Il-każ Martin Debono u Bobby Cali

Hija ħasra kbira u inkwetanti immens li wara storja f’din il-gazzetta dwar Martin Debono u Bobby Cali r-risposta mill-awtoritajiet kienet riflessa f’silenzju assolut.

Dan mhux denju ta’ demokrazija ħajja u dan kultura fejn hemm bżonn kontabbiltà.

Nibdew billi tal-anqas nistennew li l-Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit jobbliga ruħu li jiskuża lilu nniffsu tal-investigazzjonijiet fażulli li waslu biex dawn il-kunsilliera wieħed Laburist u Nazzjonalist jiġu mressqa l-qorti u akkużati b’affarijiet li m’għamlux. 

Imbagħad hemm is-sehem ta’ Joanna Gonzi li kienet sindku f’isem il-Partit Nazzjonalista u Svetlana Curmi li kienet segretarju tal-kunsill ta’ Tas-Sliema. Dawn għandhom jirrispondu għal għemilhom.

Iżda l-iktar inkwetanti huwa s-silenzju fil-konfront ta’ Cyrus Engerer, eks kandidat għall-Ewropa f’isem il-Partit Laburista, eks kunsillier f’isem il-Partit Laburista u issa konsulent lil tal-anqas żewġ ministeri.

Din il-persuna li fil-bidu tas-sajf instab ħati ta’ reat kriminali, fir-rekord instema’ jgħid affarijiet li huma inaċċetabbli. Jikkonfermaw ċertu xejra fil-karattru ta’ Engerer li jagħmluh mhux denju ta’ pożizzjoni politika jew kariga li tista’ tkun sensittiva.

Wisq aktar jekk dan qed jagħti suppost pariri lil xi ministeru jew ministru li huwa f’pożizzjoni li tista’ tpoġġi l-ministru f’dawl ikrah.

Huwa għalhekk li s-silenzju mhix risposta għal għemil ta’ din il-persuna li tilef kull krettu ma’ min jemmen f’kodiċi li tpoġġi s-sewwa qabel il-ħtieġa li niskużaw kollox.

Jekk il-gvern jagħżel li jinjora din il-kwistjoni mela u tassew ma tkunx problema li meta jkun sitwazzjoni oħra jew inkella okkażjoni fejn persuna f’kariga tgħid kliem bħal dawn tiġi eżentata minn passi dixxiplinari jew passi legali.

Il-kejl ta’ x’inhu tolerat għandu jgħodd għal kulħadd irrespettivament mill-kariga jew pożizzjoni tiegħu. Fuq kollox għandu jkun mument fejn kull min żbalja jaf li se jiġi trattat bl-istess mod.

Id-deċiżjoni li qisu Cyrus Engerer huwa differenti minn ħaddieħor ikattar l-impressjoni li hemm żewġ imwieżen. Għal dawk ta’ taħt u dawk ta’ fuq.

Nistennew li l-affarijiet jinbidlu u li jkun hemm risposta u reazzjoni ċara dwar l-għemil ta’ din il-persuna. 

Il-proċess li għaddew minnu Debono u Cali mhux ta’ min wieħed jinsieh. Li tispiċċa arrestat f’nofs ta’ lejl xitwi u mneżża għarwien mingħajr dinjità ġo ċella fid-depot tal-Pulizija mhijiex xi ħaġa li tintesa faċilment. L-effetti psikoloġiċi fuq iż-żewġ kunsilliera li ġew interrogati mill-pulizija għal iktar minn darba u magħfusa sabiex jammettu affarijiet li huma m’għamlux jieħdu ż-żmien biex ifiqu. Dawn l-irġiel tilfu x-xogħol minħabba l-allegazzjonijiet li saru fuqhom. Ġew esposti għal diversi għidut u xnigħat fuqhom kif ukoll ħars bl-ikrah minn dawk li kienu jafuhom bħala rġiel tal-affari tagħhom. Kellhom jirriżenjaw minn karigi uffiċjali sakemm il-ġustizzja ħadet il-kors li kien hemm bżonn sabiex toħroġ il-verità. Għalhekk issa hu doveruż li min kien wara l-konfoffa moqżieża kontra Debono u Cali jieħu dak li ħaqqu u mħux jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn.

More in Blogs