Il-Ġirja mill-Indipendenza

“Jalla kif qal il-Prim Ministru l-ħamsin sena li ġejjin jitfu l-ħamsin sena li għaddew. Jalla. “
“Jalla kif qal il-Prim Ministru l-ħamsin sena li ġejjin jitfu l-ħamsin sena li għaddew. Jalla. “

Wara l-artiklu tal-ġimgħa l-oħra, kelli bosta reazzjonijiet. Qarrej qalli li jiftakarha sew iċ-ċerimonja tal-Indipendenza. Kellu sittax-il sena u stqarr kemm konna fqar. Ieħor, mimli bl-għomor u depożitarju li ma jispiċċa qatt ta’ annedoti dwar il-passat riċenti ta’ pajjiżna, fakkarni li kien Fortunato Mizzi li kien uża l-ewwel darba l-kelma “indipendenza” fil-bidu tas-seklu għoxrin. Ma nafx kemm dan huwa minnu imma ċertament fl-1932, il-gvern ta’ Sir Ugo Mifsud kien talab li Malta tibda tiġi kkunsidrata bħala “dominion” u mhux aktar bħala kolonja. L-Ingliżi rrispondew billi abolixxew il-Kostituzzjoni tal-1921 li kienet ingħatat wara li l-Ingliżi kienu ilhom jitmejlu 121 sena b’mexxejja kważi minsija bħal Giorgio Mitrovich. Dawn kienu jfakkruhom li kienu l-Maltin stess li għażlu li jitmexxew mis-sovran Brittaniku minflok dak Naplitan bit-tama li jerġgħu jiġu stabbiliti d-drittijiet antiki tagħhom li jiggvernaw lilhom infushom li kemm il-Kavallieri kif ukoll l-Ingliżi għal sekli sħaħ ittraskuraw.

Kien hemm min ma qabilx mal-kritika li għamilt li ċ-ċelebrazzjonijiet li saru kienu ffukati wisq fuq il-monarkija Brittanika. Huwa ċertament pożittiv li flok ma ngaraw il-ġebel lil xulxin, l-anniversarju ġie ċċelebrat fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali. Ta’ dan ħaqqu kreditu kbir il-Prim Ministru Muscat li bla tlaqliq qal lill-partitarji tiegħu li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista tal-passat dwar l-Indipendenza ma kinitx għadha tagħmel aktar sens. Imma wieħed kien jistenna li dawk kollha li ħadmu sabiex Malta takkwista l-indipendenza tagħhom jiġu kkommemorati kif xieraq. Bil-kemm kemm issemmiet il-figura ta’ Borg Olivier, aħseb u ara ta’ figuri importanti oħra bħal Fortunato Mizzi, Sir Ugo Mifsud, Nerik Mizzi, Pawlu Boffa u Manwel Dimech. Pajjiż li ma jikkultivax il-memorja storika tiegħu jkun qed jonqos lilu nnifsu.

Ma kien hemm xejn inevitabbli fil-kisba tal-Indipendenza. Huwa minnu li r-Renju Unit kien fin-nadir storiku tiegħu u kien qed jeħles mill-kolonji tiegħu b’kemm kellu saħħa. Imma xorta żamm lill-Ġibiltà u żewġ bażijiet kbar f’Ċipru li huma territorju sovran Brittaniku. Ċertament kieku l-Ingliżi riedu, kienu jżommuha lil Malta imma għażlu minflok li jagħtuna l-indipendenza minkejja nuqqas kbir ta’ qbil bejn il-partiti Maltin tal-epoka.

Tajjeb li f’dan l-istadju naraw x’kienu l-programmi tal-partiti Maltin fl-elezzjoni tal-1962: in-Nazzjonalisti riedu indipendenza fil-Commonwealth, wegħdu li jwettqu Pjan ta’ Ħames Snin biex iħajru l-investiment u li jsibu xogħol għal kulħadd. Riedu wkoll trattat ta’ difiża mal-Ingilterra biex Malta tagħti sehemha fin-NATO. Il-Laburisti wkoll riedu l-Indipendenza imma riedu li l-influwenza tal-Knisja tiġi ridimensjonata sabiex in-nies ikunu jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bla xkiel u jaqdu d-dmirijiet ċiviċi tagħhom mingħajr indħil psewdo-reliġjuż. L-MLP wiegħed ukoll li jinkoraġixxi kull forma ta’ propjetà soċjali bħall-kooperativi filwaqt li ddistanzja ruħu mill-komuniżmu (Ganado, Rajt Malta Tinbidel, IV, pp. 359-360). Wara l-elezzjoni, Mintoff kien oppona li r-Reġina tibqa’ tappunta l-Gvernatur-Ġenerali u ried li din il-persuna tiġi eletta direttament mill-poplu. Ried ukoll li Malta tiddeċiedi jekk tibqax membru tal-Commonwealth wara l-Indipendenza, mhux qabel. Fir-rigward tat-trattat ta’ difiża mar-Renju Unit, stqarr li ma riedx li kwalunkwe għajnuna ekonomika tkun marbuta ma’ tali trattat. Xtaq li l-Kostituzzjoni tkun tipprovdi għat-twaqqif ta’ kunsilli reġjonali bil-poter li jgħaddu liġijiet lokali għax kien jemmen li dawn setgħu kienu l-forġa ta’ mexxejja futuri. L-MLP ma kienx kontra l-indipendenza tal-ġudikatura jew il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku imma saħaq li dina għandi tagħti aktar piż lill-ħila tal-applikant milli lill-anżjanità tagħhom. Mintoff kien jinsisti ferm fuq il-fatt li Malta kellha tkun stat sekulari. Interessanti ħafna li ż-żewġ partiti l-kbar kienu qed iħarsu b’interess lejn is-Suq Komuni u pprospettaw id-dħul ta’ Malta fiha. (Godfrey A. Pirotta, Suppliment “L-Orizzont”, 20/9/2014, “Rieda Waħda”, pp. 17-18). 

Il-partiti ż-żgħar ta’ Ganado, Pellegrini u ta’ Mabel Strickland kienu kontra indipendenza immedjata imma riduha biss meta l-qagħda ekonomika ta’ Malta kienet tippermetti. Ganado kien jipprospetta li dan kellu jkun wara l-1980 meta kien jistenna li l-Ewropa tkun magħquda. Interessanti li l-partit ta’ Ganado wiegħed il-‘living wage’ u l-‘family allowances’ u li l-qliegħ jitqassam mal-bdiewa u l-ħaddiema.(Ganado, op. cit., pp. 360-1).

Ktibt fit-tul dwar il-proposti tal-partiti fl-elezzjoni tal-1962 għaliex jekk tqis sew, ħafna mill-proposti tagħhom ġew adottati matul is-snin ta’ wara l-Indipendenza. It-tajba hi li kienu n-Nazzjonalisti taħt Fenech Adami li daħħlu l-Kunsilli Lokali li Mintoff li ried fil-Kostituzzjoni mentri kien il-gvern ta’ Mintoff ta’ wara l-1971 li nieda sistema ta’ ‘welfare’ b’allokazzjonijiet għat-tfal li kien ippropona Ganado. Kien dan il-prammatiżmu ideoloġiku li kkontribwixxa għas-suċċess ta’ Malta matul il-ħamsin sena tal-Indipendenza. 

Qabel ma ngħatat l-Indipendenza, kien hemm tliet serje ta’ laqgħat l-Ingilterra ppreseduti mis-Segretarju tal-Kolonji, Duncan Sandys li fihom ħadu sehem il-ħames partiti rappreżentati fil-Parlament. Imma dawn it-taħdidiet qatt ma taw lok għall-ftehim. Fl-aħħar, Borg Olivier ippropona fit-30 ta’ Marzu 1964 fil-Parlament li tiġi adottata l-Kostituzzjoni abbozzata mill-Avukat-Ġenerali, J.J. Cremona li kien ippreżenta fl-ewwel serje ta’ laqgħat f’Londra f’Lulju 1963. Il-partiti taċ-ċentru ħarġu mill-Parlament u l-mozzjoni għaddiet b’26 favur u 16 kontra tal-Laburisti. Il-vot fir-referendum suċċessiv li sar fil-bidu ta’ Mejju l-anqas kien daqshekk plebixxitarju: minn 162,743 elettur, ivvutaw favur 65,714, ivvutaw kontra 54,919, 9,016 ma mlewx il-vot jew ħassruh kif ried Ganado mentri Pellegrini u Mabel talbu lill-partitarji tagħhom biex ma jivvutawx u minn dawn kien hemm 33,094. 

Xħin tqis kollox, 40% biss tal-elettorat kienu ivvutaw għal Indipendenza. Imma min naqas li jivvota favur jew kontra rrinunzja għad-dritt li jesprimi ruħu dwar il-kwistjoni. U l-Indipendenza ġiet. Matul is-snin kellna ħafna kontroversji minn sezzjoni tal-elettorat, primarjament dik Laburista, li kienet tgħid li din indipendenza farsa. Tassew Malta ħadet l-indipendenza bl-Ingliżi jżommu bosta lievi tal-poter f’idejhom. Fl-1964, la kellna bank ċentrali, la kellna armata la kellna aġenzija mwaqqfa bil-liġi biex tħajjar l-investiment jew it-turiżmu, l-anqas kellna orkestra nazzjonali. Kollox kien għadu fi stat embrejoniku. Is-snin ta’ wara kienu snin ta’ bini isituzzjonali u nistgħu ngħidu li l-pajjiż qatt ma ħares lura. 

Bħalma l-Indipendenza eventwalment ġiet aċċettata min prattikament kulħadd, l-istess ġara għal tibdil radikali suċċessiv. Illum ħadd ma joħlom li ma nibqgħux repubblika, li ma jkollniex żwieġ ċivili, li jerġa’ jkollna bażi militari tal-barrani, li ma nkunux parti mill-UE jew li ma jkollniex id-divorzju. Meta ngħid “ħadd”, forsi nkun neskludi xi numru żgħir tal-elettorat. Dawn it-tibdiliet ma kinux ikunu possibli mingħajr l-Indipendenza. Jekk meta tela’ fil-poter Mintoff fl-1971, keċċa lil Dorman u lil Birindelli, żgur li ma kienx ikun jista’ jagħmel hekk kieku bqajna bl-istess kostituzzjoni li kellna meta tela’ l-ewwel darba fil-poter fl-1955. Fortunatament, fl-aħħar ħamsin sena, tgħallimna nkunu prammatiċi imma forsi ma tgħallimniex biżżejjed li nevitaw il-kontroversji meta verament m’hemmx lok għalihom. 

Dawn il-ħamsin sena kienu kkaraterizzati minn tibdil ekonomiku u soċjali enormi. Il-Knisja tilfet il-predominanza tagħha kif ukoll il-propjetà tagħha (proposta ta’ Mintoff li twettqet min-Nazzjonalisti) u llum bil-kemm tazzarda tesprimi ruħha fuq materja li qabel kienet tippretendi l-veto. Mija u ħamsin sena wara Cavour, beda jitwettaq il-prinċipju ta’ Knisja Ħielsa fi Stat Ħieles.

Is-suċċess ekonomiku ta’ Malta tista’ tarah mit-termometru demografiku. Ħamsin sena ilu, Malta kellha popolazzjoni ta’ 320,620 li llum telgħet għal 425,484. Fl-1964, kienu emigraw 8,987. L-emigrazzjoni kienet meqjusa bħala s-soluzzjoni għall-problemi ta’ nuqqas ta’ xogħol f’pajjiżna: “Mill-1949, meta l-emigrazzjoni għaddiet il-5,000 sa l-1966, kienu telqu 105,146 ruħ lejn l-Awstralja, l-Ingilterra, il-Kanada u l-Amerika” (Ganado, op.cit. p. 248). Illum, barra l-eluf ta’ ċittadini komunitarji li qegħdin jaħdmu legalment hawn Malta, hawn eluf oħra ta’ ekstra-komunitarji li jew legalment jew illegalment jinsabu Malta. Il-Maltin li jemigraw huma dawk li ġeneralment isibu opportunitajiet aħjar minn dawk lokali fl-UE jew anke barra minnha. 

Sfidi għandna bosta: din il-ġimgħa stess sinjura ddikjarat f’laqgħa pubblika li għoxrin mit-tmienja u għoxrin ħaddiem li tħaddem huma barranin u stqarret li l-Maltin ma jridux jaħdmu. Ċertament li l-Maltin saru jiddarsu milli jagħmlu ċerta xogħol u huma bosta li jgħixu mill-assistenzjaliżmu tal-istat jew billi jaraw kif jiddefsu fis-settur pubbliku fejn spiss il-kundizzjonijiet ta’ xogħol huma laxki. Kwalunkwe gvern għandu d-dmir li jseddaq il-kompetittività tal-pajjiż u jrażżan il-pressjonijiet li jsirulu mill-eletturi tiegħu. Sfortunatament, dan mhux dejjem iseħħ. Kif qalli parlamentari dan l-aħħar, prattikament kull min jattendi xi attività politika jkun qed jippretendi xi ħaġa. 

Imma f’dawn l-aħħar ħamsin sena, tgħallimna ħafna, tgħallimna li ma nirrepetux iż-żminijiet koroh meta l-libertà, kemm politika kif ukoll dik ekonomika, kienet ristretta bla bżonn. Tgħallimna nkunu aktar tolleranti ta’ xulxin u fuq kollox, akkwistajna l-kunfidenza li nżommu rasna mgħollija kull fejn inkunu. M’għandniex inkunu eżaltati li bħalna m’hawnx imma ċertament m’għandna bżonn insegwu l-ebda mudell ta’ żvilupp ieħor, l-ebda Dubai jew Singapore li bnew l-iżvilupp mgħaġġel tagħhom fuq restrizzjonijiet kbar tal-libertà personali u nuqqas ta’ demokrazija vera.

Jalla kif qal il-Prim Ministru l-ħamsin sena li ġejjin jitfu l-ħamsin sena li għaddew. Jalla. 

Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.

More in Blogs