Via del Campo

Il-prostituzzjoni...

Għax hemm diversi tipi ta’ prostituzzjoni, fosthom tat-triq u tal-poeżija...
Għax hemm diversi tipi ta’ prostituzzjoni, fosthom tat-triq u tal-poeżija...

F’‘Amsterdam’ Jacques Brel ikanta dwar il-baħrin fil-port tal-kapitali Olandiża, fuq il-mod kif iġibu rwieħhom, ix-xorb bla rażan li jixorbu u l-grokk l-ieħor li jieħdu għas-saħħa tal-prostituti li jmorru magħhom f’Amsterdam stess, jew f’Hamburg jew fejn ikun; jagħtuhom ġisimhom għal munita tad-deheb.

‘Amsterdam’ tixbah ħafna l-istorja tal-aktar triq magħrufa (jew għallinqas hekk kienet xi darba) tal-kapitali tagħna: baħrin, xorb sfranat, mużika u, ovvjament, nisa. Għalkemm riċentement kien hemm sforzi biex din it-triq tiġi eżaltata bħala ċ-ċentru kulturali storiku Malti u, fl-istess waqt, tiġi ppurifikata mid-dnubiet tal-ġisem, ftit huma dawk li lesti jemmnu li dik it-triq ma kinitx iċ-ċentru tal-industrija tal-prostituzzjoni f’Malta. 

Il-klixè tgħid li l-prostituzzjoni hija l-eqdem professjoni madwar id-dinja kollha. M’hawnx belt fid-dinja li m’għandhiex dak in-numru ta’ toroq jew dak il-kwartier jew imqar dik il-kantuniera li mhumiex magħrufa għan-nisa (u xi kultant anki l-irġiel) tat-triq. Hija professjoni li xegħlet l-immaġinazzjoni ta’ ħafna kittieba, pitturi, kantawturi u artisti oħrajn li, ħafna drabi spiċċaw biex irromantiċizzawha kemm felħu u ġabuha tidher bħallikieku kienet xi professjoni nobbli li min kien jesegwiha kien jagħmel dan b’ċerta maġija u estetika. Karattri famużi f’ħafna rumanzi bħal Nana ta’ Emile Zola, jew is-sieħba tal-protagonista fl-aħħar ktieb ta’ Garcia Marquez  (2004) jibqgħu mniżżla għall-interess li jqanqlu fil-ħajja ta’ prostituzzjoni tagħhom. L-istess il-pitturi bħal Toulouse Lautrec u x-xeni mill-briedel fejn kien iqatta’ ħafna ħin minn ħajtu, jew Van Gogh u l-imħabba tiegħu lejn il-prostituti, juru din il-ġibda, artistika imma anki sesswali, għall-prostituti.

F’din ir-romantiċizzazzjoni tal-prostituzzjoni ssib l-ammirazzjoni tal-klijent lejn il-prostituta tiegħu. Ngħidu aħna Sting ikanta lil din Roxanne li jħobbha anki mingħajr l-irtokk u jixtieq joħodha għalih biss; jew Ian Gillan li jkanta dwar il-prostituta li tispiċċa mart il-klijent fi ‘Strange Kind of Woman’; l-istess ħsieb ta’ Le Orme f’‘Era Inverno’ fejn il-ġuvni jkollu l-ewwel esperjenza sesswali tiegħu ma’ din il-prostituta li jiġġennen warajha. Kanzunetti bħal dawn mhux biss ikomplu jemfasizzaw din id-dimensjoni estetika u joħolqu xbieha romantika tal-prostituta, imma jagħtu wkoll dimensjoni differenti tar-relazzjoni bejn il-klijent u l-mara; biex ngħidu hekk jibdlu tranżizzjoni bi ħlas f’relazzjoni ta’ mħabba.

Issa l-ħsieb ta’ dan kollu ġie minn artiklu fin-New York Observer dwar burdell partikolari ħafna fi New York. F’dan il-burdell, iddisinjat u ppjantat fuq il-forma stabbilita mill-briedel Pariġini tal-era dekadenti, minflok ġisimhom il-ħaddiema joffru lill-klijenti tagħhom poeżija. Bażikament il-klijent ikollu ‘prostituta’ li ddaħħlu f’kamritha u hemmhekk taqralu poeżiji skont kemm lest li jħallas. Fil-bieb tilqgħek il-Madam, li mbagħad tmexxik lejn dik il-prostituta li tista’ tissodisfa l-bżonnijiet (poetiċi) tiegħek bl-aħjar mod.

Amerikanata? Bla ebda dubju. Imma filwaqt li veru din hija gimmik gustuża hemm ukoll messaġġ politiku fl-inizjattiva. Stephanie Berger il-moħħ u l-Madam ta’ dan il-Burdell, tosserva li mhijiex il-prostituzzjoni waħidha li hija l-eqdem fost il-professjonijiet, imma anki l-kitba tal-poeżija. Għax verament, f’liema pajjiż fid-dinja m’hemmx xi forma jew oħra ta’ poeżija miktuba jew għallinqas mgħoddija bil-fomm? U ma rridux ninsew lanqas li l-eqdem forma letterarja hija dik poetika. U fil-każ tagħna partikolari, f’Malta, l-eqdem test miktub huwa, kumbinazzjoni jew le, poeżija. Stephanie Berger għandha raġun ukoll meta tgħid li l-prostituzzjoni u l-poeżija għandhom kwalitajiet oħrajn konverġenti, mhux biss il-qedem tagħhom;  it-tnejn huma attivitajiet ta’ ċerta intimità: il-prostituta tagħtik ġisimha, il-poeta tagħtik ruħha.

Mid-dehra dan il-burdell New Yorkiż diġà kiseb ċerta popolarità. Il-Madam tgħid li r-raġuni hija waħda ovvja: il-poeżija mhijiex eżerċizzju li għandu jsir fil-klassi tal-iskola, u lanqas m’għandu jsir f’sitwazzjonijiet formali li ħafna drabi nispiċċaw narawh fihom. Il-burdell jagħti l-opportunità ta’ intimità, trasgressività u, fuq kollox, pjaċir.

Ma naħsibx li l-kollega f’din il-gazzetta u deputat kap tal-Partit Laburista kellu l-burdell New Yorkiż f’moħħu meta dil-ġimgħa stqarr li jħoss li wasal iż-żmien li l-liġi Maltija fuq il-prostituzzjoni għandha tinbidel b’tali mod li jiġu legalizzati anki l-briedel. Nimmaġina li, anki jekk l-avukat Abela magħruf għall-għarfien artistiku tiegħu, f’moħħu kellu briedel li jħaddmu l-prostituti, fejn it-tranżazzjoni bejnhom u l-klijenti, tkun waħda tal-ġisem aktar milli tar-ruħ. 

Dawk li bħal Toni Abela jaqblu mar-regolazzjoni tal-prostituzzjoni u, allura, mal-legalizzazzjoni tal-briedel, jemmnu li b’hekk il-ħaddiema tas-sess ikunu protetti kemm mill-klijenti tagħhom kif ukoll minn mard minħabba li parti mir-regolarizzazzjoni titlob l-iskrutinju kontinwu tas-saħħa tal-prostituti (u allura, b’konsegwenza, tal-klijenti). L-istess bħall-argument favur ir-regolarizzazzjoni tad-droga (jew ċerti drogi) hawnhekk insibu insistenza li meta l-kiri tal-iġsma għal finijiet sesswali jiġi regolarizzat jinqatgħu l-abbużi u l-attivitajiet tas-suq klandestin u allura tal-kriminalità. 

Imma antika daqs il-prostituzzjoni nfisha hija d-dilemma dwar liema huma r-riżultati tar-regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni. Ħaddieħor ma jarax l-argument bħalma jarawh Abela u oħrajn tal-istess fehma, iżda, ironikament, jaraw il-possibilità li l-istat ikun qiegħed jilleġġitimizza l-isfruttament ta’ nies li aktarx daħlu għal din il-professjoni għaliex kienu diġà soċjalment esklużi, diskriminati u marġinalizzati. Bil-liġi li tirregolarizza l-kummerċ sesswali, l-istat ikun qiegħed jagħti l-barka tiegħu lil grupp żgħir ta’ sfruttaturi biex jisfruttaw kemm lill-ħaddiema tagħhom u aktarx anki lill-klijenti. Wara kollox ilkoll nafu li s-sistema kapitalista timxi fuq dan il-prinċipju sagrosant: sfrutta kemm tista’ ħalli tiggwadanja aktar. 

Bħal kull dilemma soċjali oħra, ir-regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni hija sikkina b’żewġt ixfar u mhux lakemm taqtagħha favur jew kontra. Jekk xejn, dak li għamel Toni Abela dil-ġimgħa kien li fetaħ (issa nispera li nużaw dil-fetħa) fetħa b’ħajt samm biex forsi nibdew niddiskutu bis-serjetà dan il-fenomenu. L-istqarrija ta’ Abela segwiet il-każ ta’ numru sostanzjali ta’ nisa li tressqu l-qorti minħabba li nqabdu kemm-il darba mill-pulizija jitlajjaw fit-toroq – f’ċerti toroq – fil-Gżira u l-Marsa, iż-żewġ lokalitajiet tal-prostituzzjoni tat-triq. Qed ngħid hekk għaliex, bħal dejjem u kullimkien, hemm prostituzzjoni oħra, aktar sofistikata u allura aktar mistura minn din.

Forsi għad jinfetħu l-briedel ukoll f’Malta. Forsi għad jinfetħu wkoll il-briedel tal-poeżija, fejn toqgħod tisma’ lil De Andrè jkanta ‘Bocca di Rosa’, jew ‘Via del Campo’. 

U jekk hawn sejjer il-Belġju – forsi jinteressa wkoll lill-konnazzjonali tagħna hemmhekk – il-Burdell tal-Poeżija għandu fergħa hemmhekk. Wieħed jista’ jibbukkja għal appuntament fuq www.poeziebordeel.be. Nawgura l-pjaċir lil kulħadd.

More in Blogs