Zalbart, Strasburgu u l-Ewropa
Xi tfisser l-Ewropa? Xi jfisser il-proġett Ewropew? L-Ewropa għaddejja minn perjodu xejn feliċi bi kriżi ekonomika tassew severa u twila li ilna ma naraw bħalha minn qabel il-gwerra.
Fis-snin ta’ wara l-gwerra, id-demokrazija liberali fl-Ewropa kienet ikkaratterizzata minn alternanza ta’ poter kważi istituzzjonalizzat bejn il-partiti taċ-ċentru-lemin u taċ-ċentru-xellug. Biex tinkser il-monotonija, xi kultant kien jitfaċċa fix-xefaq xi partit liberali jew tal-ħodor.
Imma forsi minħabba l-kriżi ekonomika, u n-nuqqas ta’ mexxejja kariżmatiċi u dominanti (bl-eċċezzjoni ta’ Angela Merkel), din l-ġeometrija politika qiegħda tixxaqqaq. F’ħafna pajjiżi, qed jinbtu movimenti ġodda li xi kultant diffiċli tagħtihom timbru ideoloġiku - u dan anke minħabba li l-partiti tradizzjonali tilfu ħafna mill-għeruq ideoloġiċi tradizzjonali tagħhom. Dan narawh fiż-żieda spettakulari fil-popolarità fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej ta’ partiti bħall-Moviment Cinque Stelle fl-Italja li jgawdi l-popularità ta’ wieħed minn ħamsa tal-elettorat, il-Front Nationale fi Franza ta’ Marine Le Pen li akkwista kwart tal-voti, l-U.K. Independence Party ta’ Nigel Farage li wkoll rebaħ l-aħħar elezzjonijiet Ewropej bi 28% tal-voti u l-Alternative fur Deutschland, partit li diffiċli tiddeskrivih sew imma li ġab 7% tal-voti u tella’ seba’ deputati
Bosta minn dawn il-partiti huma anti-Ewropej u jisfruttaw, jew ikesksu, is-sentimenti ewroxettiċi ta’ faxex differenti tal-popolazzjoni. Għalkemm ilkoll huma kontra l-konsensus politiku li ftit jew wisq jirrenja fil-kapitali Ewropej u fil-kurituri tal-poter fi Brussell, hemm bosta differenzi bejniethom. Mentri l-Grieg Syriza ma jridx li l-Ġermanja tiddetta aktar politika ta’ awsterità, l-AfD huwa kontra bail-outs b’fondi pubbliċi u jrid aktar issikkar taċ-ċintorin.
Għalhekk huwa daqshekk importanti li nkunu nafu xi jfisser eżattament li l-proġett Ewropew li nbeda wara l-aħħar gwerra. U huwa appuntu minn hawn li rridu nitilqu. Għadna kemm iċċelebrajna l-mitt sena mill-bidu tal-ewwel kunflitt mondjali u l-ħamsa u sebgħin sena mill-bidu tat-tieni wieħed. F’temp ta’ ħamsa u għoxrin sena, l-Ewropa għaddiet minn gwerra li ħalliet miljuni mejta, temmet erba’ mperi u welldet bosta pajjiżi ġodda u bdiet oħra mdemmija daqsha u aktar. Mhux ta’ b’xejn li meta spiċċat it-Tieni Gwerra Mondjali, il-mexxejja Ewropej bħal Robert Schuman, Jean Monnet, Konrad Adenauer, Alcide De Gasperi u anke Winston Churchill saħqu fuq il-ħtieġa ta’ għaqda politika u ekonomika sabiex ma jirrepetux ruħhom il-ġrajjiet imdemmija tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin.
F’diskors li ta fl-Università ta’ Zurich fid-19 ta’ Settembru 1946, Sir Winston Churchill sejjaħ għal speċi ta’ Stati Uniti tal-Ewropa u l-ħolqien ta’ Kunsill tal-Ewropa. Il-Kunsill ta’ l-Ewropa twaqqaf fil-5 ta’ Mejju 1949 bl-iffirmar minn għaxar pajjiżi Ewropej tat-Trattat ta’ Londra. Dan it-Trattat ħaseb ukoll għat-twaqqif ta’ Assemblea Parlamentari li mingħajr dewmien fl-1950, abbozzat il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din il-Konvenzjoni kienet storika għax għall-ewwel darba ħasbet ukoll għall-mekkaniżmu ta’ nfurzar tad-drittijiet tal-bniedem bit-twaqqif tal-Qorti Ewropea.
Ma niskantax jekk ikun hemm mill-qarrejja li jgħidu “Imma aħna dan kollu kif jaffetwana? M’aħniex se naqilgħu l-ħobża ta’ kuljum b’din l-Konvenzjoni.” U hawnhekk fejn isir l-iżball fundamentali dwar l-Ewropa. Meta Malta kienet qiegħda tipprova ssir membru tal-Unjoni Ewropea, li hija istituzzjoni ferm aktar impenjattiva mill-Kunsill tal-Ewropa li baqa’ ma żviluppax minħabba l-oppożizzjoni Brittanika, kien hawn fil-pajjiż dibattitu artifiċjali minħabba l-oppożizzjoni tal-Partit Laburista li messu kien jaf aħjar. Spiss kienet issir enfasi fuq il-benefiċċji ekonomiċi li se nieħdu minn tali dħul u dan a skapitu ta’ vantaġġi inqas tanġibbli oħra. U din tassew sfortuna għaliex li tħaddan il-valuri Ewropej, li temmen fil-proġett Ewropew mhijiex kwistjoni biss ta’ kif inħobbu ngħidu Pounds, Shillings and Pence. Imma hemm xi ħaġa aktar importanti minn hekk u din hija r-rispett tas-saltna tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, mingħajr liema rispett, l-ebda żvilupp ekonomiku dejjiemi u ekwu m’huwa possibli.
Xi kultant tara xi kumment anonimu li m’għandniex bżonn l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ladarba għandna l-protezzjoni tal-Kostituzzjoni. Din il-ġimgħa kelli esperjenza diretta ta’ kemm fil-fatt tiswa l-Konvenzjoni. Min bħali hu avukat li jipprattika l-qorti jkollu sodisfazzjon li minn żmien għal żmien bil-ħidma tiegħu jirnexxielu jevita li titwettaq inġustizzja. U f’tali ħidma, m’hemm xejn aqwa mill-Konvenzjoni u mill-Qorti Ewropea li spiss tiftaħ it-triq li l-imħallfin tagħna jħallu mbarrata.
F’Jannar 2011, ġie arrestat fl-ajruport mal-wasla tiegħu f’Malta, wieħed Pollakk, Rafal Zalbart. Zalbart kien suspettat li kellu d-droga fl-istonku tiegħu biex jgħaddiha lil xi ħadd hawn Malta. Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, huwa ammetta li kien qed iġorr bejn 32 u 35 kapsula li mingħalih li kien fihom drogi illegali u li hu għalihom kien se jaqla’ €10 għal kull kapsula. Spjega wkoll li huwa ġie mġiegħel jagħmel dan il-vjaġġ għaliex spiċċa bla flus wara li kien tkeċċa mix-xogħol li kellu. Dan ftit ġimgħat biss wara li emigra mill-Polonja għall-Olanda. Kellu jagħti l-flus lil min kien krielu appartament u dan issikkah sabiex jagħmel dan il-vjaġġ lejn Malta.
Meta ħarġu l-kapsuli minn Zalbart u ġew ittestjati mill-forensika, irriżulta li minn 443.68 gramma, ma kien hemm l-ebda sostanza projbita ħlief għal 1-1.5% ta’ diazepam li m’huwa xejn ħlief trankwilizzant. Is-suspett tiegħi hu li din kienet messa in scena elaborata minn ċirku kriminali li sfrutta nies bħal Zalbart li fl-istess jiem ilkoll inqabdu fuq missjonijiet simili fi bliet oħra Ewropej. Intant, it-traffikanti vera tad-droga għaddew mingħajr xkiel. Madankollu, mentri min inqabad fil-bliet l-oħra Ewropej, spiċċa jqatta’ ftit xhur ta’ ħabs, Zalbart tressaq il-qorti b’akkużi li setgħu fissru li kellu jqatta’ għomru l-ħabs.
Il-liġijiet tagħna ta’ kontra d-droga huma fost l-aktar ħorox fid-dinja tal-Punent. Bl-ebda mod ma rrid ninkoraġixxi l-użu tad-droga għalkemm nemmen li l-projbizjoniżmu m’hu qed iwassal imkien. Madankollu, kont, flimkien ma’ ħafna avukati, kontra d-diskrezzjoni assoluta li jgawdi l-Avukat-Ġenerali li jiddeċiedi, bla ma jagħti raġuni, jekk akkużat b’reati konnessi mad-droga għandux imur ġuri u għaldaqstant, ikun suġġett għal għomru l-ħabs jew imur quddiem maġistrat li l-aktar jista’ jibagħtu għaxar snin ħabs. Mhux dejjem kien ċar għala l-Avukat-Ġenerali għażel mod u mhux ieħor u dan minkejja d-differenza sostanzjali fil-piena.
Fl-aħħar, kien hemm ċerta John Camilleri li sfida d-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali fil-Qrati Maltin u allega li tali diskrezzjoni tikser il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea. L-imħallfin tagħna ma xammew l-ebda ksur tad-drittijiet tal-bniedem u John Camilleri spiċċa jieħu l-każ tiegħu fil-Qorti ta’ Strasburgu. B’sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, il-Qorti Ewropea sabet li d-diskrezzjoni tal-Avukat-Ġenerali tiġi eżerċitata mingħajr l-ebda sindikar mill-qrati u mingħajr l-ebda linji gwida fil-liġi u għalhekk, tikser is-seba’ artiklu tal-Konvenzjoni li huwa bbażat fuq prinċipju tad-dritt ruman, nulla poena sine lege, l-ebda piena mingħajr il-liġi.
Minkejja din is-sentenza, l-Avukat Ġenerali baqa’ għaddej qisu mhu xejn u baqa’ jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu. Dan l-atteġjament ta lok għall-pataflun ta’ kawżi kostituzzjonali oħra, inkluża waħda ta’ Zalbart. Issa l-qrati tagħna fetħu mnifsejhom u bdew ixommu ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Mhux talli hekk, talli ngħataw ċerti sentenzi li sabu anke ksur tal-artiklu 6 li jassigura d-dritt għall-proċess ġust. Fl-aħħar, il-leġislatur għoġbu jiċċaqlaq u jindirizza s-sitwazzjoni anomala li nħolqot wara s-sentenza ta’ Strasburgu u għaddiet liġi li tat lil kull min qed jaffaċja ġuri fuq reati ta’ droga d-dritt li jitlob li d-deċiżjoni tal-Avukat-Ġenerali tiġi riveduta mill-Qorti Kriminali.
Zalbart hekk għamel u ftit jiem ilu, il-Qorti Kriminali laqgħet ir-rikors tiegħu. Minn għomru l-ħabs, issa se jaffaċja massimu ta’ għaxar snin. Minkejja li l-Avukat-Ġenerali baqa’ jinsisti li għandu jgħaddi ġuri għalkemm l-aktar li seta’ jinstab ħati kien talli ħa sehem f’konġura sabiex tiġi importata anqas minn nofs kilo droga li fil-fatt ma kienet droga xejn, il-Qorti tatu rimedju xieraq.
Kieku mhux għall-Konvenzjoni u l-Qorti Ewropea, kieku Zalbart probabilment kien jispiċċa jqatta’ ferm aktar żmien Kordin mit-tliet snin u nofs li ilu hemm. Kieku l-liġi kienet ċara mill-bidu nett, kieku ma kienx ikun hemm kwistjoni. Madankollu, ġaladarba ma kienx ċar liema piena tapplika meta twettaq ir-reat, Zalbart ma kellux jieħu piena eħrex milli suppost ħa b’għemilu. Dan huwa prinċipju ta’ ċiviltà li l-leġislatur u l-qrati tagħna nsew fl-entużjażmu sabiex jirreprimu t-traffikar tad-droga. Huma dawn il-prinċipji ta’ ċiviltà li sawru l-valuri Ewropej li ma rridu qatt ninsew u nittraskuraw u li huma importanti aktar mill-flus li nieħdu biex nagħmlu t-toroq u nirranġaw is-swar. Faċli nittraskurawhom dawn il-valuri imma jekk nagħmlu hekk, inkunu qed ninsew l-istejjer traġiċi tal-passat li minnhom tnisslu.
Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.