Bdiet l-iskola u beda t-traffiku
Dan mhux l-ewwel editorjal ta’ din il-gazzetta fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna u żgur mhux se jkun l-aħħar wieħed. Wara sajf sħun mimli vaganzi, festi u diversi ċelebrazzjonijiet, nhar it-Tnejn fetħu l-iskejjel u magħhom fetħu l-widien ta’ lmenti minn bosta li bdew iħabbtu wiċċhom ma’ traffiku staġnat fit-toroq prinċipali kif ukoll sekondarji ta’ diversi rħula u bliet.
Imma dan hu pajjiż fejn biex nibdlu xi ħaġa trid taffronta reġiment ta’ opinjonijiet li kollha jemmnu li huma għandhom raġun. Inutli tipprova tqajjem diskussjoni li tfal tal-primarja ma jixirqilhomx ikunu barra t-triq mas-7am b’basket mimli kotba mdendel wara daharhom jistennew il-vann tal-iskola. Ħin li anke għal xi adulti hu kmieni wisq aħseb u ara tfal ta’ dik l-età. Imma l-aqwa li l-għalliema jkunu lesti kmieni u mas-2.30pm ikunu d-dar, jistrieħu u mal-4pm jibdew bil-lezzjonijiet tal-privat u jaqalgħu dik ix-xi ħaġa żejda għall-familja.
Imma ta’ kull filgħodu, apparti l-eluf ta’ nies sejrin għax-xogħol, karozzi tal-linja u trakkijiet mgħobbija sa ruħ ommhom, jingħaqdu numru kbir ta’ vannijiet iġorru t-tfal lejn l-iskejjel jiżdiedu wkoll in-numru kbir ta’ ommijiet, missirijiet kif ukoll nanniet kulħadd ġirja waħda biex iwassal it-tfal l-iskola qabel it-7.45am u l-istess jerġa’ jsir waranofsinhar.
Mhux l-iskejjel kollha jispiċċaw fl-istess ħin u dan ikompli jtawwal dik li hi magħrufa bħala ‘rush hour’ fejn kulħadd jibda triqtu lura lejn id-dar. Tasal ma’ roundabout, ara min se jgħaddi l-ewwel. Ħadd ma jċedi lil ħadd u biex tilmaħ pulizija jidderieġi t-traffiku trid tagħmel wegħda ma’ xi qaddis ta’ ras kbira.
Madankollu jiżdiedu d-deċiżjonijiet ta’ Transport Malta li tagħlaq toroq, jew tibdel toroq minn żewġ karreġġjati għal waħda jew iddawwar is-sens uniku tas-sewqan bi ftit li xejn notifika jew konsultazzjoni man-nies tal-lokal jew Kunsilli. Każ tipiku hi r-roundabout ta’ Ħal Qormi li tgħaqqad Mdina Road mal-Marsa u Ħal-Luqa u ċ-ċentru ta’ Ħal Qormi fejn Transport Malta għalqet l-aċċess lejn il-Marsa u b’hekk żdied drastikament il-volum ta’ traffiku li jkun fl-akkwati u jrid idur ma’ din ir-roundabout. Roundabout oħra magħrufa ma’ kulħadd hi dik tal-Kappara fejn ta’ kull filgħodu ma jonqsux sriebet twal ta’ karozzi u li issa smajna li hemm ippjanata fly-over sabiex tissolva l-problema.
Lokalitajiet li minn dejjem huma sinonimi mat-traffiku huma l-Furjana, il-Ħamrun, il-Marsa, il-Fgura, l-Imsida, il-Gżira u Tas-Sliema. Iżda dan l-aħħar saret ukoll uġigħ ta’ ras jekk trid tipprova tgħaddi minn tal-Balal San Ġwann lejn in-Naxxar jew viċi versa fejn it-traffiku sar ħaġa tal-biża’ għas-sewwieqa li jridu jgħaddu minn dawk in-naħat.
Din il-gazzetta tkompli tisħaq li hemm bżonn li jsir studju serju dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna u kif jista’ jkun hemm ġestjoni aħjar tat-traffiku fit-toroq. Ma jistax ikun li nibqgħu bl-istatus quo u li t-toroq jingħalqu għal kull avveniment li xi ħadd jista’ joħlom bih.
Jista’ jkun li wasal iż-żmien li ċerti vetturi ta’ ċertu kobor ikunu limitati jiċċirkolaw f’ħinijiet ristretti? Jista’ jkun li wasal iż-żmien li ż-żwiemel ma jibqgħux jinstaqu fit-toroq matul il-jum? Jista’ jkun li wasal iż-żmien li l-vetturi tal-iskart jagħmlu l-ġbir tagħhom matul il-lejl? Jista’ jkun li wasalna fi stadju fejn ma nistgħux nibqgħu nittitubaw fuq dan is-suġġett?