna lkoll” isseħħ. Wara snin twal ta’ konfronti bejn il-bluni u l-ħomor, snin twal fejn l-Indipendenza donnha aktar firdet il-poplu milli għaqqditu, fl-aħħar irrenja s-sens komun.

Fl-aħħar il-poplu evolva b’mod li għaraf li biex tkun ħieles, biex tkun parti minn Repubblika, biex tkun membru fl-Ewropa, l-ewwel trid tkun indipendenti.

Fl-aħħar dan il-poplu sab mexxejja quddiemu li għarfu li l-Indipendenza ġiet għal kull Malti u Maltija u mhux għal dawk blu u għal dawk ħomor le. Fl-aħħar il-poplu kien kapaċi jagħżel mexxejja li jemmnu li fejn jidħol il-ġid nazzjonali kapaċi jimxu id f’id. U dan li kellu nieqes dan il-poplu li għal snin sħaħ ġie mmexxi minn imnieħru fejn il-firda nnifisha kienet tgħin biex tissaħħaħ naħa jew oħra.

Illum il-poplu Malti għandu biex ikun kburi għax għall-ewwel darba fl-istorja politika tiegħu qed jiċċelebra jum importanti mingħajr ebda kuluri, ħlief dawk ħomor u bojod li jagħmluna Maltin. Illum il-poplu Malti evolva b’mod li tgħallem jagħraf dak li sar tajjeb minn missirijietna u nisperaw biss li nkomplu nevolvu b’mod li dan il-poplu jagħraf ifaħħar dak li jsir tajjeb u ta’ ġid għal pajjiżna u jagħraf jikkritika bla biża’ biex dak li jista’ jkun qed isir ħażin, jiġi mtejjeb.

U l-poplu jista’ jevolvi b’dan il-mod jekk il-mexxejja għaqlin ta’ pajjiżna li llum wieħed jista’ jsejħilhom pjuttost żgħażagħ ikomplu jgħarfu jkunu filtri tal-politika partiġġjana, jiġifieri li dak li hu tajjeb irridu nfaħħruh u dak li ma naqblux miegħu niġġildulu b’mod demokratiku. Il-poplu jevolvi meta l-kritika tittieħed bħala kostruttiva u mhux bħala tmaqdir.

Nispera biss li issa li bdejna din it-triq li għaqqditna wara 50 sena ta’ firda sħiħa għal dan il-jum storiku u sabiħ għal gżira tagħna, inkompluha billi flimkien niċċelebraw kull kisba li dan il-poplu ċkejken tal-bluni u tal-ħomor u xi ftit ħodor irnexxielu jagħmel. Irridu nitgħallmu minn passat kemxejn vjolenti li ma jirrepeti ruħu qatt iżjed fil-mixja ta’ dan il-poplu uniku.

Iżda kellhom jgħaddu 50 sena sħaħ biex indunajna b’dan kollu u wieħed ma jistax ma jagħtix mertu liż-żewġ partiti kbar tagħna għal dan, il-PN għax kien hu li rnexxielu jġib l-Indipendenza mingħajr tixrid ta’ demm u l-Partit Laburista, mmexxi minn Joseph Muscat, għax kien hu li għaraf li din il-festa għandha tgħaqqadna u mhux tifridna.

U dan kollu għandu jwassal biex fl-aħħar dan il-pajjiż ikollu festa waħda nazzjonali li jiċċelebraha kulħadd. Kisbiet oħra għandhom ikunu ċċelebrati fid-dinjità tagħhom iżda l-Indipendenza hi l-bieb li fetħet it-triq għal kisbiet l-oħra.

Illum kull min hu Malti għandu jħossu kburi li aħna b’mod demokratiku, evolvejna b’mod li mhux biss għandna rajna f’idejna, iżda għandna bandiera Maltija, għandna innu Malti, għandna lingwa Maltija, ċittadinanza Maltija u President Maltija. 

Ir-reġina jew binha jistgħu jiġu iżda mhux bħala renjanti fuqna iżda bħala mistiedna jiċċelebraw magħna talli konna kapaċi nitilqu minn taħt djulhom u nkampaw waħedna. L-Indipendenza llum hi tagħna lkoll!

More in Blogs