Iċ-Ċiviltà kontra l-Barbariżmu
Illum il-Punent ċivilizzat u Nisrani jixxokkja ruħu bil-barbariżmu ta’ priġunieri li tinqatagħlhom rashom u l-eżekuzzjoni tiġri minnufih madwar id-dinja f’tebqa t’għajn bis-saħħa tal-mezzi tax-xandir tal-lum.
Iżda ninsew li dak il-barbariżmu mhux xi ħaġa tal-lum. Kienet tkun dehra aktar spettakolari għall-mezzi tax-xandir kieku l-kuntest kien jinbidel u nilmħu lil de (la) Vallette, Kristjan maħtur mill-Papa, biex jikkmanda fuq l-Ordni u l-Maltin, jaqta’ l-irjus tal-priġunieri Islamiċi u jisparahom mill-kanuni għal fuq l-għadu. Barbariżmu tassew kreattiv!
Illum nitkellmu dwar siti elettroniċi bħal The Voice of the Martyrs jew Aid to the Church in Need. Iżda ninsew kemm fl-imgħoddi, l-Islamiċi Torok kienu magħduda bħala bhejjem bla raġuni. U nippreferu niffukaw biss dwar x’qed jiġri fin-Niġerja, mill-Boko Haram, fis-Sirja, fl-Eġittu, fl-Eritrea, fis-Sudan u nħawi oħra fejn hemm persekuzzjoni għaddejja kontra l-Kristjani. Fi nħawi bħal Sri Lanka u Burma (illum Mjanmar) qed issir pressjoni kbira biex il-Buddiżmu jkun impost fuq kulħadd. Dawk li ma jikkonformawx, ibatu reliġjożament u fiżikament.
Imma din mhix storja tal-lum. Hi storja inversa li ġrat fl-imgħoddi u kienet perpetwata kontra l-Lhud (pereżempju fis-Seklu Sittax jew minn Hitler, Kristjan, tirann u miġnun). Jew fis-sottomissjoni forzata tal-Indo-Amerikani taħt il-kolonjaliżmu kleriko-imperjali ta’ Spanja. Wara li kienu nħakmu, l-Indjani, taħt piena tal-mewt, kienu obbligati jikkonvertu.
Illum nitkellmu kontra l-ossessjoni Musulmana dwar il-martirju, dwar il-Gwerra Qaddisa. Dwar it-twemmin tagħhom fil-glorja tal-martirju. Imma din tal-martirju glorjuż hi wkoll kostruzzjoni taċ-ċiviltà nisranija.
“Fl-Inkwiżizzjoni nqatlu, mixwijin ħajjin jew imgħallqin, gzuz ta’ nsara li ma qablux mal-oppressjoni Kattolika”
Hawn ukoll irridu nagħmlu pawża storika importanti. Hemm kapitli storiċi kruċjali li fil-Punent nippreferu ninjoraw jew ninsew għal kollox. Taħt il-qoxra rettorika u simplistika tal-kategoriji reliġjużi (eż: Il-Kristjanità kontra l-Islam u viċi-versa) ninsew li r-reliġjon hi marbuta b’mod ċar, mad-dominji tal-politika u l-ekonomija.
Dan hu l-argument ċentrali, ngħidu aħna, li jieħu Benjamin R. Barber fil-bestseller tiegħu Jihad vs McWorld (2003), fejn l-awtur jipprova janalizza l-isfida tat-terroriżmu għad-demokrazija, fid-dawl ta’ dak li seħħ fil-11 ta’ Settembru 2001 u wara. Barber iqiegħda tajjeb: “Din hi battalja bejn Babel u Disneyland, li hi skorċa, wara kollox, tal-kapitali tal-Infern, Pandemonju, li nsibu f’awtur morali bħal Milton.”
U x’inhuma l-marki ta’ dik li l-Insara jikkunsidraw bħala l-libertà ta’ żmienna? X’inhuma, eżattament, il-kriterji ta’ din il-libertà demokratika fil-Punent “nisrani”? George Steiner jissuġġerixxi li “it-Tempji l-Ġodda huma McDonald’s u Kentucky Fried Chicken.
Iżda ħalli nagħmlu passejn lura fl-istorja tal-kunflitt bejn l-Islam u l-Kristjanità.
Fis-seklu ħdax il-Papa Urbanu beda jħeġġeġ għal “Gwerra Qaddisa” kontra t-Torok. Għal żewġ sekli sħaħ kien hemm sensiela ta’ spedizzjonijiet Insara kontra l-Islam, bil-veri skopijiet moħbija. Fost l-imsieħba fil-kruċjati kien hemm għira kbira, suspetti u kalkulazzjonijiet materjali, fosthom in-negozju ta’ tagħmir għall-gwerra, kollox f’isem Alla.
Kien hemm bosta battalji interni fost il-Kristjani: il-Griegi kontra l-Latini. Suppost li l-Kavallieri kienu jaħilfu li jiġġieldu biss fi gwerer b’kawżi li kellhom il-barka tal-Knisja, iżda ħafna minnhom kellhom biss maskra nisranija (l-istess kif illum, kategoriji Islamiċi għandhom maskri favur Allah). Għall-Kavallieri, “il-pellegrinaġġi qaddisa” ma kienu xejn ħlief it-thejjija għall-qbid u t-tbiċċir tal-priġunieri Musulmani.
Il-Kavallieri u kategoriji oħra Kristjani invadew b’salvaġiżmu: farrku teżori antiki, inklużi sagri, tal-Kristjanità bikrija; iddesagraw tempji u oqbra u ħafna drabi (ngħidu aħna bħalma ġara fl-attakk kontra Konstantinopli), ħadu r-riedni f’idejhom u daħlu jissakkeġġjaw biex jaqsmu bejniethom.
L-istorja tal-Punent hi miżgħuda bil-kunflitti mdemmija mhux biss bejn il-Kristjani u l-Islamiċi, iżda bejn il-poter temporali (Knisja u Stat) li giddeb kull vokazzjoni reliġjuża tal-Kattoliċiżmu. Il-bestjalità Kristjana laħqet il-qofol tagħha fi żmien l-Inkwiżizzjoni fejn inqatlu, mixwijin ħajjin jew imgħallqin, gzuz ta’ nsara li ma qablux mal-oppressjoni Kattolika.
Fi kliem ieħor, il-Punent m’għandux kredenzjali kredibbli wisq fejn jidħlu l-binarji tar-reliġjon u l-poter. Id-diskors fuq iċ-ċiviltà u l-barbariżmu (anki kontra l-istess Kristjani) hu miżgħud bl-immoralità u l-ipokrezija. Nies illuminati bħal Luteru, Kalvinu u Bruno kellhom raġun.