L-assigurazzjoni fuq is-saħħa

Għall-trattamenti mediċi jew operazzjonijiet hemm stennija li tvarja minn numru ta’ xhur sa numru ta’ snin

Huwa fatt naturali li meta wieħed ikun marid u muġugħ jistenna li jingħata l-kura meħtieġa mill-aktar fis possibli iżda għalkemm f’pajjiżna għandna sistema tas-saħħa fejn dan is-servizz hu prodvut b’xejn, mhux dejjem se tinqeda fil-pront u fil-ħin.

Uħud mit-trattamenti mediċi jew operazzjonijiet hemm stennija għalihom li tvarja minn numru ta’ xhur sa numru ta’ snin u li mhux faċli tifimhom meta tkun tħosssok ma tiflaħx u batut biex tkompli bil-ħajja normali ta’ kuljum inkluż li taqla’ l-għixien tiegħek.

Dment li t-tobba ma jiċċertifikawkx bħala emerġenża, trid tistenna sakemm ikun imissek jew inkella tmur tipprova tinqeda fil-privat bi ħlas. Ħlas li hu magħruf li jiswa l-flus u li ħafna jqisu li hu inaffordabbli għalihom li, sempliċiment biex tara konsulent, trid tħallas €50.

Għal min jiflaħ iħallas hemm il-possibilità li jixtri polza tal-assigurazzjoni biex f’każ ta’ bżonn, wieħed jinqeda malajr u forsi bi ftit aktar kumdità u privatezza li sptar privat jista’ joffri aktar mill-isptar pubbliku. Ħafna mill-poloz tal-assigurazzjoni però, huma suġġetti għal diversi tibdil mill-kumpaniji rispettivi u hekk kif wieħed jagħmel użu minnhom biex jieħu l-benefiċċji, il-probabilità hi li l-miżati tal-ħlas jogħlew jew li anke jitnaqqas il-kopriment ta’ ċerta kundizzjoni jew mard li jista’ jkun kroniku jew terminali.

Dawk il-poloz li jimxu ma’ din il-linja għaldaqstant m’humiex qed joffru inċentiv lill-pazjent li jibqa’ jżomm polza tal-assigurazzjoni jekk dan jaf li meta jiġi biex jieħu lura dak li hu tiegħu jsib li hemm ħafna kundizzjonijiet li ma jkunux japplikaw.

Għaldaqstant, jekk il-gvern qed jikkunsidra li jagħti inċentivi lil dawk l-individwi li jkollhom polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa bħala parti mis-soluzzjoni biex jitnaqqas il-volum ta' xogħol minn fuq l-isptar pubbliku, hemm bżonn li jiġu riveduti t-termini u kundizzjonijiet li dawn il-kumpaniji joffru lill-klijenti tagħhom.

Hija inaċċettabli li kumpanija toffrilek benefiċċju finanzjarju jekk bħala pazjent assigurat tmur tieħu s-servizz meħtieġ ġo sptar pubbliku minflok fi sptar privat. Hija wkoll inaċċettabli li wħud minn dawn il-poloz jieqfu jkopru jew jeżentaw ċerta trattamenti f’każ ta’ mard kroniku jew terminali.

Huma dawn il-fatti li jġiegħlu lil ħafna nies joqogħdu lura milli jixtru dawn il-poloz minn buthom għax jafu li meta jiġu biex jieħdu dak li hu tagħhom se jsibu ħafna titubar minn naħa ta’ wħud minn dawn il-kumpaniji li jagħmlu minn kollox biex jevitaw li jħallsu l-ispejjeż tal-marid.

Għalhekk filwaqt li l-idea li semma’ s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm Reporter fuq TVM ta’ ħmistax ilu daqqet għal widnejn ħafna nies bħala skema tajba u li tista’ tnaqqas il-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei, fl-istess waqt xegħlet il-bozza l-ħamra li dan kollu mhux se jkun ta’ suċċess jekk ma ssirx xi tip ta’ riforma li tipproteġi l-interess tal-pazjent minn dawk il-kumpaniji li, anke fejn jidħol il-mard, jippruvaw japprofittaw ruħhom finanzjarjament minn fuq il-vulnerabbli.

More in Blogs