Ma nafx x’naħseb!

“Għandi s-sensazzjoni li jkun irid jgħid ħafna iżda joqgħod lura minħabba d-diplomazija tal-Vatikan”
“Għandi s-sensazzjoni li jkun irid jgħid ħafna iżda joqgħod lura minħabba d-diplomazija tal-Vatikan”

F’dawn l-aħħar 100 sena l-Knisja kellha sensiela ta’ Papiet li għamlu ġid kbir lil din l-istituzzjoni. F’dawn l-aħħar 100 sena l-Knisja saret aktar sensittiva f’sens viżibbli u reali fi kwistjonijiet soċjali u anke ta’ natura ideoliġika. Enċikliki bħar-Rerum Novarum u Quadrogesimo Anno kien saru b’risposta għall-Komuniżmu u l-Kapitaliżmu.

U issa għandna Papa ieħor. Il-Franġisku li jikkuntrasta sewwa ma’ dak li kien hemm qablu. Mhux timidu u ma jiddejjaqx jitkellem. Forsi mhux daqstant akkademiku iżda jipposjedi sensittività kbira għas-sitwazzjoni umana mingħajr l-inibizzjonijijiet dommatiċi li oħrajn qablu kellhom. Jeqreb ħafna lejn Papa Ġwanni XIII. Aktar minn hekk politikament impenjat.

Politikament impenjat b’mod differenti minn Papa Pawlu Ġwanni II. Filwaqt li Papa Pawlu Ġwanni II kien ġej minn pajjiż eks komunista u għalhekk l-aġenda politika kienet xi ftit jew wisq influwenzata minn dan il-fattur, Papa Franġisku ġej minn kontinent fejn ħafna drabi x-xellug u l-Komuniżmu kien taħt. Niftakru f’Salvador Allendi u l-qassisin Cardenal u D’Escoto. Għalhekk jiena nemmen li dan il-Papa jħares lejn dak li qiegħed jiġri madwarna minn lenti differenti minn dawk li ġew qablu.

Għalhekk Papa Franġisku huwa sensittiv ħafna għal dawk li jkunu fi stat ta’ tbatija u għandi s-sensazzjoni li jkun irid jgħid ħafna iżda joqgħod lura minħabba d-diplomazija tal-Vatikan li hija xi ftit Ortodossa u anke Biżantina. Għalhekk meta dan l-aħħar dan il-Papa qal li d-dinja hija fuq l-għatba tat-Tielet Gwerra Dinjija ppreokkupajt ruħi għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda li l-affarijiet qegħdin jiggravaw b’mod spirali mingħajr ħadd ma donnu jista’ jwaqqafhom. It-tieni minħabba li l-Vatikan qabel kull gwerra kbira dejjem kien minn tal-ewwel biex ibassar x’se jiġri.

Ħadd ma jista’ jiċħad li llum id-dinja tinsab f’sitwazzjoni ta’ periklu li lanqas qabel l-1989 ma konna rajna bħala ħlief fil-bidu tas-sittinijiet bil-kriżi ta’ Kuba. Illum kull fejn tħares qiegħed jaqbad. L-Afrika ta’ Fuq ma tistax tieħu r-ruħ. Lvant Nofsani kważi ħuġġieġa waħda. Fejn suppost tneħħew id-dittaturi hemm sitwazzjonijiet li mhux għoqda mħabbla iżda bir imdardar b’kull kulur. Ġara xi ħaġa li għadna ma nistgħux nagħtu spjegazzjoni tagħha. Dan li qegħdin naraw huwa l-effett ta’ din il-kawża.

Nista’ biss nittenta nagħmel analiżi. Jiena nemmen li aħna li ngħixu fil-Punent naħsbu wisq li s-sistemi u soluzzjonijiet li sibna għalina huma universalment applikabbli għal kull pajjiż ieħor indipendentament twemmin reliġjuż u kultura ta’ pajjiż ikun xi jkun. Għalkemm huwa deżiderabbli li d-demokrazija tal-Punent tkun applikabbli f’kull pajjiż, ma naħsibx li dan qatt jista’ jiġri. Għandna eżempji ħajjin quddiem għajnejna ta’ dak li qiegħed jiġri fil-Libja, fl-Afganistan, fl-Iraq u dalwaqt fis-Sirja.

“…fuq l-għatba tat-Tielet Gwerra Dinjija”

Kultant jidħolli d-dubju jekk dak li nixtiequ lil ħaddieħor huwiex fl-interess tagħhom jew fl-interess tagħna. Dan qiegħed ngħidu fid-dawl li anke meta jkun hemm elezzjonijiet demokratiċi jekk min ikun elett ma jogħġobnix ma ndumux ma nintervjenu biex inħarsu l-interessi tagħna. Dan ġara f’pajjiżi bħal Gaza meta l-Hamas rebħu l-elezzjonijiet jew bħal ma ġara riċentament fl-Eġittu. Kulħadd jidħollu d-dubju li d-demokrazija li rridu għal dawn in-nies mhix waħda à la carte iżda fissa. Jew din jew xejn, iżda xorta tistgħu tivvutaw.

Il-biża’ li għandha d-dinja mill-IS hija ġustifikata. Il-barbariżmu u nuqqas ta’ umanità li qiegħda turi din l-għaqda anke qed tkun ikkundannata minn pajjiżi Islamiċi kbar. Ħadd ma jista’ jaqbel ma’ dan kollu. Iżda għal darba, din hija biss l-effett tal-kawża li għadni kemm semmejt. Konna aħna stess li ħloqna l-mostri li fl-aħħar tal-ġurnata kienu alleati tagħna. Bin Laden, Saddam u anke Baghdadi kienu xi darba alleati tal-Punent.

Issa ftaħna l-kaxxa tal-Pandora u dak li qiegħed joħroġ minnha ma naħsibx li se noqtluh bil-bumbardamenti mill-ajru. Naħseb li l-effett se jkun il-kuntrarju. Toqtol wieħed u jiġu mija. Forsi bir-raġun tistaqsuni x’soluzzjoni għandi, sinċerament it-tweġiba tiegħi tkun li ma nafx. Naf ħaġa waħda biss... li għaġġilna u llum qed jiddispjaċina.

More in Blogs